EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52009DC0262
Communication from the Commission to the European Parliament and the Council - An area of freedom, security and justice serving the citizen
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini
/* KUMM/2009/0262 finali */
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini /* KUMM/2009/0262 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 10.6.2009 KUMM(2009) 262 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONILILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini Aktar libertà f'ambjent aktar sikur 1. INTRODUZZJONI Iċ-ċittadini jridu jgħixu f'Unjoni Ewropea għanja u paċifika li fi ħdanha d-drittijiet tagħhom ikunu rispettati u s-sigurtà tagħhom imħarsa. Iridu jkunu jistgħu jivvjaġġaw liberament u li jagħżlu li jirrisjedu temporanjament jew permanentement f'pajjiż Ewropew ieħor sabiex jistudjaw, jaħdmu, jistabbilixxu familja, joħolqu impriża jew anki jirtiraw hemm. Madankollu, huma jinsabu mħassba meta jaraw li l-kuntest ta' stabbiltà u sigurtà li kien jeżisti fl-Ewropa matul dawn l-aħħar snin jinsab mgħedded minn kriżijiet u fenomeni globali. Id-diffikultajiet ekonomiċi u politiċi, bħall-isfidi kumplessi tal-ġejjieni, li qed taffaċċja d-dinja u, b'mod partikolari, l-Unjoni Ewropea, jeħtieġu soluzzjonijiet globali u sostenibbli. F'dinja li fiha l-mobbiltà qed tiżviluppa fil-livell planetarju, iċ-ċittadini Ewropej għandhom għaldaqstant id-dritt li jistennew azzjoni Ewropea effettiva u responsabbli f'dawn l-oqsma li jmissuhom tant mill-qrib. Lejn Ewropa taċ-ċittadini f'żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja Il-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja huma valuri importanti li huma komponenti ewlenin tal-mudell tas-soċjetà Ewropea. Huma waħda mill-ġebliet tax-xewka tal-mudell ta' integrazzjoni Ewropea. L-Unjoni Ewropea diġà stabbilixxiet għaċ-ċittadini tagħha suq uniku, unjoni ekonomika u monetarja u l-kapaċità biex jiġu affaċċjati l-isfidi politiċi u ekonomiċi globali. Hija wettqet ukoll progress kbir fl-istabbiliment ta' żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja; issa l-prijorità għandha tkun li ċ-ċittadini jitqiegħdu fil-qalba ta' dan il-proġett. Sar progress kbir ħafna It-Trattat ta' Maastricht introduċa, fil-kuntest tal-Unjoni Ewropea, l-oqsma tal-ġustizzja u l-affarijiet interni, li, sa dak iż-żmien, kienu żviluppaw f'kuntest purament intergovernattiv. Minn dak iż-żmien, il-grad ta’ integrazzjoni dwar dawn is-suġġetti bejn l-Istati Membri, kif ukoll ir-rwol tal-Parlament Ewropew u tal-Qorti tal-Ġustizzja, dejjem qed jiżdiedu. Il-programmi ta' Tampere u tal-Aja taw impetu politiku importanti għall-konsolidazzjoni ta' dawn il-politiki fundamentali għaċ-ċittadini. L-eżempji ta' suċċess tal-aħħar għaxar snin huma bosta: - It-tneħħija tal-kontrolli mal-fruntieri interni taż-żona ta' Schengen illum tippermetti lil aktar minn 400 miljun ċittadin ta' ħamsa u għoxrin pajjiż li jivvjaġġaw mill-peninsula Iberika sal-Istati Baltiċi u mill-Greċja sal-Finlandja mingħajr kontrolli fil-fruntieri. Il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni ssir b'mod aktar koerenti, b'mod partikolari, permezz tal-ħolqien u l-istabbiliment operattiv tal-aġenzija Frontex. - Il-bażijiet ta' politika komuni tal-immigrazzjoni ġew stabbiliti. Huma jinvolvu, b'mod partikolari, l-istabbiliment ta' regoli li jiżguraw aktar ekwità u prevedibbiltà għall-immigrazzjoni legali, aġenda komuni biex tiġi sostnuta l-integrazzjoni fi ħdan is-soċjetajiet Ewropej kif ukoll azzjoni msaħħa kontra l-immigrazzjoni irregolari u t-traffikar tal-bnedmin. Ġew stabbiliti wkoll sħubijiet mal-pajjiżi terzi biex il-kwistjonijiet marbuta mal-immigrazzjoni jiġu amministrati b'mod konġunt. - Ġew stabbiliti l-pedamenti ta' sistema komuni Ewropea għall-ażil għall-persuni li jkunu jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, inkluż mill-perspettiva operattiva permezz tal-Uffiċċju ta' Sostenn għall-Ażil. Ġiet żviluppata b'suċċess politika komuni dwar il-viżi, li żżid it-trasparenza u ċ-ċertezza legali għall-persuni kollha kkonċernati. - Ġie inkoraġġut livell għoli ta' fiduċja fost l-awtoritajiet nazzjonali. Fil-qasam kriminali, l-iskambji tal-informazzjoni ġew partikolarment imtejba. Pereżempju, l-awtoritajiet tal-pulizija jistgħu jiksbu informazzjoni minn Stat Membru ieħor, jekk din tkun disponibbli, mingħajr xkiel kbir. - Il-mandat ta' arrest Ewropew, li naqqas ukoll b'mod sinifikanti l-isforz meħtieġ għall-estradizzjoni tal-kriminali, naqqas ukoll it-termini proċedurali, minn sena għal bejn 11-il jum u sitt ġimgħat. - Saru sforzi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, inkluża l-kriminalità informatika, kif ukoll sforzi biex jiġu protetti l-infrastrutturi kritiċi. - Sar ukoll progress fil-qasam ċivili u kummerċjali. Iċ-ċittadini tal-UE minn hawn 'il quddiem għandhom għad-dizpożizzjoni tagħhom mezzi aktar sempliċi u rapidi biex jinfurzaw il-krediti tagħhom f'sitwazzjonijiet transkonfinali. Ġew stabbiliti regoli komuni fuq il-liġi applikabbli għar-responsabbiltà ċvili u għall-kuntratti. Ġiet imtejba l-protezzjoni tat-tfal, b'mod partikolari biex ikunu jisgħtu jżommu kuntatti regolari mal-ġenituri tagħhom wara separazzjoni u biex jiġi evitat il-ħtif tat-tfal fl-UE. Madankollu, il-passi 'l quddiem kienu aktar bil-mod u f'ċerti asspetti irregolari Il-progress kien komparattivament bil-mod f'ċerti oqsma, b'mod partikolari fil-qasam kriminali u tal-liġi tal-familja. Dan il-pass bil-mod huwa dovut għall-fatt li dawn il-politiki jeħtieġu l-unanimità fil-Kunsill, fatt li ta' spiss wassal għal diskussjonijiet twal li ftit waslu għal konklużjonijiet fejn dawn l-istrumenti setgħu wasslu għal-livell aktar ambizzjuż. Sfida oħra hi dik li tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni. Il-ġuriżdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hi limitata, b'mod partikolari fil-qasam kriminali, u l-Kummissjoni ma tistax tressaq proċedimenti ta' ksur. B'hekk ikun hemm dewmien sinifikanti fit-traspożizzjoni tar-regoli tal-UE fil-livell nazzjonali, fatt li jagħtihom natura kemmxejn 'virtwali'. Minbarra r-restrizzjonijiet proċedurali u istituzzjonali, għadhom meħtieġa sforzi konsiderevoli. Fil-qasam ċivili u kummerċjali, għad hemm sal-lum proċeduri intermedji, li huma ta' xkiel għall-moviment liberu tad-deċiżjonijiet fl-Ewropa, pereżempju għall-krediti kkontestati. Il-ħarsien taċ-ċittadini u l-impriżi f'każ ta' kunflitt ma' partijiet domiċiljati f'pajjiżi terzi huwa nieqes. Għad hemm xkiel għar-rikonoxximent tad-dokumenti dwar l-istat ċivili taċ-ċittadini barra mill-fruntieri nazzjonali. L-implimentazzjoni mill-Istati Membri kollha tad-Direttiva dwar iċ-ċirkolazzjoni libera tal-persuni għad għandha nuqqasijiet. Fil-qasam tal-ġustizzja kriminali, għad hemm differenzi dwar il-livell ta' protezzjoni tal-persuni matul proċeduri ġudizzjarji. Garanziji proċedurali minimi fil-qasam penali ma setgħux jiġu adottati matul dan il-perjodu. Barra minn hekk, l-iskambji ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali dwar persuni kkundannati għadhom mhumiex għal kollox effettivi. Barra minn dan, fil-livell operattiv, l-azzjoni tal-pulizija barra mill-fruntieri nazzjonali tiltaqa' ma' diversi ostakli. L-isfidi futuri L-għan huwa li ċ-ċittadin ikollu l-aħjar servizz possibbli. Id-diversità li qed tikber ta' Unjoni magħmula minn 27 Stat Membru jew aktar għandha tkun riflessa fil-mod kif l-oqsma tal-ġustizzja, tal-libertà u tas-sigurtà jiġu amministrati. Id-dritt tal-moviment u tar-residenza libera fi ħdan l-Unjoni huwa issa disponibbli għal 500 miljun persuna. Konsegwentement, in-numru ta' sitwazzjonijiet personali u kummerċjali b'dimensjoni transnazzjonali qiegħed jikber. Barra minn dan, il-pressjonijiet migratorji, b'mod partikolari fil-fruntiera tan-nofsinhar tal-Unjoni, kibru b'mod ċar. L-eżempji li ġejjin jirrappreżentaw id-diversi sfidi tal-ġejjieni: - Aktar minn 8 miljun Ewropew illum jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jgħixu fl-Istat Membru li jagħżlu, tendenza li hija destinata li tiżdied fil-futur. Madankollu, iċ-ċittadini għadhom qed jaffaċċjaw diversi ostakli biex jeżerċitaw dan id-dritt, li huwa espressjoni maġġuri taċ-ċittadinanza tal-Unjoni. - Il-kwistjonijiet ta' ġustizzja ċivili se jsiru aktar importanti. Bħalissa diġà hemm suċċessjoni minn għaxra fl-Unjoni b'dimensjoni internazzjonali. - Il-kriminalità informatika m'għandhiex fruntieri u qiegħda tevolvi kontinwament. Fl-2008, ingħaddu 1500 sit tal-internet, kemm kummerċjali u kemm le, b'kontenut ta' natura pedopornografika. - It-terroriżmu għadu theddida għall-Unjoni. Fl-2007, seħħew kważi 600 attakk terroristiku (li ma rnexxewx, li twaqqfu jew li rnexxew) fi ħdax-il Stat Membru tal-Unjoni. - Hemm 1636 punt indikat bħala punt ta' dħul fit-territorju tal-Unjoni u fl-2006 ntużaw madwar 900 miljun darba. F'dinja miftuħa li fiha l-mobbiltà tal-persuni qiegħda tiżdied, li tiġi żgurata ġestjoni effettiva tal-fruntieri esterni tal-Unjoni hija sfida maġġuri. - Fl-2006, ġew reġistrati 18.5 miljun ċittadin ta' pajjiżi terzi fl-Unjoni, jiġifieri, kważi 3.8% tal-popolazzjoni totali. Il-pressjonijiet migratorji jistgħu jikbru. Dan hu dovut għaż-żieda demografika u l-faqar f'diversi pajjiżi ta' oriġini kif ukoll għat-tixjiħ tal-popolazzjoni Ewropea. Bejn l-2008 u l-2060, in-numru ta' persuni ta' età li jaħdmu għandu jonqos bi 15% jiġifieri b'madwar 50 miljun persuna. - Skont l-istimi, madwar 8 miljun immigrant irregolari jgħix fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, b'bosta minnhom li jaħdmu fl-ekonomija informali. Fost il-kwistjonijiet maġġuri għas-snin li ġejjin hemm li jiġu affaċċjati l-fatturi li jattiraw l-immigrazzjoni klandestina u li l-politiki tal-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari jsiru effettivi. - Minkejja l-eżistenza ta' sistema komuni tal-ażil, għad trid tinkiseb omoġeneità akbar fl-ipproċessar mill-Istati Membri tal-applikazzjonijiet għall-ażil minħabba li bħalissa r-rati ta' rikonoxximent ivarjaw ħafna. Fl-2007, 25% tad-deċiżjonijiet fl-ewwel istanza taw status ta' protezzjoni (rifuġjat jew protezzjoni sussidjarja). Din il-medja taħbi differenzi kbar: uħud mill-Istati Membri jagħtu biss din il-protezzjoni f'numru żgħir ħafna ta' każijiet filwaqt li oħrajn għandhom rata ta' rikonoxximent li hija qrib il-50%. Programm multiannwali ġdid L-Unjoni għandu jkollha programm multiannwali ġdid li, billi jieħu spunt mill-progressi li saru u jiġbed il-lezzjonijiet mid-dgħufijiet attwali, jagħmel pjanijiet ambizzjużi għall-ġejjieni. Dan il-programm il-ġdid għandu jiddefinixxi prijoritajiet għall-ħames snin li ġejjin, sabiex jenfasizza l-isfidi futuri u jagħmel il-benefiċċji għaċ-ċittadini taż-żona ta' libertà, sigurtà u ġustizza aktar tanġibbli għaċ-ċittadini. Il-bini taż-żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja jista' biss jitfassal b'dimensjoni esterna b'saħħitha li tkun koerenti mal-politika esterna tal-Unjoni Ewropea u li għandha tikkontribwixxi għat-tixrid tal-valuri tagħna billi jiġu promossi fir-rispett tal-obbligi internazzjonali fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem. L-ebda wieħed mill-għanijiet segwiti fil-kuntest ta' din iż-żona ma jintlaħaq mingħajr l-implimentazzjoni effettiva tal-istrumenti xierqa tal-politika esterna. Min-naħa l-oħra, billi tinvolvi ruħha mal-pajjiżi terzi fil-kuntest ta’ sħubiji u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali fl-oqsma tal-ġustizzja u tal-affarijiet interni, l-Unjoni ssaħħaħ l-effettività tal-politika esterna tagħha. Il-prijoritajiet politiċi It-tema ċentrali tal-programm il-ġdid se tkun li "tinbena l-Ewropa taċ-ċittadini". Kull azzjoni futura se tkun iffukata fuq iċ-ċittadin u se jkollha tqis il-prijoritajiet prinċipali li ġejjin: 1. Il-promozzjoni tad-drittjiet taċ-ċittadini – Ewropa tad-drittijiet : iż-żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għandha qabel kollox tkun żona unika ta' protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li fi ħdanha r-rispett tal-persuna u tad-dinjità tal-bniedem kif ukoll tad-drittijiet l-oħra stabbilit fil-Karta tad-drittijiet fundamentali jkun valur essenzjali. Dan jinvolvi pereżempju l-ħarsien tal-eżerċizzju ta’ dawn il-libertajiet u tal-ambitu privat taċ-ċittadin lil hinn mill-fruntieri nazzjonali, b'mod partikolari permezz tal-protezzjoni tad-dejta personali tiegħu; li jitqiesu l-bżonnijiet partikolari tal-persuni vulnerabbli; li jiġi żgurat l-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet speċifiċi tiegħu, inkluż f'pajjiżi terzi. 