15.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 59/48


Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Diċembru 2015 – Il-Lussemburgu vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-755/15)

(2016/C 059/55)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu (rappreżentanti: D. Holderer, aġent, u D. Waelbroeck, S. Naudin u A. Steichen, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tiddikjara dan ir-rikors ammissibbli u fondat;

prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-21 ta’ Ottubru 2015, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.38375 implementata mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu favur Fiat;

sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-21 ta’ Ottubru 2015, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.38375 implementata mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu favur Fiat sa fejn din tordna l-ikupru tal-għajnuna;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107 TFUE, sa fejn il-Kummissjoni ma ġabitx il-prova tas-selettività tad-deċiżjoni antiċipattiva inkwistjoni.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107 TFUE u tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni, sa fejn din tal-aħħar ma ġabitx il-prova ta’ vantaġġ u lanqas dik ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni.

3.

It-tielet motiv, invokat sussidjarjament, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE, sa fejn il-Kummissjoni eżiġiet l-irkupru tal-għajnuna bi ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tad-drittijiet tad-difiża.