9.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 129/24


Rikors ippreżentat fis-16 ta' April 2007 — L-Italja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-119/07)

(2007/C 129/41)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Taljana (Ruma, l-Italja) (irrappreżentata minn: G.Aiello, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

Tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Frar 2007 C (2007) 286 finali u

tikkundanna l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors jikkontesta d-deċiżjoni tas-7 ta' Frar 2007 C (2007)286 finali, dwar l-eżenzjoni tad-dazji tas-sisa fuq żjut minerali użati bħala karburant għall-produzzjoni ta' allumina fir-reġjun ta' Gardanna, fir-reġjun ta' Shannon u fis-Sardinja, implementata rispettivament minn Franza, l-Irlanda u l-Italja. Din id-deċiżjoni qieset bħala leġittimi l-eżenzjonijiet fiskali mogħtija mill-Gvern Taljan lill-Eurallumina S.p.A. għal 80 % minn dak li kieku kien ikollhom iħallsu, u stabbiliet għall-20 % li jifdal l-obbligu tal-ġbir lura tat-tnaqqis miftehma għall-benefiċċjarja mill-1 ta' Jannar 2004.

In sostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti tqis:

Il-ksur ta' l-Artikolu 87(1) tat-Trattat, fil-parti fejn id-deċiżjoni kkontestata tqis li l-eżenzjoni tad-dazji tas-sisa previst mil-liġi Taljana għandha titqies bħala għajnuna mogħtija mill-Istat. F'dan ir-rigward huwa jafferma li, hekk kif ikkonfermat mill-kliem tad-Direttiva 2003/96/KE (1), l-eżenzjoni tad-dazji tas-sisa in kwistjoni ma jikkostitwixxux għajnuna mogħtija mill-Istat, iżda li huma parti min-natura u mil-loġika tas-sistema fiskali nazzjonali. Fil-fatt, jekk huma għajnuna mogħtija mill-Istat, l-imsemmija direttiva tawtorizza espressament din l-għajnuna, għall-inqas għall-perijodu sal-31 ta' Diċembru 2006. B'referenza għall-allegata natura selettiva tal-miżuri in kwistjoni, għandu jiġi osservat li dawn ġeneralment jirreferu għall-impriżi kollha li jużaw żjut minerali fil-produzzjoni ta' aluminji ossidu. Iċ-ċirkustanza li fit-territorju Taljan teżisti fabbrika waħda biss li fiha dawn iż-żjut minerali jintużaw fiċ-ċiklu tal-produzzjoni għandha rilevanza purament fattwali u ma jistax ibiddel il-portata ġenerali tad-dispożizzjoni.

Il-ksur ta' l-Artikolu 87(3) tat-Trattat, kif ukoll tal-Linji Gwida Komunitarji dwar l-għajnuniet mogħtija mill-Istat għar-reġjuni ta' l-1998, billi l-eżenzjoni kkontestata tad-dazju tas-sisa f'din il-kawża kellha tiġi kkunsidrata bħala necessarja għall-iżvilupp ekonomiku tas-Sardenja.

Il-ksur tal-punt 51, tal-paragrafu E. 3.2. tal-linji gwidi tal-Komunità dwar l-għajnuna mogħtija mill-istat għall-ħarsien ta' l-ambjent (2001/C 37/03), billi f'dan il-każ hemm ftehim speċifiċi bejn l-Istat li ta l-konċessjoni u l-kumpannija benefiċċjarja ta' l-għajnuna sabiex jittejbu r-riżultati ambjentali.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tinvoka l-ksur tal-prinċipju ta' ħarsien ta' l-aspettattivi leġittimi u tal-preżunzjoni tal-legalità tad-dispożizzjonijiet Komunitarji.


(1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku (GU L 283, tal-31.10.2003, p. 51).