2. L-iffaċilitar tal-ħajja taċ-ċittadini – Ewropa tal-ġustizzja: it-twettiq ta' żona Ewropea tal-ġustizzja għandu jiġi approfondit sabiex tiġi ssuperata l-frammentazzjoni attwali. Qabel kollox jeħtieġ li jiġu stabbiliti mekkaniżmi biex l-aċċess tal-persuni għall-ġustizzja jiġi ffaċilitat sabiex ikunu jistgħu jinforzaw id-drittijiet tagħhom kullimkien fl-Unjoni Ewropea. Fil-qasam kuntrattwali u kummerċjali, dan se jippermetti li l-atturi ekonomiċi jiġu offerti l-għodda neċessarji biex igawdu bis-sħiħ mill-opportunitajiet tas-suq intern. Jeħtieġ ukoll li tittejjeb il-kooperazzjoni fost il-professjonisti fil-qasam tal-ġustizzja, u biex jintużaw mezzi biex jitneħħa x-xkiel għar-rikonoxximent ta' atti legali fi Stati Membri oħrajn. 3. Il-ħarsien taċ-ċittadini – Ewropa li tipproteġi : għandha tiġi żviluppata strateġija ta' sigurtà interna sabiex titjieb aktar is-sigurtà fi ħdan l-Unjoni u sabiex b'hekk tiġi protetta l-ħajja u l-integrità taċ-ċittadini Ewropej. L-istrateġija ta' azzjoni se tirrigwarda t-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-pulizija u tal-ġustizzja kriminali kif ukoll aċċess aktar sikur għat-territorju Ewropew. 4. Il-promozzjoni ta' soċjetà aktar integrata għaċ-ċittadin - Ewropa solidali : l-ikkonsolidar u l-implimentazzjoni vera ta' politika ta' immigrazzjoni u ażil, li tiggarantixxi solidarjetà bejn l-Istati Membri u sħubija mal-pajjiżi terzi, hija prijorità importanti għas-snin li ġejjin. Din għandha toffri status ċar u komuni għall-immigranti legali. Għandhom jiġu żviluppati rabtiet aktar b'saħħithom bejn l-immigrazzjoni u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol kif ukoll politiki mmirati ta' integrazzjoni u edukazzjoni. L-implimentazzjoni effettiva tal-istrumenti disponibbli biex tiġi miġġielda l-immigrazzjoni irregolari għandha tittejjeb. Il-koerenza mal-azzjoni esterna tal-Unjoni hija importanti ħafna għall-ġestjoni ta’ dawn il-politiki. L-Unjoni għandha wkoll tikkonferma t-tradizzjoni umanitarja tagħha billi toffri l-protezzjoni tagħha b'mod ġeneruż lil dawk li jkollhom bżonnha. L-istrumenti L-implimentazzjoni tal-programm pluriannwali li jmiss tippresupponi, sabiex jirnexxi, ir-rispett ta' metodu . Dan se jkun ibbażat fuq ħames fusijiet prinċipali: (i) filwaqt li progressivament jiksbu l-maturità tagħhom, il-politiki żviluppati fl-oqsma tal-ġustizzja u tal-affarijiet interni jappoġġjaw lil xulxin u jsaħħu l-koerenza tagħhom. Għas-snin li ġejjin, huma għandhom jintegraw fil-politiki l-oħra tal-Unjoni b'mod armonjuż . (ii) Sabiex jitnaqqas id-distakk sinifikanti bejn ir-regoli u l-politiki adottati fil-livell Ewropew u l- implimentazzjoni tagħhom fil-livell nazzjonali , għandha tingħata aktar attenzjoni lil din tal-aħħar. Apparti mit-trażpożizzjoni legali, l-implimentazzjoni għandha ssir flimkien ma' miżuri konkreti ta' appoġġ (eż. it-tisħiħ tan-netwerks professjonali). (iii) It-titjib fil-kwalità tal-leġiżlazzjoni Ewropea għandu jibqa' prijorità. L-azzjoni tal-Unjoni għandha tiffoka fejn tista' twassal għal reazzjoni xierqa għall-problemi taċ-ċittadin. Għandha ssir riflessjoni fuq l-impatt possibbli tal-proposti dwar iċ-ċittadini u d-drittijiet fundamentali tagħhom, l-ekonomija u l-ambjent hekk kif jitfasslu. Minkejja li hu riċenti, l- acquis huwa mdaqqas u t-tibdiliet istituzzjonali suċċessivi f'dan il-qasam żiedu fil-kumplessità tiegħu. Dan huwa ċertament wieħed mill-għejun tad-diffikultajiet li wieħed jiltaqa' magħhom fl-applikazzjoni. (iv) Iċ-ċittadini qed jistennew li jaraw riżultati tal-azzjoni tal-Unjoni. It-titjib tal-użu tal-evalwazzjoni tal-istrumenti adottati u tal-aġenziji stabbiliti hija prijorità. (v) Jeħtieġ li jiġi żgurat li l-prijoritajiet politiċi jkunu akkumpanjati minn mezzi finanzjarji adegwati li jippermettu l-implimentazzjoni tagħhom u li jkunu intiżi b'mod ċar għall-istess prijoritajiet. L-istrumenti tal-baġit tal-ġejjieni għandhom ikunu jlaħħqu mal-ambizzjoni politika tal-programm multiannwali l-ġdid u jkunu bbażati fuq evalwazzjoni tal-effettività tal-istrumenti attwali. 2. IL-PROMOZZJONI TAD-DRITTJIET TAċ-ċITTADINI: EWROPA TAD-DRITTIJIET Fiż-żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, ir-rispett tal-persuna u tad-dinjità tal-bniedem, imsemmi fil-Karta, huwa valur essenzjali. Iċ-ċittadini jistgħu jiċċirkolaw liberament u jgawdu għal kollox id-drittijiet tagħhom f''din iż-żona mingħajr fruntieri interni. Is-sistema ta' ħarsien tad-drittijiet fundamentali fis-sistema legali tal-Unjoni hija partikolarment żviluppata. L-Unjoni, bħall-Istati Membri, tista', pereżempju, tistrieħ fuq l-għarfien tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali. L-adeżjoni tal-Unjoni fil-Konvenzjoni Ewropea tad-drittijiet tal-bniedem, li hija simbolu politiku importanti, se tikkompleta din is-sistema ta' protezzjoni. Din l-adeżjoni għandha tkun ta' benefiċċju fit-tfittxija għal żvilupp armonjuż tal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej u l-Qorti Ewropea tad-drittijiet tal-bniedem. L-Unjoni hija żona ta' valuri komuni maqsuma. Dawn il-valuri huma inkompatibbli mar-reati tar-reġimi totalitarji. Il-memorja ta' dawn ir-reati kontra l-umanità trid tinqasam fost kulħadd f'perspettiva ta' rikonċiljazzjoni. F'dan ir-rigward, l-Unjoni għandha jkollha r-rwol ta' faċilitatur filwaqt li tirrispetta l-proċeduri partikolari ta' kull Stat. Dawn il-valuri huma pedament taċ-ċittadinanza Ewropea u r-rispett tagħhom huwa kriterju essenzjali għal adeżjoni fl-Unjoni. Iċ-ċittadinanza Ewropea tiżdied ma’ u tikkumplementa ċ-ċittadinanza nazzjonali. Hija tagħti drittijiet u obbligi speċifiċi liċ-ċittadini Ewropej, li għandhom jiġu applikati b'mod konkret u effettiv. 2.1. Eżerċizzju sħiħ tad-dritt għall-moviment liberu Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni tippermetti l-mobbiltà taċ-ċittadini fl-Unjoni Ewropea. Madankollu, iċ-ċittadini jiltaqgħu ma’ ostakli meta jiddeċiedu li jgħixu jew jivvjaġġaw fi Stat Membru ieħor minn dak tagħhom. L-applikazzjoni effettiva tad-direttiva dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini hija prijorità u l-Kummissjoni għandha l-għan li ssaħħaħ il-politika li takkumpanja l-implimentazzjoni tagħha filwaqt li tiżgura traspożizzjoni korretta u applikazzjoni tar-regoli applikabbli mill-Istati Membri. Il-libertà tal-moviment tinvolvi wkoll obbligi min-naħa ta' dawk li jgawdu minnha. Il-Kummissjoni se teżamina kif għandha tgħin lill-awtoritajiet tal-Istati Membri biex jiġġieldu b'mod effettiv kontra l-abbużi minn dan il-prinċipju fundamentali tal-Unjoni. Hi se tippubblika linji gwida biex tispjega l-politika tagħha f'dan il-qasam. Barra minn dan, jeħtieġ li ċ-ċittadini jingħataw għajnuna meta jkunu affaċċjati minn ċerti proċeduri amministrattivi jew legali meta jkun qed jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment liberu. Għal din ir-raġuni għandha tiġi stabbilita sistema li tippermettilhom iwettqu faċilment u mingħajr spejjeż addizzjonali d-dokumenti prinċipali dwar l-istat ċivili. Din is-sistema għandha tippermetti li jiġu ssuperati l-barrieri lingwistiċi possibbli u biex tiġi żgurata l-forza probatorja ta' dawn id-dokumenti. Fl-aħħar nett ir-rikonoxximent reċiproku tal-effetti marbuta mad-dokumenti dwar l-istat ċivili għandhom ikun is-suġġett ta' riflessjoni approfondita. 2.2. Ngħixu flimkien f'żona li tirrispetta d-diversità u li tipproteġi lill-aktar persuni vulnerabbli Id-diversità hija l-għana tal-Unjoni, li għandha toffri ambjent sikur fejn id-differenzi huma rispettati u l-aktar vulnerabbli protetti. Il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, ir-razziżmu, l-antisemitiżmu, il-ksenofobija u l-omofobija għandha ssir b'determinazzjoni. L-Unjoni se tuża l-istrumenti eżistenti, b'mod partikolari l-programmi finanzjarji. Il-kontroll tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni, inkluża d-deċiżjoni ta' qafas fuq ir-razziżmu u l-ksenofobija, irid jiġi msaħħaħ. Id- drittijiet tat-tfal – jiġifieri l-prinċipju tas-supremazija tal-interessi tagħhom, id-dritt li jgħixu u għall-manteniment u li jiżviluppaw, id-dritt ta' nondiskriminazzjoni u r-rispett għall-opinjoni tagħhom – hekk kif iddikjarati fil-Karta u fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tat-tfal, potenzjalment jirrigwardaw il-politiki kollha tal-Unjoni. Dawn għandhom jitqiesu sistematikament. Għal dan jeħtieġ li jiġu identifikati l-azzjonijiet li jistgħu jingħataw valur miżjud mill-Unjoni. Se tingħata attenzjoni partikolari lit-tfal f'sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli, b'mod partikolari fil-kuntest tal-politika tal-immigrazzjoni (minorenni mhux akkumpanjati, vittmi tat-traffikar). L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jgħaqqdu l-isforzi tagħhom sabiex ir- Rom jiġu integrati totalment fis-soċjetà billi jippromwovu l-integrazzjoni tagħhom fis-sistema skolastika u s-suq tax-xogħol u billi jiġġieldu l-vjolenza li jistgħu jkunu s-suġġett tagħha. L-Unjoni se tuża l-fondi strutturali b'mod immirat għal dan il-għan u se tiżgura li t-testi eżistenti jiġu applikati sewwa biex tiġġieled id-diskriminazzjonijiet li jistgħu jkunu vittmi tagħhom. Is-soċjetà ċivili se jkollha rwol partikolari. B'mod aktar ġenerali, il -persuni l-aktar vulnerabbli, partikolarment in-nisa vittmi tal-vjolenza u l-persuni dipendenti għandhom jingħataw aktar protezzjoni, partikolarment protezzjoni legali. Se jingħata sostenn finanzjarju xieraq b'mod partikolari permezz tal-programm DAPHNE. L-Unjoni se taġixxi wkoll f’dan is-sens fil-politika esterna tagħha. 2.3. Il-protezzjoni tad-dejta ta' natura personali u tal-ħajja privata L-Unjoni trid tirreaġixxi għall-isfida rrappreżentata mill-iskambju akbar ta' dejta personali billi tirrispetta bis-sħiħ il-protezzjoni tal-ħajja privata. Id-drittijiet għall-ħajja privata u l-protezzjoni ta' dejta ta' natura personali huma ggarantiti mill-Karta. Għandha tiġi mwaqqfa sistema kompleta ta’ protezzjoni. L-Unjoni għandha tiżgura azzjoni globali u mġedda ta’ protezzjoni tad-dejta taċ-ċittadini fi ħdan l-Unjoni u fil-qafas tar-relazzjonijiet tagħha ma’ pajjiżi terzi. Għandha wkoll tipprevedi u tirregola ċ-ċirkustanzi li fihom l-awtoritajiet pubbliċi, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet leġittimi tagħhom, ikunu jistgħu, jekk ikun il-każ, jagħmlu l-limitazzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni ta' dawn ir-regoli. Il-bidliet teknoloġiċi attwali huma rapidi ħafna. Dawn jittrasformaw il-komunikazzjoni bejn il-persuni u l-organizzazzjonijiet pubbliċi u privati. F'dan il-kuntest, jeħtieġ li jerġgħu jiġu affermati diversi prinċipji: l-iskop, il-proporzjonalità u l-leġittimità tal-ipproċessar, iż-żmien limitat tal-ħażna, is-sigurtà u l-kunfidenzjalità, ir-rispett tad-drittijiet tal-persuna u l-kontroll minn awtorità indipendenti. Il-qafas legali attwali jistabbilixxi livell għoli ta' protezzjoni. Fid-dawl tal-bidliet teknoloġiċi rapidi, jista' jirriżulta li jkunu meħtieġa inizjattivi komplementari , kemm leġiżlattivi u kemm le, sabiex tinżamm applikazzjoni effettiva ta' dawn il-prinċipji. Ir-rispett tal-prinċipji ta' protezzjoni tad-dejta għandu jkun ukoll żgurat bl-iżvilupp ta' teknoloġiji xierqa ġodda , b'riżultat tat-titjib tal-kooperazzjoni bejn is-setturi pubbliċi u privati, b'mod partikolari fil-qasam tar-riċerka. Għandha tiġi eżaminata l-introduzzjoni ta' ċertifikazzjoni Ewropea għat-teknoloġiji, il-prodotti u s-servizzi "li jirrispettaw il-ħajja privata". Fl-aħħar nett, protezzjoni effettiva tippresupponi għarfien tajjeb tad-drittijiet u tar-riskji (b'mod partikolari tal-Internet). Għandhom isiru kampanji ta' informazzjoni u għarfien b'mod partikolari fost l-aktar persuni vulnerabbli. Mill-perspettiva globali, l-Unjoni għandu jkollha rwol ewlieni fl-iżvilupp u l-promozzjoni ta' standards internazzjonali fil-qasam tal-protezzjoni tad-dejta ta' natura personali u fil-konklużjoni ta' strumenti internazzjonali – bilaterali jew multilaterali – xierqa. Il-ħidmiet li saru mal-Istati Uniti għall-protezzjoni tad-dejta jistgħu jkunu ta' riferiment għal ftehimiet ulterjuri. 