7.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 406/32


Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Settembru 2015 – Huhtamaki u Huhtamaki Flexible Packaging Germany vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-530/15)

(2015/C 406/33)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Huhtamaki Oyj (Espoo, il-Finlandja) u Huhtamaki Flexible Packaging Germany GmbH & Co.KG (Ronsberg, il-Ġermanja) (rappreżentanti: H. Meyer-Lindemann, C. Graf York von Wartenburg u L. Titze, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015)4336 finali, tal-24 ta’ Ġunju 2015, fil-Każ AT.39563 – Ippakkjar tal-ikel għall-bejgħ bl-imnut, sa fejn ġie deċiż li Huhtamaki Oyj kisret l-Artikolu 101 TFUE billi, matul il-perijodu indikat fl-Artikolu 1(2)(d) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, ipparteċipat fi ksur uniku u kontinwu li kien jikkonsisti f’diversi ksur separati, fis-settur tat-trejs tal-fowm għall-ippakkjar tal-ikel għall-bejgħ l-imnut u li jkopri t-territorju ta’ Spanja mill-bidu tal-ksur, u l-Portugall, mit-8 ta’ Ġunju 2000; u

tannulla l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015)4336 finali, tal-24 ta’ Ġunju 2015, fil-Każ AT.39563 – Ippakkjar tal-ikel għall-bejgħ bl-imnut, sa fejn ġie deċiż li r-rikorrenti kisru l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 ŻEE billi pparteiċpaw, għall-perijodi indikati fl-Artikolu 1(3)(c) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, fi ksur uniku u kontinwu li kien jikkonsisti f’diversi ksur separati, fis-settur tat-trejs tal-fowm u trejs riġidi għall-ippakkjar tal-ikel għall-bejgħ bl-imnut u li jkopri t-territorju tal-Belġju, tad-Danimarka, tal-Finlandja, tal-Ġermanja, tal-Lussemburgu, tal-Pajjiżi l-Baxxi, tan-Norveġja u tal-Isvezja; u

tannulla l-Artikolu 1(5) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015)4336 finali, tal-24 ta’ Ġunju 2015, fil-Każ AT.39563 – Ippakkjar tal-ikel għall-bejgħ bl-imnut, sa fejn ġie deċiż li Huhtamaki Oyj kisret l-Artikolu 101 TFUE billi pparteċipat, għall-perijodi indikati fl-Artikolu 1(5)(d) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, fi ksur uniku u kontinwu li kien jikkonsisti f’diversi ksur separati, fis-settur tat-trejs tal-fowm għall-ippakkjar tal-ikel għall-bejgħ bl-imnut u li jkopri t-territorju ta’ Franza; u

tannulla l-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015)4336 finali, tal-24 ta’ Ġunju 2015, fil-Każ AT.39563 – Ippakkjar tal-ikel għall-bejgħ bl-imnut, sa fejn dan jimponi multi fuq ir-rikorrenti li flimkien jammontaw għal EUR 1 0 8 06  000; u

tannulla l-Artikolu 2(5) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015)4336 finali, tal-24 ta’ Ġunju 2015, fil-Kawża AT.39563 – Ippakkjar tal-ikel għall-bejgħ bl-imnut, sa fejn dan jimponi multa ta’ EUR 4 7 56  000 fuq Huhtamaki Oyj; u

sussidjarjament, tnaqqas b’mod sostanzjali l-multi imposti fuq ir-rikorrenti; u

fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur, mill-Kummissjoni, tal-Artikoli 101 TFUE u 53 ŻEE billi hija wettqet żbalji manifesti ta’ fatt u ta’ liġi, u kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, billi qieset li r-rikorrenti ħadu sehem f’attivitajiet b’rabta mat-trejs tal-fowm u mat-trejs riġidi fl-“Ewropa tal-Majjistral” fil-perijodu ta’ bejn it-13 ta’ Ġunju 2002 u l-20 ta’ Ġunju 2006 li, meta wieħed iħares lejhom b’mod iżolat, jikkwalifikaw, rispettivament, bħala ksur separati tal-Artikoli 101(1) TFUE u 53 ŻEE.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur, mill-Kummissjoni, tal-Artikoli 101 TFUE u 53 ŻEE, billi hija wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, u kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha billi qieset li r-rikorrenti pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu b’rabta mat-trejs tal-fowm u t-trejs riġidi fl-“Ewropa tal-Majjistral” matul il-perijodu ta’ bejn it-13 ta’ Ġunju 2002 u l-20 ta’ Ġunju 2006.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur, mill-Kummissjoni, tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament, tal-Linji gwida tagħha stess għall-kalkolu tal-multi, u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, billi naqset millli tikkunsidra, meta ddeterminat il-multa/i li kellhom jiġu imposti fuq ir-rikorrenti, iċ-ċirkustanzi individwali li kienu jiġġustifikaw tnaqqis fil-multi imposti fuq ir-rikorrenti.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur, mill-Kummissjoni, tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 meta qieset lil Huhtamaki Ohy responsabbli b’mod konġunt u in solidum, bħala l-kumpannija holding aħħarija u għaldaqstant bħala kumpannija parent indiretta, għall-parteċipazzjoni allegata ta’ dawk li kienu s-sussidjarji indiretti tagħha (i) fi ksur uniku u kontinwu fis-settur tat-trejs tal-fowm għall-ippakkjar tal-ikel għall-bejgħ bl-imnut fit-territorju ta’ Franza mit-3 ta’ Settembru 2004 sal-24 ta’ Novembru 2005, u (ii) fi ksur uniku u kontinwu fis-settur tat-trejs tal-fowm għall-ippakkjar tal-ikel għall-bejgħ bl-imnut fit-territorji ta’ Spanja u tal-Portugall (flimkien imsejħa l-“Ewropa tal-Lbiċ”) mis-7 ta’ Diċembru 2000 sat-18 ta’ Jannar 2005. Huhtamaki Oyj ma eżerċitatx influwenza deċiżiva fuq Huhtamaki France SA jew fuq Huhtamaki Embalagens Portugal SA matul il-perijodi inkwistjoni.