1.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 38/69


Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Novembru 2015 – Micula vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-694/15)

(2016/C 038/93)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Ioan Micula (Oradea, ir-Rumanija) (rappreżentanti: K. Struckmann, avukat, G. Forwood, Barrister, u A. Kadri, Solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deciżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1470, tat-30 ta’ Marzu 2015, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.38517 (2014/C) (ex 2014/NN) implimentata mir-Rumanija [Deċiżjoni ta’ Arbitraġġ Micula vs Ir-Rumanija tal-11 ta’ Diċembru 2013 (innotifikata bid-dokument C(2015) 2112)] (ĠU 2015 L 232, p. 43);

sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn (1) tirrigwarda lir-rikorrent, (b) timpedixxi lir-Rumanija milli tikkonforma ruħha mad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, (c) tordna lir-Rumanija tirkupra kwalunkwe għajnuna inkompatibbli, (d) tordna li r-rikorrent għandu jkun responsabbli in solidum għar-rimbors tal-għajnuna rċevuta minn kull waħda mill-entitajiet identifikati fl-Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrent jinvoka tmien motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata sa fejn tonqos milli tapplika korrettament l-Artikolu 351 TFUE u l-prinċipji ġenerali tad-dritt għal din il-kawża.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata żbaljat meta kkonstatat li l-miżura inkwistjoni kienet tagħti vantaġġ lir-rikorrent, b’mod partikolari billi evalwat b’mod żbaljat il-mument li fih ingħata l-allegat vantaġġ, jew, sussidjarjament, billi kkonstatat li l-ħlas ta’ danni jikkostitwixxi vantaġġ.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata żbaljat meta kkonstatat li l-miżura inkwistjoni kienet imputabbli lill-Istat Rumen.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata evalwat b’mod żbaljat il-kompatibbiltà tal-allegata miżura ta’ għajnuna.

5.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata identifikat b’mod żbaljat il-benefiċjarji tal-allegata għajnuna, u naqset milli timmotiva l-konklużjoni tagħha, b’mod partikolari fl-identifikazzjoni tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jikkostitwixxu l-allegata impriża benefiċjarja.

6.

Is-sitt motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata wettqet żball ta’ liġi u marret lil hinn il-kompetenza tagħha meta ordnat l-irkupru tal-allegata għajnuna.

7.

Is-seba’ motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

8.

It-tmien motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ osservanza tal-forom proċedurali sostanzjali, b’mod partikolari d-dritt għal smigħ, l-Artikolu 108(2) TFUE u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999 (1).


(1)  Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339 (kif emendat).