2.4. Il-parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika tal-Unjoni Id-dritt li tivvota u li tkun kandidat għall-elezzjonijiet muniċipali u Ewropej fi Stat Membru li mhuwiex l-Istat tal-oriġini huwa l-espressjoni politika tal-kunċett taċ-ċittadinanza Ewropea. Minkejja dan, l-eżerċizzju reali ta’ dan id-dritt huwa ftit sodisfaċenti u għandu jiġi ffaċilitat permezz tal-kampanji ta’ komunikazzjoni u informazzjoni li jikkonċernaw id-drittijiet marbutin maċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Fid-dawl tal-elezzjonijiet Ewropej fl-2014, jaqbel li ssir riflessjoni dwar miżuri li jħeġġu ċ-ċittadini: għandu jiġi favorizzat approċċ ambizzjuż għal kampanji elettorali li jiffukaw fuq id-dibatti verament Ewropej. L-iffaċilitar tal-ivvutar taċ-ċittadini u r-reġistrazzjoni fil-listi elettorali kif ukoll il-votazzjoni matul il-ġimgħa tad-9 ta' Mejju se jikkontribwixxu għal dan. B’mod iktar ġenerali, jaqbel ukoll li jiġi eżaminat kif jistgħu jiġu kkompletati d-drittijiet elettorali taċ-ċittadini residenti fi Stat Membru ieħor, abbażi ta' rapporti regolari konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat[1], sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja demokratika tal-Istat Membru fejn huma residenti. 2.5. Benefiċċju ta' protezzjoni fil-pajjiżi terzi Barra mill-Unjoni Ewropea, is-27 Stat Membru huma rrappreżentati lkoll fi tlieta biss mill-166 pajjiż terz. 8,7% miċ-ċittadini Ewropej, jiġifieri seba' miljun persuna, jivvjaġġaw f'pajjiż li fih l-Istat tagħhom mhumiex rappreżentat. Kull ċittadin tal-Unjoni li jkun jinsab f'pajjiż terz fejn l-Istat Membru tiegħu ma jkunx rappreżentat għandu dritt għal protezzjoni mill-awtoritajiet diplomatiċi jew konsolari ta' kull Stat Membru ieħor, taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta' dak l-Istat. Dan id-dritt fundamentali, li jinsab fit-Trattati, għadu madankollu estensivament interpretat ħażin jew mhux applikat. Għaldaqstant jeħtieġ li jsiru kampanji ta' komunikazzjoni apposta dwar dan id-dritt. Sabiex il-protezzjoni konsulari ssir iktar effettiva, għandu jissaħħaħ il-qafas ta’ koordinazzjoni u ta‘ kooperazzjoni eżistenti: it-tliet sisien essenzjali ta' din ir-riforma ser ikunu li jiġi ċċarat il-kunċett tal-Istat Mexxej fil-każ ta' kriżi, li jiġu stabbiliti kriterji komuni għad-definizzjoni tal-kunċett ta' Stat Membru mhux rappreżentat u li jiġi ddeterminat min se jieħu r-responsabbiltà finanzjarja għar-ripatrijazzjonijiet fuq bażi tal-istrumenti Komunitarji eżistenti. Barra minn dan, se jiġu organizzati eżerċizzji ta' emerġenza fil-każ ta' sitwazzjonijiet ta' kriżi. 2.6. Tisħiħ tal-Protezzjoni Ċivili Il-Mekkaniżmu Komunitarju tal-Protezzjoni Ċivili għandu jissaħħaħ sabiex jiġu mejgħuna u kkumpletati l-azzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-Protezzjoni Ċivili. Il-kooperazzjoni fil-qasam tal-analiżi tar-riskji, inkluż l-aspetti reġjonali, għandha tiġi żviluppata biex jiġu definiti l-għanijiet u l-azzjonijiet komuni. Fl-istess ħin, il-kapaċità ta’ rispons tal-Unjoni għandha tissaħħaħ billi jiġu organizzati aħjar il-mekkaniżmi ta’ għajnuna u l-interoperabbiltà tal-mezzi ta’ implimentazzjoni. Il-MIC (iċ-Ċentru ta’ Informazzjoni u Segwitu) għandu jsir ċentru operazzjonali reali li jkollu l-kapaċità ta’ analiżi u pjanifikar. 3. L-IFFAċILITAR TAL-ħAJJA TAċ-ċITTADINI: EWROPA TAD-DRITT U TAL-ġUSTIZZJA F’żona mmarkata minn mobbiltà dejjem tiżdied, il-prijorità għandha tiġi żviluppata u tiġi promossa żona ġudizzjarja Ewropea għaċ-ċittadin, billi jiġu megħluba l-ostakli li għad fadal għall-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom. B’dan il-mod, id-deċiżjonijiet ġudizzjarji għandhom ikunu rikonoxxuti u eżegwiti minn Stat Membru għal ieħor mingħajr diffikultà. Is-sistemi ġudizzjarji tas-27 Stat Membru għandhom ikunu jistgħu jiffunzjonaw flimkien, b'mod koerenti u effettiv, fir-rispett tat-tradizzjonijiet legali nazzjonali. Il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku huwa l-pedament tal-binja tal-Ewropa tal-ġustizzja. Il-progress legali importanti li sar matul is-snin li għaddew irid jiġi kkonsolidat u implimentat b'determinazzjoni. Madankollu ma jistax jiġi kkonkretizzat mingħar ma tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn l-atturi tad-dinja ġudizzjarja. L-iżvilupp tal-Ewropa ġudizzjarja tippresupponi wkoll li l-Ewropa jkollha bażi ta' regoli komuni. Dan huwa b'mod partikolari l-każ fil-ġlieda kontra ċerti tipi ta' kriminalità transkonfinali partikolarment gravi jew sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-politiki tal-Unjoni. Iż-żona ġudizzjarja Ewropea għandha wkoll tippermetti lill-individwi biex isostnu d-drittijiet tagħhom kullimkien fl-Unjoni billi tiffaċilita l-aċċess għall-ġustizzja. Għandu joffri lill-atturi ekonomiċi l-għodda neċessarji biex igawdu bis-sħiħ mill-opportunitajiet tas-suq uniku, b'mod partikolari fiż-żminijiet ta' kriżi ekonomika. 3.1. It-tkomplija tal-implimentazzjoni tar-rikonoxximent reċiproku Fil-qasam ċivili, id-deċiżjonijiet ġudizzjarji għandhom jiġu eżegwiti direttament u mingħajr xi miżura intermedja oħra. Jeħtieġ għalhekk li l- proċedura tal- exequatur tad-deċiżjonijiet ċivili u kummerċjali, li għadha ta' spiss iżżejjed meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' deċiżjonijiet mogħtija fi Stati Membri oħra, tiġi abolita b'mod ġenerali Għal dan jeħtieġ li l-ewwel nett jiġu armonizzati r-regoli ta' kunflitti tal-liġijiet fl-oqsma indikati. Barra minn dan, ir-rikonoxximent reċiproku jista’ jiġi estiż għal oqsma li għadhom mhumiex koperti u li huma essenzjali fil-ħajja ta' kuljum, bħalma huma s-suċċessjoni u t-testmenti, is-sistemi li jirregolaw iż-żwieġ u l-konsegwenzi patrimonjali tas-separazzjoni tal-koppji. B'mod ġenerali, l-istrumenti adottati għandhom jinġemgħu f'kodiċi ta' kooperazzjoni ġudizzjarja ċivili biex l-implimentazzjoni tagħhom tiġi ffaċilitata. Fil-qasam kriminali , il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku għandu japplika għall-istadji kollha tal-proċedura. Sar progress kbir fit-titjib tar-rikonoxximent reċiproku tal-pieni mogħtija. Barra minn dan, ir-rikonoxximent reċiproku għandu jestendi għal tipi oħra ta' deċiżjonijiet , li, skont l-Istati Membri, jistgħu jkunu kemm ta' natura penali kif ukoll ta' natura amministrattiva. B'hekk, ix-xhieda jew il-vittmi ta' reat jistgħu jkunu s-suġġett ta' miżuri ta' protezzjoni partikolari. Dawn għandhom jiġu applikati minn Stat membri għal ieħor. Bl-istess mod, ċerti multi, li n-natura penali jew amministrattiva tagħhom tvarja skont l-Istati Membri, għandhom ikunu jistgħu jiġu eżegwiti fost l-Istati, bl-għan, b'mod partikolari, li tissaħħaħ is-sigurtà fit-toroq u, b'mod aktar ġenerali, li jiġi żgurat ir-rispett tal-politiki tal-Unjoni. L-Unjoni għandha tindirizza r-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ta' telfien ta' dritt u, għal dan il-għan, tiffavorixxi l-iskambji sistematiċi ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri. It-telfien ta' drittijiet li l-aktar li jistgħu jaffettwaw is-sigurtà tal-persuni jew tal-ħajja ekonomika għandhom jiġu indirizzati l-ewwel: interdizzjoni mill-eżerċizzju ta' ċerti professjonijiet, l-irtirar tal-liċenzja tas-sewqan, it-telfien tad-dritt li wieħed ikun amministratur ta' kumpanija jew li jipparteċipa f'sejħiet pubbliċi għall-offerti eċċ. Fil-kuntest attwali ta' kriżi ekonomika, l-Unjoni għandha tgħasses partikolarment biex tevita li imġiba abużiva li tkun ta' preġudizzju għat-tħaddim tajjeb tas-suq tkun tista' sseħħ mingħajr xkiel minn Stat Membru għal ieħor. 3.2. It-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka Ir-rikonoxximent reċiproku għandu l-konsegwenza li d-deċiżjonijiet mogħtija fil-livell nazzjonali jkollhom impatt fl-Istati Membri l-oħra, b'mod partikolari fuq is-sistema ġudizzjarja tagħhom. Huma meħtieġa miżuri bl-għan li jsaħħu l-fiduċja reċiproka sabiex dawn l-iżviluppi jkunu jistgħu jitgawdew bis-sħiħ. Jeħtieġ li l-implimentazzjoni tal-miżuri tkun segwita aħjar , b'mod partikolari fost il-professjonisti. Il-Eurojust u n-netwerks ġudizzjarji Ewropej ċivili u kriminali għandhom jintużaw aktar sabiex titjieb l-applikazzjoni konkreta u effettiva tad-dritt Ewropew mill-prattikanti kollha. Jeħtieġ ukoll li għodda ta' appoġġ jitpoġġew għad-dispożizzjonijiet tal-awtoritajiet ġudizzjarji billi jintużaw, b'mod partikolari, il-mezzi elettroniċi (għajnuna għat-traduzzjoni, l-istabbiliment ta' żona sikura ta' komunikazzjoni, vidjokonferenzi, eċċ.). Jekk l-Ewropa tal-ġustizzja tinbena billi tiġi rrispettata d-diversità tas-sistemi nazzjonali, din id-diversità m'għandhiex tkun is-sors ta' nuqqas reċiproku ta' komprensjoni. Huwa għalhekk essenzjali li jiżdiedu l-opportunitajiet ta' skambji fost il-professjonisti tal-ġustizzja. In-netwerk differenti ta' professjonisti għandhom, bl-għajnuna tal-Unjoni, jissaħħu, jiġu kkoordinati u jiġu strutturati aħjar. It-tħaddim tal- Forum tal-Ġustizzja għandu jitjieb. Huwa kruċjali li l-isforz għat- taħriġ tal-professjonijiet ġudizzjarji kollha, inklużi l-qrati amministrattivi, jiżdied u jsir aktar sistematiku. Minn issa sa tmiem il-programm multiannwali, għandu jkompli l-għan ta’ taħriġ sistematiku Ewropew għall-imħallfin u l-prosekuturi l-ġodda kollha fi stadju tal-kors ta’ taħriġ tagħhom; mill-inqas nofs l-imħallfin u l-prosekuturi tal-Unjoni għandhom ikunu segwew taħriġ Ewropew jew ipparteċipaw fi skambju ma' Stat ieħor. L-Istati Membri huma responsabbli bħala prijorità f'dan il-qasam u l-Unjoni għandha ssostni finanzjarjament l-isforz tagħhom. In-Netwerk Ewropew għat-Taħriġ Ġudizzjarju (EJTN) għandu jiġi msaħħaħ u jkun mogħni minn struttura u mezzi tal-livell tal-ambizzjonijiet tiegħu. Barra minn dan, għandhom jiġu żviluppati programmi ta' tagħlim mill-bogħod (e-learning) u appoġġi komuni għat-taħriġ sabiex il-professjonijiet ġudizzjarji jitħarrġu fil-mekkaniżmi Ewropej (relazzjonijiet mal-Qorti tal-Ġustizzja, l-użu tal-istrumenti ta' rikonoxximent reċiproku u tal-kooperazzjoni ġudizzjarji, dritt komparat, eċċ.). It-taħriġ Ewropew għandu jsir stadju li jkun parti sistematika fit-taħriġ għall-imħallfin u l-prosekuturi ġodda kollha. Bħal f'oqsma oħra, l-iżvilupp tar-rikonoxximent reċiproku għandu, fil-qasam ġudizzjarju, jseħħ flimkien ma' tisħiħ tal- evalwazzjoni . Din għandha tkun, b'mod partikolari, dwar l-effettività tal-istrumenti legali u l-politiki adottati fil-livell tal-Komunità. Hija għandha wkoll, jekk ikun il-każ, tidentifika x-xkiel għall-funzjonament tajjeb taż-żona ta' ġustizzja Ewropea. L-evalwazzjoni għandha wkoll issir perjodikament filwaqt li tiffaċilita għarfien imtejjeb tas-sistemi nazzjonali sabiex jintużaw prattiċi tajba. L-Unjoni għandha għaldaqstant tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri biex itejbu l-kwalità tas-sistemi ġudizzjarji tagħhom billi tiffavorixxi l-iskambji ta' prattiki tajba u l-iżvilupp ta' proġetti innovattivi fil-qasam tal-immodernizzar tal-ġustizzja[2]. Fuq medda qasira ta' żmien, jista' jiġi organizzat programm pilota għal dan il-għan. Fil-pajjiżi terzi u b’mod partikoli l-pajjiżi ta’ tkabbir, l-Unjoni ġiet mogħnija minn strumenti bħall-ġemellaġġ jew il-valutazzjonijiet bejn il-pari mmirati biex jiġu promossi r-riformi tal-ġustizzja u t-tisħiħ tal-Istat tad-Dritt. Dawn l-azzjonijiet għandhom jiġu segwiti. 