18.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 16/40


Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Settembru 2015 – Silver Plastics u Johannes Reifenhäuser vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-582/15)

(2016/C 016/50)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Silver Plastics GmbH & Co. KG (Troisdorf, il-Ġermanja) u Johannes Reifenhäuser Holding GmbH & Co. KG (Troisdorf) (rappreżentanti: M. Wirtz, S. Möller u W. Carstensen, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea AT.39563 tal-24 ta’ Ġunju 2015, sa fejn din tirrigwarda lir-rikorrenti;

sussidjarjament, tnaqqas il-multa imposta in solidum fuq ir-rikorrenti għal ammont li, fid-dawl tal-fatt li r-rikorrenti ma jikkostitwixxux unità ekonomika, ma għandux jeċċedi l-10 % tad-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti taħt 1 fl-aħħar sena kummerċjali magħluqa qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li biha ġiet imposta l-multa;

sussidjarjament, tnaqqas il-multa imposta in solidum fuq ir-rikorrenti għal ammont li, fid-dawl tal-għeluq tal-Maschinenfabrik, ma għandux jeċċedi, rispettivament, l-10 % tad-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti taħt 1 u tar-rikorrenti taħt 2;

sussidjarjament, tnaqqas il-multa imposta in solidum fuq ir-rikorrenti għaż-żona “ETP” billi tistabbilixxi l-ammont bażiku tal-multa biss fid-dawl tad-dħul mill-bjegħ li sar mill-kontenituri EPS;

sussidjarjament, tnaqqas il-multa imposta in solidum fuq ir-rikorrenti għaż-żona “ETP” billi tistabbilixxi ammonti distinti bħala multa għall-kontenituri EPS u għall-kontenituri PP filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodi differenti tal-ksur;

sussidjarjament, tnaqqas il-multa imposta in solidum fuq ir-rikorrenti billi tillimita l-perċentwali tad-dħul mill-bejgħ li ttieħdet inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit l-ammont bażiku għal fattur li jirrifletti b’mod xieraq il-fatt li l-aġir tar-rikorrenti taħt 1 fiż-żona “ETP” u fi Franza jew, sussidjarjament, biss fiż-żona “ETP”, għandu jiġi kklassifikat bħala sempliċi skambju ta’ informazzjoni u mhux ftehim dwar il-prezzijiet veru u proprju u billi ma tapplikax żieda għal ksur “hardcore” għaż-żona “ETP” u/jew għal Franza;

sussidjarjament, tnaqqas il-multa imposta in solidum fuq ir-rikorrenti billi tistabbilixxi l-ammont tal-multa għaż-żona “ETP” biss fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ li sar fil-Ġermanja;

sussidjarjament, tnaqqas il-multa imposta in solidum fuq ir-rikorrenti għaż-żona “ETP” billi ma tapplikax żieda għal ksur “hardcore” jew, iktar sussidjarjament, billi tnaqqas din iż-żieda fid-dawl tal-fatt li l-okkorrenzi ta’ ksur li saru fiż-żona “ETP” kellhom livell antikompetittiv ferm iktar baxx minn dak tal-okkorrenzi ta’ ksur li saru f’żoni ġeografiċi oħra;

sussidjarjament, tnaqqas il-multa imposta in solidum fuq ir-rikorrenti għaż-żona “ETP” u Franza għal ammont xieraq;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti jitolbu l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2015) 4336 finali, tal-24 ta’ Ġunju 2015, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea (Każ AT.39563 – Imballaġġi għall-ikel għall-bejgħ bl-imnut).

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw seba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv: ksur tal-Artikoli 7(1) u 23(3) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (1) flimkien mal-Artikolu 101(1) TFUE

Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kklassifikat b’mod żbaljat l-aġir tar-rikorrenti taħt 1 fiż-żona ġeografika tal-Ewropa tat-Tramuntana u tal-Punent (iktar ’il quddiem: l-“ETP”) bħala ftehim dwar il-prezzijiet veru u proprju fil-forma ta’ ksur uniku u kontinwat fil-kuntest tal-produzzjoni u l-bejgħ ta’ kontenituri tal-plastik tal-polisterin u ta’ kontenituri tal-plastik tal-polipropelin għall-industrija tal-ikel.

2.

It-tieni motiv: ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikoli 296 TFUE u tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 moqri flimkien mal-prinċipju ta’ eżami ex officio

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma ssodisfatx suffiċjentement l-oneru tal-prova li jaqa’ fuqha u l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

3.

It-tielet motiv: ksur tad-drittijiet proċedurali ggarantiti bħala drittijiet fundamentali skont l-Artikolu 6(1)(2) u (3)(d) tal-KEDB, u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47, l-Artikolu 48 u l-Artikolu 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

Ir-rikorrenti jsostnu ksur tad-dritt tagħhom għal opportunitajiet ugwali għal partijiet u għal proċess imparzjali, sa fejn – minkejja diversi talbiet f’dan is-sens – ir-rikorrenti ma tħallewx iressqu u jeżaminaw xhieda tagħhom indikati minnhom u ma tħallewx jagħmlu l-kontroeżami ta’ xhud imressaq kontra tagħhom.

4.

Ir-raba’ motiv: ksur tal-punti 24, 25 u 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni (2)

Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li ma ngħataw ebda tnaqqis mill-ammont tal-multa għall-provi li nġiebu fir-rigward tal-okkorrenzi ta’ ksur ikkontestati fiż-żona “ETP”, u dan minkejja li l-kundizzjonijiet għal dan l-iskop kienu ssodisfatti.

5.

Il-ħames motiv: ksur tal-ewwel u t-tieni sentenzi tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 flimkien mal-Artikolu 101(1) TFUE

Il-Kummissjoni assumiet bi żball li r-rikorrenti kienu jikkostitwixxu unità ekonomika u għalhekk impriża fis-sens tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq.

6.

Is-sitt motiv: ksur tat-tieni sentenza tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003

Ir-rikorrenti jsostnu li, billi injorat il-waqfien tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti taħt 2 f’Reifenhäuser GmbH & Co. KG Maschinenfabrik li seħħ validament mal-att tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li biha ġiet imposta l-multa u billi qieset fl-istabbiliment tal-ammont tal-multa d-dħul mill-bejgħ tal-imsemmija impriża li ġiet xolta, il-Kummissjoni eċċediet il-limitu legali stabbilit ex lege għall-multa fl-10 % tad-dħul mill-bejgħ tal-impriża kkonċernata.

7.

Is-seba’ motiv: ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 23(2) u tal-Artikolu 23(2)(a) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 moqri flimkien mal-punti 19, 20 u 25 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi (3) u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li għall-akkordji kollha li huma s-suġġett tad-deċiżjoni li permezz tagħha ġiet imposta l-multa u għall-impriżi kollha kkunsiderati ġiet applikata perċentwali uniformi tad-dħul mill-bejgħ ta’ 16 % sabiex jiġi stabbilit l-ammont bażiku u żieda uniformi għal ksur “hardcore” ta’ 16 %, minkejja li kemm l-istrutturi tal-akkordji individwali kif ukoll il-parteċipazzjonijiet individwali tal-impriżi kienu differenti ħafna minn xulxin, ċirkustanza li tippreġudika lir-rikorrenti.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

(2)  Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 2002, C 45, p. 3).

(3)  Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2).