25.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 27/66


Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Novembru 2015 – LL vs Il-Parlament

(Kawża T-615/15)

(2016/C 027/84)

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Partijiet

Rikorrent: LL (Vilnjus, il-Litwanja) (rappreżentant: J. Petrulionis, avukat)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni D(2014) 15503 tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew, tas-17 ta’ April 2014, u n-nota ta’ debitu Nru 2014-575 adottata abbażi ta’ din id-deċiżjoni fil-5 ta’ Mejju 2014;

tordna lill-konvenut iħallas l-ispejjeż legali kollha sostnuti mir-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-korrettezza tal-ħlas u l-validità u l-legalità tal-irkupru tiegħu

Ir-rikorrent jissottometti li, fid-Deċiżjoni D(2014) 15503, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew iddeċieda b’mod totalment infondat u illegali li l-ammont ta’ EUR 37 728 kien tħallas indebitament lir-rikorrent u, b’mod li kien infondat u illegali taħt l-Artikolu 68 tal-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew, u l-Artikolu 80 tar-Regoli ta’ Applikazzjoni għar-Regolament Finanzjarju, ordna lill-uffiċjal kontabbli tal-Parlament Ewropew jiġbor lura mir-rikorrent il-ħlas ta’ EUR 37 728 u, skont il-proċedura stabbilita, jinnotifika lir-rikorrent dwar dan permezz tan-nota ta’ debitu Nru 2014-575.

Skont ir-rikorrent, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew, meta adotta d-deċiżjoni, ħa inkunsiderazzjoni żewġ elementi biss: ir-rapport tal-OLAF u l-fatt li r-rikorrent ma kienx ressaq evidenza li l-ħlas intuża għall-iskop li kien intiż għalih. Madankollu, ir-rikorrent jallega li ma nġabret l-ebda informazzjoni li tikkonferma li huwa uża l-ħlas irċevut għal raġunijiet għajr għal dak li kien intiż għalih, bi ksur tal-Artikolu 14 tar-Regoli dwar il-ħlas ta’ spejjeż u l-allowances lill-Membri tal-Parlament Ewropew.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-perijodu ta’ preskrizzjoni u l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ perijodu raġjonevoli, ċertezza legali u protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

Ir-rikorrent jallega li, fid-Deċiżjoni D(2014) 15503 tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew, u fin-nota ta’ debitu Nru 2014-575, il-perijodu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 81 tar-Regolament Finanzjarju u fl-Artikolu 93 tar-Regoli ta’ Applikazzjoni għar-Regolament Finanzjarju ma ġiex osservat, u li r-rekwiżiti tal-prinċipji ta’ perijodu raġjonevoli, ċertezza legali u protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma ġewx imħarsa.

Skont ir-rikorrent, l-istituzzjonijiet rilevanti tal-UE damu, b’mod infondat u inġust u għal żmien twil b’mod mhux raġjonevoli, biex jeżerċitaw is-setgħa tagħhom u biex jieħdu d-deċiżjonijiet rilevanti. B’dan il-mod, id-drittijiet tar-rikorrent ġew miksura, inkluż id-dritt tad-difiża u l-implementazzjoni xierqa ta’ dak id-dritt, peress li, minħabba l-perijodu twil bejn l-avvenimenti inkwistjoni u t-teħid tad-deċiżjonijiet rilevanti, ir-rikorrent ġie oġġettivament imċaħħad mill-opportunità li jiddefendi ruħu effettivament kontra l-akkużi magħmula, sabiex jippreżenta evidenza u sabiex jieħu l-miżuri l-oħrajn kollha neċessarji sabiex jiżgura li l-kwistjoni li qed tiġi eżaminata tiġi riżolta b’mod xieraq.