3.3. L-Iżvilupp ta' bażi ta’ standards komuni L-iżvilupp ta’ żona ġudizzjarja Ewropea teħtieġ ukoll ċertu livell ta’ approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari tal-Istati Membri. Fil-qasam kriminali , b’mod partikolari fir-rigward tat-terroriżmu, tal-kriminalità organizzata u tal-attentati fuq l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, l-azzjoni fil-livell Ewropew biss tista' tagħti riżultati effiċjenti. Għalhekk jaqbel li titkompla l-approssimazzjoni tal-liġi materjali dwar ċerti ksur serji, li huma tipikament transkonfinali li għandhom ikunu s-suġġett ta’ definizzjonijiet u sanzjonijiet komuni. Din l-approssimazzjoni għandha tippermetti l-għarfien reċiproku u, f’ċerti każijiet, is-suppressjoni kważi għal kollox tar-raġunijiet ta’ rifjut tal-għarfien tad-deċiżjonijiet tal-Istati Membri l-oħra. Barra minn hekk, fir-rispett tal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet, l-implimentazzjoni ta' ċerti politiki tal-Unjoni tista’ teżiġi d-definizzjoni ta' ksur u sanzjonijiet komuni biex tiġi żgurata l-effiċjenza, kif kien il-każ fil-qasam tal-ambjent u tat-trasport. Fil-qasam ċivili, għandhom jiġu stabbiliti fuq il-pjan Ewropew standards minimi li jirrigwardaw ċerti aspetti tal-proċedura ċivili f’rabta mal-ħtiġijiet tal-għarfien reċiproku. Barra minn hekk, dan it-tip ta’ standards għandhom ikunu stabbiliti għall-għarfien ta’ deċiżjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri (inklużi dawk dwar id-dritt għall-kustodja). Fl-aħħar nett, il-funzjonament tajjeb taż-żona legali Ewropea kultant jeżiġi li ġuriżdizzjoni nazzjonali tapplika l-liġi ta’ Stat Membru ieħor. l-Unjoni Ewropea għandha tirrifletti dwar kif tista' tevita d-disparità bejn il-prattiki attwali f'dan il-qasam. 3.4. Il-vantaġġi għaċ-ċittadini ta’ żona ġudizzjarja Ewropea 3.4.1. L-iffaċilitar tal-aċċess għall-ġustizzja Il-faċilitar tal-aċċess għall-ġustizzja huwa essenzjali biex l-opportunitajiet taż-żona ġudizzjarja Ewropea jiġu sfruttati bi sħiħ, b’mod partikolari fil-proċeduri transkonfinali. F’dan ir-rigward, il-miżuri adottati fir-rigward tal- għajnuna ġudizzjarja għandhom jiġu msaħħa. B’mod parallel, is-sistemi ta’ mezzi alternativi ta’ soluzzjoni ta’ tilwim b’mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet tal-konsumaturi għandhom jiġu mtejba. Iċ-ċittadini għandhom jingħataw għajnuna biex jegħlbu l- ostakli lingwistiċi li jistgħu jrendu iktar diffiċli l-aċċess tagħhom għall-ġustizzja: iktar rikors għall-mekkaniżmi ta' traduzzjoni awtomatika fejn possibbli, riċerka sabiex tiġi mtejba l-kwalità tal-interpretazzjoni u t-traduzzjoni fil-ġustizzja, skambju reċiproku tar-riżorsi disponibbli fl-Istati Membri b'mod partikolari permezz tal-interkonnessjoni tal-bażijiet ta’ dejta tal-interpreti u t-tradutturi kif ukoll rikors eventwali għall-interpretazzjoni minn distanza permezz ta' vidjokonferenzi. L-E-justice (ġustizzja elettronika) hija għalhekk opportunità eċċellenti. Il-portal Ewropew se jkun mezz biex jiġu infurmati aħjar il-persuni dwar id-drittijiet tagħhom u sabiex jingħataw aċċess għal serje ta’ informazzjoni dwar id-diversi sistemi ġudizzjarji. Ir-rikors għall-vidjokonferenzi għandu jiġi sfruttat iktar, pereżempju biex il-vittmi jiffrankaw l-ivjaġġar bla bżonn. Ċerti proċeduri Ewropej (pereżempju l-Ordni ta’ Ħlas Ewropea jew is-Soluzzjoni ta’ Talbiet Żgħar) jistgħu f'terminu medju jsiru onlajn. F’konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta, ċerti reġistri nazzjonali se jkunu interkonnessi progressivament (pereżempju r-reġistri ta' insolvabbiltà tal-persuni jew impriżi). Ċerti formalitajiet ta’ legalizzazzjoni tal-atti u dokumenti huma wkoll ostaklu jew piż eċċessiv. Filwaqt li jiġu kkunsidrati l-possibbiltajiet marbutin mal-użu tat-teknoloġiji l-ġodda, inkluż l-iżvilupp tal-firem diġitali, l-Unjoni għandha tipprevedi l- waqfien totali ta’ kull formalità ta’ legalizzazzjoni tal-atti awtentiċi bejn l-Istati Membri. Fejn ikun xieraq, ikunu jridu jinħolqu atti awtentiċi Ewropej. Fl-aħħar nett, l-Unjoni Ewropea se ssaħħaħ il-leġiżlazzjoni tagħha dwar il-protezzjoni tal-vittmi ta’ ksur u se toffri appoġġ imsaħħaħ għad-dispożittivi li jippermettu li tingħata għajnuna konkreta, notevolment permezz ta’ netwerks Ewropej. 3.4.2. Appoġġ għall-attività ekonomika Iż-żona ġudizzjarja Ewropea għandha tappoġġja l-funzjonament tajjeb tal-attività ekonomika fil-qafas tas-suq intern u b’mod partikolari f’perjodu ta’ kriżi. Ir-rapidità tal-proċeduri kif ukoll l-effiċjenza tat-twettiq tad-deċiżjonijiet ta' ġustizzja għandhom ikunu msaħħa minn miżuri proviżorji u konservatorji (pereżempju bil-ħolqien ta’ proċedura ta’ sekwestru bankarju Ewropew, u billi tissaħħaħ it-trasparenza tal-assi). Għandhom ukoll jiġu żgurati r-relazzjonijiet kuntrattwali. Id-differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-liġi tal-kuntratti jistgħu fil-fatt, jipprevjenu l-atturi ekonomiċi milli japprofittaw bi sħiħ mill-opportunitajiet tas-suq uniku. Mudelli ta' kuntratti bejn persuni privati jew bejn SMEs, li jintużaw fuq bażi volontarja, tradotti f’lingwi differenti u li jintużaw bħala referenza fid-dinja tan-negozju, għandhom jiġu mfassla fuq bażi ta’ elementi li diġà ġew żviluppati. Minbarra dan, tista’ tiġi prevista sistema Ewropea speċifika, fakultattiva, offerta lill-impriżi (it-28 sistema). Din is-sistema, simili għal dawk li ġew imfassla f’oqsma oħra tas-suq intern, bħal dik tas-soċjetà Ewropea, tal-grupp ta’ interess ekonomiku Ewropew jew tat-Trademark tal-Komunità, tkun favorevoli għall-iżviluppi ta’ skambji intrakomunitarji. Din tintroduċi sistema legali unika li tkun applikabbli direttament. Ir- regolament tal-liġi tan-negozju tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Jistgħu jiġu previsti bosta tipi ta' azzjonijiet f’dan ir-rigward : l-istabbiliment ta' regoli komuni li jiddeterminaw il-liġi applikabbli fil-qasam tal-liġi tal-kumpaniji, fil-qasam ta' kuntratti ta' assigurazzjoni u trasferimenti ta’ krediti, u l-konverġenza tas-sistemi nazzjonali fil-qasam tal-proċedura ta’ insolvabbiltà tal-banek. Il-kriżi finanzjarja attwali uriet il-ħtieġa li jiġu rregolati s-swieq finanzjarji u li jiġu pprevenuti l-abbużi. Bħalissa għaddej studju fil-kuntest tad-Direttiva dwar l-abbużi tas-suq li r-riżultati se jkunu magħrufa dalwaqt. L-Unjoni Ewropea tkun tista’ tipprevedi, meta jkun xieraq, ir-rikors għal-liġi kriminali biex jiġu sanzjonati l-frodi li jistgħu jipperikolaw is-sistema finanzjarja u l-ekonomija tal-Unjoni Ewropea. 3.5. It-tisħiħ tal-preżenza internazzjonali tal-Unjoni Ewropea fil-qasam legali Sabiex jiġi mħeġġeġ il-kummerċ estern u sabiex tiġi ffaċilitata ċ-ċirkolazzjoni tal-persuni, l-Unjoni Ewropea għandha tiżviluppa netwerk ta’ ftehimiet bilaterali mas-sħab ekonomiċi ewlenin tagħha fil-qasam tal-għarfien u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ċivili u kummerċjali. Għażla waħda tista’ tkun il-ftuħ tal-Konvenzjoni ta’ Lugano l-ġdida (dwar il-kompetenza, l-għarfien, u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ċivili u kummerċjali) għas-sħab ewlenin tal-Unjoni Ewropea. Ikun possibbli wkoll li ssir ħidma fuq in-notifika tad-dokumenti jew il-kisba ta’ provi. Fil-qasam kriminali, għandhom jiġu ddeterminati l-prijoritajiet għan-negozjar ta’ ftehimiet ta' għajnuna legali reċiproka u ta' estradizzjoni. Barra minn hekk, l-Unjoni Ewropea għandha tiżgura l-promozzjoni tal-għodod ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali billi tiżviluppa l-iskambji tal-prattiċi tajba u l-esperjenza ma’ pajjiżi terzi. B’mod iktar ġenerali, l-Unjoni Ewropea għandha tkompli tagħti l-appoġġ kontinwu tagħha fis-settur tal-ġustizzja fil-pajjiżi sħab sabiex jiġi promoss l-Istat tad-Dritt fid-dinja kollha. L-Unjoni Ewropea se tkompli l-azzjoni tagħha sabiex tabbolixxi l-piena tal-mewt, it-tortura u trattamenti inumani degradanti oħra. 4. EWROPA LI TIPPROTEġI L-Ewropa toffri qafas indispensabbli għall-protezzjoni tal-poplu Ewropew kontra t-theddid li ma jiefqux mal-fruntieri. L-Unjoni Ewropea għandha toħloq strateġija ta’ sigurtà interna konformi mad-drittijiet fundamentali u li tesprimi viżjoni komuni tal-interessi involuti. Din l-istrateġija għandha twassal għal solidarjetà reali bejn l-Istati Membri. Għandha tippermetti li jiġi kkjarifikat dak li jiddependi mill-awtoritajiet nazzjonali u dak li, bil-kontra, jiġi indirizzat b'mod iktar effiċjenti fil-livell tal-Unjoni Ewropea. Għandha tappoġġja fuq mekkaniżmi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li jippermettu d-determinazzjoni tal-prijoritajiet operazzjonali. Għandha tiffaċilita l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi meħtieġa fl-oqsma ta' azzjoni koordinati sabiex jiġu pprevenuti u ġestiti t-theddidiet ewlenin li jaffetwaw lill-persuni u l-kollettivitajiet. Din l-istrateġija se tikkumplementa b’mod utli l-istrateġija ta' sigurtà esterna li għandha l-Unjoni Ewropea, billi ssaħħaħ ir-rabta bejn l-azzjoni interna u dik esterna. 4.1. Mezzi msaħħa Is-sigurtà fl-Unjoni Ewropea tissupponi strateġija integrata fejn il-professjonisti tas-sigurtà jaqsmu kultura komuni, jimmassimizzaw l-iskambju ta’ informazzjoni u jużaw l-appoġġ ta’ infrastrutturi teknoloġiċi adegwati. 4.1.1. Il-Ħolqien ta’ kultura komuni Sabiex l-atturi nazzjonali jikkunsidraw bil-mod il-mod iż-żona Ewropea bħala żona naturali tal-azzjoni tagħhom, il-fiduċja reċiproka għandha tiġi msaħħa b’mod kunsiderevoli. Dan jirrekjedi li jiġu multiplikati, għall-professjonisti kollha kkonċernati, l-iskambji ta’ esperjenzi u ta’ prattiċi tajba, notevolment fil-materja ta’ etika, kif ukoll it-taħriġ komuni u l-eżerċizzji komuni. Għandhom jiġu stabbiliti għanijiet ambizzjużi f’din il-materja, pereżempju billi jiġu mħarrġa fil-ħames snin li ġejjin terz tal-pulizija u gwardjani tal-fruntieri Ewropej fil-kwistjonijiet Ewropej. Programmi ta’ skambju speċifiċi (tat-tip " Erasmus ") għandhom jiġu implimentati. Il-parteċipazzjoni mmirata ta’ pajjiżi terzi, bħall-pajjiżi tat-tkabbir u l-pajjiżi ġirien, tista’ tiġi deċiża fuq bażi ta’ każ b’każ. 4.1.2. Kontroll tal-informazzjoni Is-sigurtà fl-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq mekkaniżmi ta' prestazzjoni ta' skambji ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-atturi Ewropej. B’dan il-għan, l-Unjoni għandha tadotta mudell Ewropew ta’ informazzjoni bbażat kemm fuq tisħiħ tal-kapaċità ta’ analiżi strateġika kif ukoll fuq it-titjib tal-ġbir u t-trattament tal-informazzjoni operazzjonali. Dan il-mudell għandu jqis l-oqfsa eżistenti, inklużi dawk tal-qasam doganali, u jippermetti li jiżdiedu l-isfidi marbutin mal-iskambji tal-informazzjoni mal-pajjiżi terzi. Min-naħa waħda, jaqbel li jiġu definiti: - il-kriterji tal-ġbir, tal-qsim u tat-trattament tal-informazzjoni miġbura fil-għan ta' sigurtà fir-rispett tal-prinċipji tal-protezzjoni tad-dejta; - mekkaniżmu ta’ segwitu li jippermetti l-evalwazzjoni tal-funzjonament tal-iskambji ta’ informazzjoni; - il-metodi ta’ identifikazzjoni tal-ħtiġijiet futuri; - il-prinċipji ta’ politika dwar it-trasferimenti internazzjonali tad-dejta għall-ħtiġijiet ta’ sigurtà fir-rispett tal-istandards għoljin tal-protezzjoni tad-dejta. Min-naħa l-oħra, l-Unjoni Ewropea għandha ssaħħaħ b’mod konsiderevoli l-kapaċità tagħha ta’ analiżi u sinteżi tal-informazzjoni strateġika li għandha. F'dan ir-rigward, is-sinerġiji bejn il-Europol u Frontex għandhom jitjiebu. In-netwerks ta’ uffiċjali ta’ kollegament, li jinsabu fl-Istati Membri jew pajjiżi terzi, għandhom ukoll ikunu koordinati aħjar u mobilizzati f’din il-perspettiva. Dawn il-miżuri għandhom jippermettu teħid iktar rapidu ta' azzjonijiet fuq il-pjan operazzjonali. 4.1.3. Mobilizzazzjoni tal-għodod tekonoloġiċi meħtieġa It- teknoloġiji l-ġodda għandhom jakkumpanjaw l-evoluzzjonijiet kontemporanji tal-mobbiltà u jiffavorixxuhom, filwaqt li jiżguraw is-sigurtà u l-libertà tal-persuni. Għalhekk, huwa neċessarju li jitwaqqfu politiki li jiżguraw livell għoli ta’ sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni fl-Unjoni Ewropea kollha. Jaqbel li jitjieb il-livell tal-istat ta’ tħejjija tas-sigurtà u tar-reżiljenza tal-infrastrutturi kritiċi, inklużi dawk relatati mat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (TIC) u tas-servizzi. Fil-qasam tal-iżvilupp tal-Mudell Ewropew ta’ Informazzjoni, l-Unjoni Ewropea għandha tirrifletti dwar arkitettura tas-sistemi ta’ informazzjoni billi tibni fuq l-esperjenzi li diġà nkisbu. Din għandha tiżgura l-interoperabbiltà tas-soluzzjonijiet tekniċi li nżammu fil-livell nazzjonali u tas-sistemi Ewropej eżistenti jew li ġejjin, kif ukoll l-iżvilupp koerenti u adattat tagħhom għall-ħtiġijiet identifikati. Barra minn hekk, din l-arkitettura tippermetti ekonomiji ta’ skala hekk kif isir l-iskjerament tas-sistemi kkonċernati. Fl-aħħar nett, għanda tippermetti l-programmazzjoni fil-livell nazzjonali ta' investimenti fil-qafas tal-għanijiet tal-istrateġija ta' sigurtà interna. L-attività ta’ riċerka u żvilupp fil-qasam tas-sigurtà għandha tidħol fil-fażi mal-prijoritajiet tal-istrateġija ta’ sigurtà interna u tiffoka fuq it-titjib tal-interoperabbiltà, u l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet u tat-teknoloġiji relevanti, kif ukoll il-validazzjoni tar-riżultati u l-iżvilupp ta’ standards xierqa. L-isforzi ta’ riċerka għandhom isiru parallel mal-ħtiġijiet reali tal-utenti u appoġġjati mill-iżvilupp tas-sħubiji pubbliċi-privati, bħal ma juri l-Bord Ewropew tal-Pariri għar-Riċerka fis-Sigurtà (ESRAB)[3]. Il-mezzi disponibbli għar-riċerka u l-izvilupp teknoloġiku għandhom ikunu użati sabiex jiġu sodisfati bi sħiħ l-aspettativi tal-utenti. Fl-aħħar nett, jista’ jiġi previst il-ħolqien ta’ fond għas-sigurtà interna. 4.2. Politiki effiċjenti L-istrateġija tas-sigurtà interna għandha tinbena madwar tliet oqsma ta’ azzjoni kumplimentari u li issa huma assoċjati għal dejjem: it-tisħiħ tal-kooperazzjoni tal-pulizija, ġustizzja kriminali adattata u ġestjoni iktar effiċjenti tal-aċċess għat-territorju. 4.2.1. Tisħiħ tal-effiċjenza tal-kooperazzjoni tal-pulizija Ewropea Il-ġlieda kontra fenomeni kriminali tipikament transnazzjonali hija l-ewwel għan tal-kooperazzjoni tal-pulizija. Huwa f’dan il-livell li l-Unjoni Ewropea tista’ turi l-valur miżjud tal-intervent tagħha. Il-mudell Ewropew ta’ informazzjoni se jippermetti f’dan ir-rigward il-faċilitar tal-ħidma tas-servizzi operattivi billi jiġu kkjarifikati l-mezzi diversi ta’ skambju tad-dejta eżistenti. Jaqbel li jiġi sfruttat aħjar il-potenzjal tal- Europol , li għandu jkun sistematikament infurmat dwar il-ħolqien tat-timijiet komuni ta' inkjesti u assoċjat mal-operazzjonijiet transkonfinali ewlenin. Ladarba jiġu kkjarifikati t-tipi ta’ dejta li għandhom jiġu skambjati, ikunu jridu jitwaqqfu l-mekkaniżmi ta’ trasferimenti awtomatiċi tad-dejta għal Europol. Europol għandu wkoll isaħħaħ ir-rabtiet tiegħu mal-Eurojust sabiex jiġi żgurat is-segwitu ġudizzjarju tal-ħidmiet tiegħu. Fl-aħħar nett, il-Europol ikun jista’ jkompli l-missjonijiet ta’ taħriġ tas-CEPOL. Il-Europol għandu wkoll ikabbar id-dimensjoni internazzjonali tiegħu, billi jsaħħaħ fost oħrajn ir-relazzjonijiet mar-reġjuni u l-Istati ġirien tal-Unjoni. Il-Europol għandu jsaħħaħ ir-rabtiet mal-missjonijiet PESK tal-pulizija u jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-istandards tal-prattiċi tajba ta’ kooperazzjoni tal-pulizija Ewropea f’pajjiżi terzi. B’mod iktar ġenerali, l-effiċjenza tal-kooperazzjoni tal-pulizija timplika l-iżvilupp tar-relazzjonijiet stretti mal-pajjiżi terzi. L-Unjoni Ewropea għandha tikkonkludi, meta jkun meħtieġ, ftehimiet ta’ kooperazzjoni mal-pulizija. F’dan il-qafas, jaqbel li tingħata attenzjoni għat-tisħiħ tal-kumplimentarità bejn l-azzjoni tal-Unjoni Ewropea u dik tal-Istati Membri. Li jitwaqqfu l-kriminali milli japprofitaw minn żona mingħajr fruntiera biex jaħarbu mill-inkjesti u l-prosekuzzjoni huwa għan ieħor importanti. Ir-riċerka tal-effiċjenza operattiva għandha tkun il-kriterju li jiddetermina l-livell ta’ kooperazzjoni sew jekk ikun reġjonali, nazzjonali, Ewropew jew internazzjonali. Għandhom jiġu żviluppati sinerġiji bejn l-atturi differenti nazzjonali, Ewropej u internazzjonali (Europol, OLAF meta l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea huma kkonċernati, Interpol). L-esperjenzi ta’ kooperazzjoni reġjonali transkonfinali għandhom ikunu msaħħa u mwaqqfa fin-netwerk : l-iżvilupp ta’ mudell ta’ ċentru tal-kooperazzjoni tal-puliziji u tad-dwana li jista’ jintuża meta jseħħu avvenimenti bħal kompetizzjonijiet sportivi (pereżemju l-Logħob Olimpiku 2012, il-Euro 2012), jew laqgħat tal-massa, l-implimentazzjoni ta' esperjenzi ta' evalwazzjoni transkonfinali tar-riskji kriminali. Fl-aħħar nett, huwa ferm importanti li l-Unjoni Ewropea tkun tista’ tqabbel id-dejta u ssaħħaħ il-prevenzjoni kemm tal-kriminalità organizzata kif ukoll tad-delinkwenza lokali. Sabiex tevalwa l-impatt tal-azzjoni tagħha, l-Unjoni għandha tadotta għodod ta’ statistika għall-kejl tal-attivitajiet kriminali. Barra minn hekk, jaqbel li tiġi żviluppata strateġija komuni li toffri qafas ta’ intervenzjoni tal-atturi lokali u nazzjonali (kemm is-servizzi ta' repressjoni kif ukoll is-soċjetà ċivili). Dan il-qafas se jiġi bbażat fuq l-iskambji ta' prattiċi tajba u l-elaborazzjoni komuni tal-istandards ta' azzjoni u tal-metodi ta' evalwazzjoni. Għandu jiġu użat aħjar il-potenzjal tan-Netwerk Ewropew għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità (EUCPN) abbażi tar-riżultati tal-evalwazzjoni tal-attivitajiet tiegħu. Hija maħsuba kemm jista’ jkun il-parteċipazzjoni mmirata tal-pajjiżi tat-tkabbir. 4.2.2. Ġustizzja kriminali għas-servizz tal-protezzjoni taċ-ċittadini Fil-konfront tal-kriminalità transkonfinali, l-azzjoni tal-ġustizzja m’għandhiex tiġi mxekkla minħabba d-differenzi bejn is-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri. L-Unjoni Ewropea għandu jkollha sistema kompleta ta’ kisba tal-provi fil-kwistjonijiet transkonfinali. Dan għandu jinkludi Mandat Ewropew għall-kisba tal-provi li jissostitwixxi l-istrumenti legali eżistenti. Dan l-istrument, li jkun rikonoxxut awtomatikament u applikabbli fl-Unjoni Ewropea kollha, se jiffaċilita kooperazzjoni rapida u effiċjenti bejn l-Istati Membri. Għandu jistabilixxi l-limiti ta’ żmien ta’ eżekuzzjoni u jillimita kemm jista’ jkun ir-raġunijiet ta’ rifjut. Għandhom jiġu eżaminati wkoll: - qafas legali Ewropew dwar il-prova elettronika; - sistema ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew li jqis l-opportunitajiet ipprovduti mill-vidjokonferenza. - prinċipji minimi biex tiġi ffaċilitata l-ammissibbiltà reċiproka tal-provi bejn l-Istati, inkluż fil-qasam tal-provi xjentifiċi. Filwaqt li jiġu kkunsidrati l-kambjamenti reċenti tal-qafas legali tiegħu, għandu jitkompla wkoll it-tisħiħ tal-Eurojust , b'mod partikolari fil-qasam tal-investigazzjoni fl-oqsma tal-kriminalità organizzata transkonfinali. Għandha tkompli l-ħidma fuq is-sistema ta' skambju ta' informazzjoni bejn ir-rekords kriminali (ECRIS) filwaqt li jiġi evalwat il-funzjonament tal-iskambji. L-interkonnessjoni tar-rekords kriminali għandha tippermetti li jiġu pprevenuti l-ksur (pereżempju fl-aċċess għal ċerti imjiegi, speċjalment jekk ikunu fl-ambitu tat-tfal). Barra minn hekk, l-ECRIS għandha tiġi kkompletata biex tkopri wkoll iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li kellhom kundanna fl-Unjoni. B’mod parallel, id-drittijiet ta’ difiża għandhom jissaħħu. Progressi huma essenzjali mhux biss biex jiġu ppreservati d-drittijiet individwali, iżda wkoll biex tiġi żgurata l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u l-fiduċja taċ-ċittadini fl-Unjoni Ewropea. Abbażi ta’ pjan ta’ azzjoni li jipprevedi strateġija bbażata fuq temi, il-ħidmiet fuq il-garanziji minimi komuni jistgħu jinfirxu fuq il-protezzjoni tal-preżunzjoni tal-innoċenza u d-detenzjoni proviżorja (dewmien u reviżjoni tar-raġunijiet għad-detenzjoni). Fl-aħħar nett, minħabba li l-ħabs huwa wisq spiss post ta' kriminalizzazzjoni u radikalizzazzjoni, għandha ssir riflessjoni dwar programm komunitarju li jippermetti li jiġu ffinanzjati proġetti piloti li jitwettqu fl-Istati Membri fil-qasam ta' alternativa għall-ħabs. 4.2.3. Aċċess iktar sikur fit-territorju F’dinja dejjem iktar globalizzata, l-Unjoni Ewropea għandha tiffaċilita l-mobbiltà filwaqt li tiżgura s-sigurtà tal-persuni fil-qafas ta’ strateġija integrata tal-kontroll ta’ aċċess għat-territorju . 4.2.3.1. Il-Kontroll u s-sorveljanza tal-fruntieri L-iżvilupp ta’ ġestjoni integrata tal-fruntieri għandha twassal għal tkomplija fl-aġġornar tal- acquis ta’ Schengen u t-tisħiħ tal- kooperazzjonijiet sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni mtejba tal-għanijiet ta’ kontroll tal-flussi differenti (beni u persuni). Iż-żamma ta’ livell għoli ta' sigurtà interna għandha ssir b'mod parallel mar-rispett assolut tad-drittijiet tal-bniedem u tal-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali. Il- kooperazzjoni operazzjonali bejn l-Istati Membri permezz ta’ FRONTEX għandha tkun imtejba. L-aġenzija għandu jkollha rwol ċentrali fid-dispożitiv futur integrat ta’ sorveljanza tal-fruntieri esterni. Il-ħiliet operazzjonali tagħha għandhom jiġu msaħħa’, notevolment permezz tal-uffiċji reġjonali futuri u/jew speċjalizzati: kompetenzi ta’ tmexxija fir-rigward tal-operazzjonijiet konġunti fuq bażi volontarja, l-użu ta’ mezzi proprji, il-fakultà li jiġu mobilizzati iktar faċilment il-persunal meħtieġ għall-operazzjonijiet għandhom ikunu prijorità. It-tipi ta’ kontrolli (sigurtà, immigrazzjoni, dwani) fil-punti ta’ qsim bejn il-fruntieri għandhom ikunu razzjonalizzati l-iktar b'separazzjoni tat-traffiku privat u kummerċjali fil-punti ta' qsim bejn il-fruntieri. F’ċerti każijiet, din ir-razzjonalizzazzjoni se timplika titjib fl-infrastrutturi eżistenti u r-rikors miżjud għal teknoloġiji ġodda (identifikaturi bijometriċi, eċċ). Kooperazzjoni iktar stretta bejn l-awtoritajiet nazzjonali għandha tippermetti li jiġu simplifikati l-proċeduri li jwasslu għall-qsim iktar faċli fil-fruntieri. Għandha twassal ukoll għal użu mtejjeb tar-riżorsi. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għas-sitwazzjoni tal-persuni u l-gruppi vulnerabbli. Il-ħtiġijiet fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali kif ukoll l-akkoljenza tal-minuri mhux akkumpanjati għandhom ikunu ta' prijorità f'dan ir-rigward. Il-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-FRONTEX u tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ għall-Ażil għall-akkoljenza ta’ persuni li jiġu interċettati meta jaqsmu l-fruntieri esterni se tkun essenzjali. F’dan il-kuntest, l-Unjoni Ewropea għandha wkoll tikkunsidra l-kjarifikazzjoni tar-regoli internazzjonali fir-rigward tal-ħtiġijiet ta’ kontroll u ta’ sorveljanza marittima filwaqt li jitħarsu l-obbligi fundamentali ta’ salvataġġ fil-baħar. Se jkompli l-iżvilupp tas- Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR) . Sal-2013 għandha tiġi stabbilita kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u FRONTEX sabiex tinqasam id-dejta "ta' sorveljanza" fir-rigward tal-fruntieri tal-Lvant u n-Nofsinhar. L-Unjoni Ewropea se taħdem biex tiżviluppa u ssaħħaħ ir-rabtiet tagħha ma' pajjiżi terzi fil-qasam tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri. 4.2.3.2. Sistemi tal-informazzjoni L- iżviluppi tas-SIS II u tal-VIS[4] se jiġu finalizzati b’tali mod li s-sistemi jkunu operattivi bi sħiħ. Il-ġestjoni tagħhom tista’ tkun iktar stabbli permezz tal-implimentazzjoni ta’ aġenzija ġdida. Sistema ta’ reġistrazzjoni elettroniku tad-dħul u ħruġ mit-territorju tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll ta' programmi ta' vjaġġaturi rreġistrati se jiġu stabbiliti. L-iżvilupp tagħhom jista’ jsir minn din l-aġenzija l-ġdida fil-perspettiva ta’ bidu ta' operazzjonijiet mill-2015. L-Unjoni Ewropea se tagħti l-opinjoni tagħha wkoll dwar l-opportunità li tiżviluppa sistema Ewropea ta’ awtorizzazzjoni qabel l-ivjaġġar. 4.2.3.3. Il-politika dwar il-visas L-Unjoni Ewropea għandha l-ewwel nett timplimenta b’mod effiċjenti l-istrumenti li għandha għad-dispożizzjoni tagħha. Id-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi tal-Visas il-ġdid, kif ukoll l-iskjerament progressiv tal-VIS għandhom iwasslu għal iktar koerenza u effiċjenza. Barra minn hekk, il-politika tal-visas hija għodda importanti tal-politika esterna tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, għandha tkun integrata f'viżjoni iktar wiesgħa filwaqt li tikkunsidra d-diversi prijoritajiet tal-politika interna u esterna. Programmi reġjonali ta’ kooperazzjoni konsulari għandhom jakkumpanjaw l-implimentazzjoni progressiva tal-VIS. Dawn għandhom jinkludu: taħriġ Ewropew immirat għall-persunal konsulari tal-Istati Membri, programmazzjoni sistematika tal-ħolqien ta’ ċentri komuni ta’ talbiet jew tal-ftehimiet ta’ rappreżentanza bejn l-Istati Membri, kampanji ta’ informazzjoni u sensibilizzazzjoni fil-pajjiżi kkonċernati u t-twaqqif ta’ djalogu regolari ma’ dawn il-pajjiżi. Fil-kuntest ta’ din il-programmazzjoni strateġika, jaqbel li tiġi evalwata l-opportunità li tiġi ffavorita l-konklużjoni ta’ ftehimiet ġodda ta’ faċilitazzjoni fil-qasam tal-għoti tal-visas. Id-disponibbiltà ta’ passaporti bijometriċi se jkun prerekwiżit għall-konklużjoni ta’ dawn in-negozjati, li għandhom jikkonċernaw ukoll ir-rijammissjoni tal-persuni li jkunu residenti rregolari. Abbażi tal-evalwazzjoni sistematika tas-sitwazzjoni tal-pajjiżi terzi kkonċernati, listi pożittivi u negattivi għandhom jiġu riveduti regolarment. Il-kriterji ta’ evalwazzjoni se jkunu: is-sigurtà tad-dokumenti tal-ivjaġġar, il-kwalità ta’ kontroll fil-fruntieri, il-kontroll tal-politika ta’ ażil u immigrazzjoni, l-effiċjenza fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, il-koerenza mal-politika esterna tal-UE fil-konfront tal-pajjiż. Għandhom jiġu sfruttati l-possibbiltajiet kollha tad-djalogu politiku f’dan ir-rigward. Iżda l-Unjoni għandha tmur lil hinn u tipprevedi l-ħolqien ta’ Visa ta’ Schengen Ewropea Komuni . Din il-visa għandha tingħata jekk possibbli minn awtorità konsulari komuni u fuq il-bażi ta’ kriterji li jiggarantixxu ugwaljanza ta’ trattament fit-talbiet kollha. Barra minn hekk l-għoti ta' visa għandha progressivament tkun ibbażata mhux fuq preżunzjoni tar-riskju marbut man-nazzjonalità iżda fuq l-apprezzament tar-riskju individwali. Din l-evoluzzjoni se tkun possibbli permezz tal-introduzzjoni maż-żmien ta' sistemi li jippermettu l-ġbir ta' informazzjoni preliminari dwar il-persuni li jixtiequ jmorru fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. 4.3. Għanijiet komuni L-Unjoni Ewropea tista' tipprovdi aktar valur miżjud fil-ġlieda kontra ċerti riskji li b'mod partikolari jitolbu azzjoni kkoordinata. L-istreteġija dwar is-sigurtà interna għandha tiffoka fuq l-oqsma tagħha. 4.3.1. Il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata fil-livell internazzjonali L-Ewropa għandha tfassal il-prijoritajiet tagħha fir-rigward tal-politika kriminali billi tidentifika kontra liema tipi ta' kriminalità biħsiebha timmobilizza b'mod privileġġat l-istrumenti li stabbilixxiet. Dawn l- oqsma ta' azzjoni pilota se jservu ta' "laboratorji ta' ideat u ta' metodi". Il-ġlieda kontra l-fenomeni kriminali se tippresopponi r-razzjonalizzazzjoni tal-iskambji ta' informazzjoni, l-użu sħiħ tal-istrumenti Ewropej ta' investigazzjoni u, fejn ikun xieraq, l-iżvilupp ta' tekniki komuni ta' inkjesta u ta' prevenzjoni. Il-metodi li jiġu ttestjati jkunu jistgħu jiġu applikati ulterjorment għal forom oħra ta' kriminalità partikolarment gravi li toħroġ fid-dieher fil-livell transkonfinali bħat-traffikar tal-armi jew il-piraterija. It-traffikar tal-bnedmin It-traffikar tal-bnedmin huwa reat gravi kontra d-drittijiet tal-persuni. Il-ġlieda kontra dan il-fenomenu għandha tagħmel użu mill-mezzi kollha ta' azzjoni, billi tgħaqqad flimkien il-prevenzjoni, it-trażżin u l-protezzjoni tal-vittmi. Fir-rigward tal-prevenzjoni, il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili għandha tissaħħaħ ukoll, kif għandha tissaħħaħ ukoll il-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet, is-servizzi, in-netwerks u l-aġenziji kompetenti. Il-pajjiżi terzi għandhom jiġu inkoraġġiti biex jirratifikaw u japplikaw l-istrumenti internazzjonali relevanti. Is-servizzi konsulari fil-pajjiżi terzi għandhom ikunu mobilizzati biex jiġi evitat il-ħruġ frodulenti ta' viżi. Il-pajjiżi ta' oriġini, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali, jistgħu jorganizzaw kampanji ta' informazzjoni għall-vittmi potenzjali, speċjalment għan-nisa u t-tfal. Il-ġlieda kontra n-netwerks titlob ukoll ħidma ta' intelligence u analiżi strateġika li tkun ġestita f'kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu. Il-kontrolli fil-fruntieri wkoll għandhom jiġu msaħħa għall-prevenzjoni tat-traffikar, speċjalment it-traffikar ta' minorenni. Il-vittmi għandhom jiġu protetti u megħjuna permezz ta' diversi miżuri: it-tneħħija tar-responsabbiltà kriminali, il-leġiżlazzjoni dwar iż-żjajjar, l-iżvilupp ta' mekkaniżmi ta' kumpens, għajnuna għall-integrazzjoni mill-ġdid fis-soċjetà tal-oriġini fil-każ ta' ritorn volontarju, anke biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni fl-investigazzjonijiet. L-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornofragija Fl-Ewropa bejn 10 % u 20 % tat-tfal jinsabu f'riskju li jkunu fil-mira ta' aggressjonijiet sesswali. Il-ħarsien tat-tfal minn tali perikli huwa fattur importanti tal-istrateġija tad-drittijiet tat-tfal. L-Unjoni għandha tistabbilixxi strumenti ta' prevenzjoni. Pereżempju, hija għandha tħeġġeġ l-iskambju ta' informazzjoni dwar il-persuni b'kundanni għal reati ta' pedofilija fl-Istati Membri biex tipprevjeni li jerġa' jseħħ tali reat. Il-ġlieda kontra l-pornografija tat-tfal fl-Internet tirrekjedi kooperazzjoni mill-qrib mas-settur privat sabiex jiġu identifikati u jitwaqqaf jew jiġi mblukkat l-aċċess għas-siti b'kontenut pedofoliku, fir-rispett tal-proċeduri xierqa. Il-Europol għandu jkollha rwol ewlieni f'dan ir-rigward billi tiżviluppa pjattaforma ta' indikazzjoni onlajn ta' siti ta' pedofilija, li tiffaċilita l-kooperazzjoni effettiva bejn l-Istati Membri. Dan il-proċess se jitwettaq għall-azzjonijiet li huma appoġġjati fil-qafas tal-Programm għal Internet aktar sikur bejn l-2009 u l-2013. Fl-aħħar nett, politika attiva ta' kooperazzjoni internazzjonali hija meħtieġa biex jiddaħħlu fis-seħħ mekkaniżmi ta' revoka ta' indirizzi IP għall-fornituri ta' aċċess kriminali u għall-iffaċilitar tat-twaqqif rapidu ta' siti li jinsabu lil hinn mill-Ewropa. Iċ-Ċiberkriminalità L-ekonomija diġitali hija fattur importanti tal-iżvilupp. L-Unjoni għandha tiffavorixxi dawk il-politiki li jippermettu li jkun żgurat livell ferm għoli ta' sigurtà fin-netwerks. L-Unjoni għandha tiċċara r-regoli ta' kompetenza legali kif ukoll il-qafas legali aplikabbli għaċ-ċiberspazju biex tiffavorixxi investigazzjonijiet transkonfinali. Għandu jiddaħħal fis-seħħ qafas legali li jippermetti l-ilħuq ta' ftehimiet ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-operaturi tagħhom. Dawn il-ftehimiet se jwasslu għal reazzjonijiet aktar rapidi fil-każ ta' attakk informatiku. Barra minn hekk, l-azzjoni tal-Istati Membri għandha tkun ikkoordinata aħjar permezz ta' netwerk speċjalizzat li jlaqqa' l-entitajiet nazzjonali tal-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità. F'dan ir-rigward ukoll, il-Europol se jkollha rwol ta' ċentru ta' riżorsi Ewropew permezz tal-ħolqien tal-pjattaforma Ewropea ta' indikazzjoni ta' reati. Il-kriminalità ekonomika L-Unjoni għandha tnaqqas l-opportunitajiet li ekonomija globalizzata toffri lill-kriminalità organizzata, partikolarment fl-isfond ta' kriżi li qed tħarrax il-vulnerabbiltà tas-sistema finanzjarja filwaqt li titgħammar bil-mezzi xierqa biex tirrispondi għal dawn in-nuqqasijiet b'mod effikaċi. Għal dan il-għan, il- kapaċità ta' investigazzjoni u analiżi finanzjarja kriminali għandhom ikunu żviluppati billi jiġu koordinati r-riżorsi, speċjalment fil-qasam tat-taħriġ. Fir-rigward tal-ħasil tal-flus, l-unitajiet tal-informazzjoni finanzjarja għandhom jikkoordinaw aħjar il-ħidma tagħhom. L-analiżi tagħhom tista' tikkontribwixxi, fil-qafas ta' mudell Ewropew tal-informazzjoni, bażi ta' dejta dwar it-tranżazzjonijiet suspetti pereżempju fi ħdan il-Europol. Barra minn hekk, l-għejun kollha ta' informazzjoni disponibbli għandhom ikunu mobilizzati u koordinati għall-identifikazzjoni tal-operazzjonijiet suspetti ta' tranżitu ta' likwidità. Il-frodi fiskali u l-korruzzjoni privata għandhom jitrażżnu aħjar. Fis-swieq finanzjarji, l-iskoperta prekoċi tal-imġiba frodulenti ta' abbuż mis-suq (l-abbuż ta' informazzjoni privileġġata u l-manipulazzjoni tas-swieq) kif ukoll il-prattiki finanzjarji ħżiena għandhom jissaħħu. Fejn xieraq, għandhom ikunu previsti pieni kriminali, speċjalment għal dawk il-persuni li jkunu implikati moralment. Il-qafas legali li jawtorizza l-ikkonfiskar u l-qbid huwa stabbilit, ikun jaqbel li mill-aktar fis possibbli jiddaħħal fis-seħħ in-netwerk Ewropew tal-uffiċċji tal-irkupru tal-assi kriminali. L-Unjoni Ewropea għandha wkoll tistabbilixxi l-għanijiet fir-rigward tat-trasparenza u l- ġlieda kontra l-korruzzjoni . Fuq il-bażi ta' evalwazzjoni perjodika tal-isforzi min-naħa tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, għandha ssir ħidma favur l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri dwar il-prevenzjoni u t-trażżin, speċjalment fil-qafas ta' netwerk kontra l-korruzzjoni u favur l-iżvilupp, abbażi ta' sistemi eżistenti u kriterji komuni, ta' indikaturi[5] li jippermettu li jitkejlu l-isforzi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Se tingħata aktar attenzjoni għall-miżuri kontra l-korruzzjoni f'ċerti oqsma tal-akkwist (swieq pubbliċi, kontroll finanzjarju, eċċ). Il- falsifikazzjoni hija periklu serju għall-konsumaturi u għall-ekonomiji. Min-naħa waħda, l-Unjoni għandha ttejjeb l-evalwazzjoni tal-fenomenu, il-kunsiderazzjoni tal-fatturi ta' trażżin fil-ħidma taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tal-Iffalsifikar u l-Piraterija li ser jiġi stabbilit fil-ġejjieni, u min-naħa l-oħra tinkoraġġixxi, fir-rigward tal-ksur kommess fi iskala kummerċjali, l-armonizzazzjoni ta' pieni kriminali fil-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri (fuq il-bażi ta' proposti li diġà tfasslu mill-Kummissjoni). L-Unjoni Ewropea se tikkontribiwxxi wkoll għat-tisħiħ tal-istrument legali nazzjonali għal ġlieda aktar effettiva kontra l-kriminalità ekonomika, u għas-sostenn tal-kapaċitajiet tal-pajjiżi sħab f'din il-kwistjoni. Strateġija kontra d-droga L- istrateġija kontra d-droga tal-UE (2005-2012) hija favur approċċ globali u bbilanċjat, u hija msejsa fuq it-tnaqqis simultanju tal-provvista u tad-domanda. Din l-istrateġija se tiskadi matul il-programm ta' Stokkolma. Għandha tiġi mġedda abbażi ta' evalwazzjoni fil-fond tal-pjan ta' azzjoni dwar id-droga 2009-2012, imwettqa mill-Kummissjoni bl-għajnuna taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga u l-Europol. L-azzjoni tal-Unjoni Ewropea għandha tkun iggwidata minn erba' prinċipji: - it-titjib tal-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni fil-livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali, b'mod partikolari ma' ċerti reġjuni tad-dinja - Il-promozzjoni u t-tixrid koerenti tal-approċċ ibbilanċjat tal-fenomenu tad-droga fl-organizzazzjonijiet internazzjonali u fil-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi. - il-mobilizzazzjoni tas-soċjetà ċivili speċjalment għat-tisħiħ ta' ċerti inizjattivi bħall-Azzjoni Ewropea dwar id-Droga; - it-tisħiħ tal-ħidma ta' riċerka u informazzjoni bil-għan li jinkiseb aċċess għal informazzjoni affidabbli. 4.3.2. It-tnaqqis tat-theddida tat-terroriżmu L-Unjoni Ewropea għandha tiżgura l-mobilizzazzjoni tal-istrumenti kollha fil-ġlieda kontra t-terroriżmu. F'rabta ma' dan, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiżviluppaw mekkaniżmi ta' prevenzjoni li b'mod partikolari jippermettu li r-riskji jiġu individwati mill-ewwel. F'dan ir-rigward joħorġu fid-dieher tliet oqsma prijoritarji. Abbażi tal-evalwazzjoni tal-effikaċja tal-politiki nazzjonali, għandhom jissaħħu l-inizjattivi fil-ġlieda kontra r- radikalizzazzjoni fl-aktar ambjenti vulnerabbli (speċjalment il-faċilitajiet korrettivi jew l-istituzzjonijiet ta' taħriġ). Il-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili għandha tkun imsaħħa biex jiġu spjegati l-fatturi kollha wara dan il-fenomenu, u biex ikunu inkoraġġiti l-istrateġiji li jiffavorixxu t-trażżin tat-terroriżmu. Fl-istess ħin, għandu jiġi żviluppat djalogu interkulturali u interreliġjuż sabiex jiffavorixxi l-għarfien u l-komprensjoni bejn id-diversi komunitajiet. It-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-ksenofobija wkoll se jikkontribwixxi għat-trażżin ta' dawn il-fenomeni tar-radikalizzazzjoni. Għandha tiżdied is-sorveljanza fir-rigward tal -użu tal-internet għal finijiet terroristiċi , speċjalment billi tissaħħaħ il-kapaċità operattiva tal-awtoritajiet responsabbli mill-kontroll. Jeħtieġ li nitgħammru bil-mezzi tekniċi xierqa u inżidu l-kooperazzjoni bejn is-setturi pubbliċi u privati. L-għan aħħari huwa li jitnaqqas it-tixrid ta' propaganda terroristika u l-appoġġ prattiku għal operazzjonijiet kontra t-terroriżmu. Din il-kooperazzjoni għandha wkoll tiffaċilita l-identifikazzjoni ta' min jagħmel parti minn netwerks terroristiċi. L-istrumenti tal-ġlieda kontra l- finanzjament tat-terroriżmu għandhom ikunu adattati għad-dgħufijiet potenzjali ġodda tas-sistema finanzjarja u għall-metodi ġodda ta' pagament li jintużaw mit-terroristi. Għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu li jippermetti fuq in-naħa l-waħda, is-sorveljanza xierqa tal-flussi finanzjarji u, fuq in-naħa l-oħra, l-identifikazzjoni effettiva u trasparenti ta' dawk il-persuni jew gruppi li huma suxxettibbli li jiffinanzjaw it-terroriżmu. Għandhom ikunu elaborati rakkomandazzjonijiet dwar l-organizzazzjonijiet tal-karità biex tiżdied it-trasparenza u r-responsabbiltà. L-Unjoni Ewropea se tiżgura ruħha mill-konformità tal-politiki tagħha mal-istandards internazzjonali u se jkollha rwol attiv fid-diversi fora multilaterali għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, partikolarment fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti. It- trażżin tar-riskju tat-terroriżmu jirrekjedi wkoll azzjonijiet speċifiċi ta' prevenzjoni. Jeħtieġ li flimkien mal-Europol tkun stabbilita metodoloġija msejsa fuq parametri komuni biex tkun tista' ssir valutazzjoni tat-theddida fil-livell Ewropew. Jeħtieġ li jiddaħħal fis-seħħ programm Komunitarju għall- protezzjoni tal-infrastruttura kritika . Lil hinn mis-setturi tat-trasport u tal-enerġija, dan il-programm għandu jinkludi infrastrutturi oħra vitali għall-popolazzjonijiet u għall-attività ekonomika (l-informatika). Il-materjali NRBK (nukleari, radjoloġiċi, bioloġiċi u kimiċi) jistgħu jintużaw għal attakki terroristiċi kbar, u għandhom ikunu elenkati u sottomessi għal miżuri ta' sigurtà u traċċabbiltà. B'mod partikolari dan jirrekjedi kooperazzjoni mas-settur privat u l-ħolqien ta' sistema ta' twissija għat-tranżazzjonijiet dubjużi. Bl-istess mod, għandu jiddaħħal fis-seħħ il-pjan ta' azzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar l- isplussivi filwaqt li l-informazzjoni dwar is-sikurezza tagħhom tkun żviluppata aħjar. Għandu jiġu żviluppat qafas leġiżlattiv li jkopri t-theddid relatat mal-prekursuri. 5. IL-PROMOZZJONI TA' SOċJETÀ AKTAR INTEGRTA GħAċ-ċITTADIN: EWROPA AKTAR RESPONSABBLI U SOLIDALI FIL-KWISTJONI TAL-IMMIGRAZZJONI U L-AżIL L-iżgurar ta' ġestjoni aktar effettiva tal-flussi migratorji fis-snin li ġejjin hija waħda mill-akbar sfidi li qed tiffaċċja l-Unjoni Ewropea, speċjalment fil-kuntest partikolari ta' popolazzjoni li kull ma' jmur aktar qed tikber l-età. Ir-rwol tal-immigrazzjoni fit-tkabbir tal-popolazzjoni tal-Unjoni huwa wieħed importanti u, fuq perjodu twil ta' żmien, l-immigrazzjoni se tagħti kontribut fundamentali għall-prestazzjoni ekonomika tal-Unjoni Ewropea. L-iżvilupp ta' politika komuni dwar l-immigrazzjoni u l-ażil ser tkun prijorità ewlenija għas-snin li ġejjin, kif ġie propost bil-Komunikazzjoni ta' Ġunju 2008. Is-solidarjetà għandha tibqa' fiċ-ċentru tal-politika komuni u l-Unjoni Ewropea għandha tagħti aktar sostenn lill-Istati Membri li l-aktar jinsabu esposti għall-pressjoni tal-migrazzjoni. Id-dħul fis-seħħ tal-prinċipji u l-għanijiet tal-Patt dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil se jkun il-bażi tal-azzjoni tal-Unjoni fis-snin li ġejjin. Se jsir dibattitu regolari dwaru fi ħdan il-Kunsill Ewropew. L-intervent finanzjarju fir-rigward tal-ġestjoni tal-migrazzjoni għandu jingħata attenzjoni partikolari: għandha ssir evalwazzjoni biex jiġi ddeterminat jekk l-istruttura kif ukoll il-punti ewlenin tad-diviżjoni tal-istrumenti interni attwali għadhomx jikkorrispondu għall-ħtiġiet tal-Istati Membri u tal-fenomeni migratorji ġodda. 5.1. Politika dinamika tal-immigrazzjoni Il-politika tal-immigrazzjoni għandha tkun konformi ma' viżjoni fit-tul li tenfasizza r-rispett lejn id-drittijiet fundamentali u d-dinjità tal-bniedem. Barra minn hekk hija għandha tkun kapaċi tamministra ż-żieda fil-mobbiltà li ġġib magħha dinja aktar globalizzata filwaqt li tingħata prijorità għall-progress soċjali, ekonomiku u kulturali. 5.1.1. Il-konsolidazzjoni tal-approċċ globali Il-kwistjonijiet dwar il-migrazzjoni għandhom jagħmlu parti integrali mill-politika esterna tal-Unjoni. Il-ġestjoni kkoordinata tal-flussi migratorji titlob kooperazzjoni reali ma' pajjiżi terzi. L-approċċ globali jikkostitwixxi qafas koerenti u innovattiv li jixraqlu aktar attenzjoni fid-dettall. Għal dan il-għan l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għandhom: - iwettqu ħidma attiva għall-approfondiment tad- djalogu u s-sħubija ma' pajjiżi, reġjuni u kontinenti terzi f'kooperazzjoni sistematika mal-pajjiżi tal-oriġini, tad-destinazzjoni u tat-tranżitu. F'dan ir-rigward l-Afrika, kif ukoll il-Lvant u x-Xlokk tal-Ewropa se jibqgħu jitqiesu bħala prijoritajiet, fl-istess ħin mingħajr ma jiġu esklużi d-djalogi u kooperazzjoni mill-qrib mal-Amerika Latina, il-Karibew u l-Asja; - jipprevedu l-konklużjoni ta' ftehimiet speċifiċi ġodda li jkopru t-tliet dimensjonijiet tal-approċċ globali – it-trażżin tal-migrazzjoni irregolari (kif ukoll ir-riammissjoni u l-appoġġ għar-ritorn volontarju u l-integrazzjoni mill-ġdid), issir promozzjoni tal-mobbiltà u l-immigrazzjoni globali, kontribut favur l-iżvilupp, fuq il-mudell ta' sħubiji għall-mobbiltà; - idaħħlu fis-seħħ sistema effettiva u solidali ta' prevenzjoni tal-migrazzjoni irregolari, ta' ġestjoni tal-migrazzjoni irregolari u ta' għajnuna lill-migranti li jkollhom bżonn il-protezzjoni tal-ażil. Dan huwa partikolarment meħtieġ fil-Mediterran. - jużaw l-istrumenti kollha tal-politika ta' migrazzjoni b'mod koerenti , speċjalment il-profili migratorji, il-programmi ta' migrazzjoni ċirkolari, il-pjattaformi ta' kooperazzjoni għat-tisħiħ tar-rwol tas-sħubiji għall-mobbiltà ; - jamministraw b'mod aktar effettiv il-migrazzjoni irregolari u t-traffikar tal-bnedmin billi tiġi żviluppata l-informazzjoni dwar ir-rotot migratorji, issir promozzjoni tal-kooperazzjoni fil-qasam tas-sorveljanza u tal-kontroll tal-fruntieri; u billi tiġi ffaċilitata r-riammissjoni permezz tal-promozzjoni ta' miżuri ta' sostenn għar-ritorn; - jiżviluppaw inizjattivi addizzjonali fil-qasam tal- migrazzjoni u l-iżvilupp : il-faċilitazzjoni tat-trasferiment ta' fondi u l-kunsiderazzjoni tat-tnaqqis tat-trasferimenti marbuta mal-kriżi finanzjarja, l-inklużjoni ta' komunitajiet ta' migranti fl-iżvilupp tal-pajjiż jew reġjun tal-oriġini tagħhom, it-tnaqqis tal-brain drain; - jimmobilizzaw id-diversi strumenti ta' kooperazzjoni tal-Unjoni Ewropea għat- tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet ċentrali, reġjonali u lokali tal-pajjiżi terzi biex jittrattaw il-kwistjonijiet ta' migrazzjoni, kif ukoll biex tittejjeb il-kapaċità tal-pajjiżi terzi li joffru protezzjoni adegwata; Barra minn hekk l-Unjoni Ewropea għandha tagħmel rabta bejn il-politika dwar l-immigrazzjoni u politiki oħrajn, bħall-politika soċjali, il-politika ekonomika, u l-politika kummerċjali. 5.1.2. Politika koordinata mal-ħtiġiet tas-suq tax-xogħol L-immigrazzjoni ekonomika għandha tikkorrispondi aħjar mal-ħtiġiet tax-xogħol fl-Istati Membri. B'mod partikolari dan se jippermetti li l-kompetenzi tal-immigranti jiġu kkunsidrati aħjar kif ukoll jiffaċilita l-integrazzjoni tagħhom. L-Unjoni għandha titgħammar b' qafas komuni fis-sura ta' sistema ta' ammissjoni flessibbli li twassal għall-adattament għal żieda fil-mobbiltà u għall-ħtieġiet tas-swieq nazzjonali tax-xogħol. Dan il-qafas komuni se jirrispetta bis-sħiħ il-kompetenzi tal-Istati Membri fid-deċiżjoni dwar kemm jiddaħħlu ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-finijiet ta' impjiegi. F’dan il-kuntest jeħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali fir-rigward ta' żewġ kwistjonijiet: l-importanza tal-mobbiltà intra-Ewropea tal-immigranti u l-konsegwenzi ta' meta jintilef impjieg fuq il-validità taż-żjara. Sabiex jiġu ffaċilitati l-analiżi u l-komprensjoni tal-fenomeni migratorji, tista' tiġi eżaminata l-possibbiltà li jinħoloq ir-rwol ta' osservatorju[6]. Dan iwassal għat-tixrid u l-esplojtazzjoni sistematika tax-xogħolijiet u tas-sorsi disponibbli kif ukoll id-disponibbiltà ta' dejta paragunabbli dwar il-migrazzjoni. Għandha tiġi żgurata l-koordinazzjoni bejn dan l-istrument u netwerks eżistenti li jittrattaw kwistjonijiet migratorji. Barra minn hekk, huwa essenzjali li l-kompetenzi tal-immigranti jkunu jikkorrispondu mal-ħtiġiet tas-suq tax-xogħol tal-Istati Membri. Huwa għalhekk li l-organizzazzjoni tal-immigrazzjoni għandha tissejjes fuq evalwazzjoni globali tal-kompetenzi li l-Ewropa se tkun teħtieġ sal-2020 b'kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika. Mhuwiex biżżejjed li jiġu ddeterminati l-ħtiġiet. Jeħtieġ li l-offerti u d-domanda jkunu tal-istess proporzjon. F'dan ir-rigward, għandu jiġi previst il-ħolqien ta' pjattaforma Ewropea ta' djalogu. Din il-pjattaforma tippermetti li jiġu identifikat l-aħjar ġestjoni tal-migrazzjoni tax-xogħol u liema adattamenti jkunu meħtieġa fil-qafas legali u dak istituzzjonali. Din tkun tlaqqa' lil min jimpjega, lis-sindakati, lill-aġenziji tal-impjiegi tal-Istati Membri, l-aġenziji tar-reklutaġġ u lill-partijiet pretinenti oħra. Ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki u tal-kompetenzi fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi terzi se jkun element importanti ieħor f'dan il-kuntest. 5.1.3. Politika proattiva, imsejsa fuq status Ewropew għall-immigranti regolari Biex jittejbu l-effetti pożittivi tal-immigrazzjoni regolari għall-benefiċċju ta' kulħadd - tal-pajjiżi tal-oriġini u tad-destinazzjoni, is-soċjetajiet ospitanti u l-immigranti - huwa meħtieġ approċċ ċar, trasparenti, ekwu u li juri rispett għall-bniedem. Għandu jiġi adottat Kodiċi dwar l-Immigrazzjoni biex l-immigranti regolari jiġu żgurati drittijiet uniformi u komparabbli għal dawk taċ-ċittadini tal-Komunità. Din il-kodifikazzjoni tat-testi leġiżlattivi eżitenti se tinkludi, jekk dan jirriżulta bħala meħtieġ, l-emendi utli għas-simplifikazzjoni u l-ikkompletar tad-dispożizzjonijiet eżistenti u għat-titjib tal-applikazzjoni effettiva tagħhom. Ir-riunifikazzjoni tal-familji hija waħda mir-raġunijiet ewlenin tal-immigrazzjoni u tirrapreżenta perċentwal kbir tal-immigrazzjoni regolari. L-Unjoni għandha titgħammar b'regoli komuni għall-ġestjoni effettiva tal-fluss ta' migranti li jibbenefikaw mir- riunifikazzjoni tal-familji . B'kunsiderazzjoni għal-livell baxx ta' armonizzazzjoni bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, għandha ssir reviżjoni tad-Direttiva wara konsultazzjoni wiesgħa. Il-potenzjal ta' arrikkiment, kemm ekonomiku u kif ukoll kulturali, li jimxi id f'id mal-immigrazzjoni ma jistax jinkiseb jekk ma jseħħx titjib tal- integrazzjoni fil-pajjiżi ospitanti. Dan it-titjib iseħħ permezz ta' żieda fl-isforzi li jsiru mhux biss mill-Istat, mill-awtoritajiet reġjonali u dawk lokali, iżda wkoll permezz ta' parteċipazzjoni akbar tas-soċjetà ospitanti u kif ukoll tal-immigranti nfushom. Jista' jiġi żviluppat mekkaniżmu konġunt ta' koordinazzjoni li jappoġġja l-azzjoni tal-Istati Membri, l-ewwel nett permezz ta' qafas ta' referenza komuni dwar: - l-identifikazzjoni ta' prattiki komuni u moduli Ewropej għall-iffaċilitar tal-proċessi ta' integrazzjoni partikolarment fir-rigward tal-ewwel ġenerazzjoni ta' immigranti li jkunu jinkludu elementi essenzjali bħal taħriġ ta' introduzzjoni u korsijiet tal-lingwa, impenn qawwi mis-soċjetà ospitanti u l-parteċipazzjoni attiva tal-immigranti fl-aspetti kollha tal-ħajja flimkien; - l-iżvilupp ta' indikaturi komuni ta' evalwazzjoni tal-politiki ta' integrazzjoni; - viżjoni aktar miftuħa f'rabta ma' politiki oħrajn bħall-edukazzjoni, it-taħriġ, il-kultura, l-impjiegi, il-multilingwiżmu u ż-żgħażagħ. Għandu jiġi enfasizzat ir-rwol kruċjali tal-iskejjel speċjalment dawk li joffru mudelli ta' pedagoġija li jippromwovu l-valuri Ewropej; - konsultazzjoni u parteċipazzjoni aħjar tas-soċjetà ċivili, l-ewwel nett permezz ta' portal u forum Ewropew dwar l-immigrazzjoni. 5.1.4. Kontroll aħjar tal-immigrazzjoni irregolari Il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-immigrazzjoni irregolari b'rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll tal-attivitajiet kriminali marbuta magħhom huma suppliment essenzjali għall-iżvilupp ta' politika komuni fil-qasam tal-immigrazzjoni regolari. Għandhom isiru aktar sforzi fil-ġlieda kontra n-netwerks ta' immigrazzjoni irregolari. L-impjegar illegali għandu jiġi miġġieled permezz ta' miżuri ta' prevenzjoni u trażżin b'mod li jiżgura l-protezzjoni tal-migranti li huma vittmi tiegħu. L-implimentazzjoni tad-direttiva li tipprevedi pieni kontra min jimpjega għandha tkun akkumpanjata u segwita. Ma jista' jkun hemm l-ebda tolleranza tat- traffikar tal-bnedmin . Għandhom jiġu allokati r-riżorsi umani u finanzjarji xierqa għaż-żieda tal-kontrolli speċjalment fuq il-postijiet tax-xogħol iżda wkoll għas-simplifikazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-għoti ta' permessi ta' residenza lill-vittmi. L-istabbiliment ta' politika ta' tkeċċija u ritorn effettiva għandha titwettaq fir-rispett tal-liġi u tad-dinjità tal-persuni. F'Diċembru tal-2010 se jidħlu fis-seħħ ir-regoli stabbiliti bid-Direttiva dwar ir-ritorn. L-implimentazzjoni tagħha se tiġi segwita b'mod attent partikolarment fir-rigward tal-infurzar effettiv tal-miżuri ta' tkeċċija, id-detenzjoni, l-appelli u t-trattament ta' persuni vulnerabbli. Din għandha ssir flimkien mat-tisħiħ tal-kooperazzjoni operattiva bejn l-Istati Membri. Fuq perjodu twil ta' żmien, u abbażi ta' evalwazzjoni ta' din il-leġiżlazzjoni, għandu jitwettaq il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ta' tkeċċija. Barra minn hekk, dan il-prinċipju se jiddaħħal bis-seħħ b'mod effettiv meta jibdew jiddaħħlu l-projbizzjonijiet ta' dħul fis-SIS. Il- prijorità tar-ritorn volontarju għandha tkun promossa u msaħħa b'mod attiv, partikolarment fil-qafas tal-istrumenti finanzjarji eżistenti. Madanakollu, ta' spiss jiġri li l-miżuri ta' tkeċċija ma jkunux jistgħu jiġu infurzati minħabba tfixkil legali jew prattiku. Fin-nuqqas ta' regoli ċari, jaqbel li tkun analizzata l-possibbiltà li, fis-segwitu ta' analiżi tal-ħtiġiet u tal-prattiki nazzjonali, jiġu stabbiliti standards komuni dwar ir-responsabbiltà mill- immigranti irregolari li ma jkunux jistgħu jintbagħtu lura. Fir-rigward tar- regolarizzazzjoni , l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri għandu jitjieb. Jistgħu jiġu żviluppati linji gwida għad-dħul fis-seħħ tagħhom. Il- minorenni mhux akkumpanjati li jidħlu fit-territorju tal-Unjoni b'mod irregolari jirrapreżentaw sfida partikolari oħra li għandha tkun is-suġġett ta' analiżi fil-fond. Din l-analiżi se tkun segwita bi pjan ta' azzjoni bil-għan li jsaħħaħ u jikkompleta l-istrumenti leġiżlattivi u finanzjarji applikabbli u li jsaħħaħ is-suriet ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini fost l-oħrajn għall-iffaċilitar tar-ritorn ta' minorenni fil-pajjiżi ta' oriġini tagħhom. 5.2. Ażil: żona komuni u solidali ta' protezzjoni Fl-2008 tressqu qrib il-240 000 talba għal ażil fl-Unjoni Ewropea. Ċerti Stati Membri huma milquta aktar minn oħrajn, kemm minħabba l-għadd ta' talbiet li ġew irreġistrati magħhom, u kif ukoll minħabba l-perċentwal ta' talbiet fi proporzjon mal-popolazzjoni tagħhom. L-Unjoni għandha tissokta bil-ħidma li bdiet biex tassew toħloq żona komuni u unika ta' protezzjoni msejsa fuq ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, l-istandards għoljin ta' protezzjoni u t-titjib ġenerali tal-kwalità tas-sistemi nazzjonali, filwaqt li tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-abbuż. 5.2.1. Żona unika ta' protezzjoni L-Unjoni Ewropea għamlet progress sinifikanti lejn il-ħolqien ta' sistema komuni Ewropea tal-ażil li hija bbażata bis-sħiħ fuq il-Konvenzjoni ta' Ġinevra u fuq l-istrumenti internazzjonali oħrajn li huma applikabbli. F'dawn l-aħħar għaxar snin ġie stabbilit sett ta' regoli komuni. Il-proposti leġiżlattivi tat-tieni fażi ta' armonizzazzjoni għandhom jiġu adottati mill-aktar fis. L-għan huwa li, sa mhux aktar tard mill-2012, jiġu adottati proċedura unika tal-ażil u status uniformi dwar il-protezzjoni internazzjonali. Fir-rigward tal-pjan operattiv , l-Unjoni Ewropea għandha tiżgura li l-Uffiċċju Ewropej għall-Appoġġ fil-qasam tal-Ażil jkollu l-mezzi meħtieġa għat-twettiq tal-kapaċitajiet tiegħu. Dawk l-uffiċjali kollha responsabbli mill-analiżi tat-talbiet għall-ażil fl-Istati Membri għandhom isegwu moduli ta' taħriġ komuni. Huma se jingħataw ukoll aċċess għal informazzjoni siewja dwar il-pajjiż ta' oriġini. Il-ġuriżdizzjonijiet nazzjonali għandhom jipparteċipaw f'dan il-proċess. Fl-2013, abbażi ta' evalwazzjoni, il-kompiti tal-Uffiċċju jistgħu jissaħħu b'mod li jitqies il-progress fil-qasam tas-solidarjetà u l-qsim tar-responsabbiltajiet. Il- kontroll strett u l-applikazzjoni korretta tal- acquis leġiżlattiv għandhom jiggarantixxu l-kredibbiltà ta' din is-sistema kif ukoll il-fiduċja reċiproka tal-Istati Membri fir-rigward tal-governanza tajba tas-sistemi tal-ażil rispettivi tagħhom. Ser ikunu jistgħu jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' evalwazzjoni perjodika biex tiġi ffaċilitata l-konverġenza tas-sistemi tal-ażil tal-Istati Membri. L- integrazzjoni ta' persuni li jgawdu minn protezzjoni internazzjonali għandha tittejjeb ukoll filwaqt li jiġu kkunsidrati l-kundizzjonijiet tal-wasla tagħhom fl-Unjoni. F'dan l-isfond, għandhom jinstabu soluzzjonijiet għal dawk li jagħmlu talba għall-ażil li ma jiksbux l-istatus ta' refuġjat jew il-protezzjoni sussidjarja, iżda madanakollu ma jkunux jistgħu jitkeċċew minħabba raġunijiet speċifiċi. It-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-istrumenti leġiżlattivi tat-tieni fażi kif ukoll il-progress fil-konverġenza tal-prattiki u l-miżuri anċillari se jkunu s-suġġett ta' evalwazzjoni fil-fond. Abbażi ta' dan, qabel l-2014 l-Unjoni Ewropea sejra tifformalizza l- prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet kollha tal-għoti ta' status ta' protezzjoni mill-awtoritajiet responsabbli dwar it-talbiet għall-ażil, biex b'hekk ikun jista' jsir it-trasferiment tal-protezzjoni mingħajr il-ħtieġa tal-adozzjoni ta' mekkaniżmi speċifiċi min-naħa tal-leġiżlatur Ewropew. 5.2.2. Il-qsim tar-responsabbiltajiet u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri Għandu jiddaħħal fis-seħħ qsim reali tar-responsabbiltajiet għall-akkoljenza u l-integrazzjoni tar-refuġjati. Minkejja li llum l-Unjoni Ewropea għażlet li żżomm il-prinċipji wiesa' tas-sistema ta' Dublin, hija għandha ssib ukoll toroq ġodda. Għandu jiġi ppjanat mekkaniżmu ta' rilokazzjoni interna bejn l-Istati Membri ta' persuni li jgawdu minn protezzjoni internazzjonali, fuq bażi volontarja u kkoordinata. L-ewwel pass jista' jkun jikkonsisti fl-introduzzjoni ta' programmar sistematiku ta' fondi previsti fil-qafas tal-Fond Ewropew għar-Refuġjati f'konformità ma' dan l-isforz ta' solidarjetà interna. Dan l-ipprogrammar għandu jikkunsidra kriterji oġġettivi. Il-mekkaniżmu jista' jinkludi sostenn għall-ħolqien ta' pjattaformi permanenti ta' akkoljenza u tranżitu f'ċerti Stati Membri, kif ukoll arranġamenti speċifiċi għall-istabbiliment ta' sħubija mal-UNHCR. B'mod parallel ma' dan l-approċċ, għandha ssir analiżi dwar il-fattibbiltà u l-implikazzjonijiet legali u prattiċi ta' trattament komuni għat-talbiet ta' ażil kemm ġewwa l-Unjoni u kif ukoll lil hinn minnha. Din l-analiżi se ssir b'mod kumplimentari mas-Sistema Komuni Ewropea dwar l-Ażil u fir-rispett tar-regoli internazzjonali relevanti. Abbażi ta' dawn l-istudji u tal-evalwazzjoni tal-mekkaniżmu ta' solidarjetà inizjali, sal-2013 ikun jista' jiġi previst l- istabbiliment ta' sistema ta' solidarjetà . Din is-sistema ser tkun ikkoordinata mill-Uffiċċju ta' Appoġġ. Jeħtieġ li s- solidarjetà finanzarja intra-Ewropea tiġi eżaminata mill-ġdid. F'dawn l-aħħar 10 snin, din dejjem tħaddmet permezz tal-Fondi Ewropej għar-Refuġjati li akkumpanjaw il-fażijiet ta' armonizzazzjoni suċċessivi. Għandhom jiġu identifikati kriterji ġodda ta' qsim jew oqsma ta' intervent, b'kunsiderazzjoni tal-evoluzzjoni tal-politika komuni. 5.2.3. Solidarjetà ma' pajjiżi terzi Is- solidarjetà ma' pajjiżi terzi li jħabbtu wiċċhom ma' flussi sinifikanti ta' refuġjati jew li jospitaw għadd kbir ta' refuġjati u persuni spustati hija essenzjali. L-aċċess għall-protezzjoni u r-rispett tal-prinċipju ta' non-refoulement għandhom ikunu żgurati. Barra minn hekk, l-Unjoni Ewropea se tappoġġja t-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' pajjiżi terzi biex dawn jiżviluppaw is-sistemi ta' ażil u protezzjoni tagħhom stess. F'dan l-isfond, jistgħu jiġu kkunsidrati responsabbiltajiet ġodda ta' protezzjoni. Ċerti proċeduri ta' dħul protett u l-għoti ta' viżi umanitarji għandhom ikunu ffaċilitati, flimkien mal-għajnuna tar-rappreżentanzi diplomatiċi, jew ta' kull tip ta' struttura stabbilita fil-pajjiżi terzi, fil-qafas ta' strateġija globali ta' ġestjoni tal-moviment tal-persuni. F'rabta mat-tisħiħ ulterjuri tad-dimensjoni esterna tal-politika tal-ażil, l-Unjoni se tkun tista' ttejjeb il- programmi ta' protezzjoni reġjonali fi sħubija mal-UNHCR u l-pajjiżi terzi kkonċernati bis-sostenn tal-Uffiċċju ta' Appoġġ u tal-istrumenti finanzjarji esterni tal-Komunità. L-Unjoni se ssaħħaħ l-isforzi tagħha fil-qasam tar-rilokazzjoni biex tkun tista' toffri soluzzjonijiet dejjiema lir-refuġjati. 6. KONKLUżJONI: Il-Kummissjoni tittama li wara dibattitu fil-fond mal-Parlament Ewropew, fl-aħħar tas-sena l-Kunsill Ewropew ikun f'pożizzjoni li jadotta programm ambizzjuż imsejjes fuq din il-Komunikazzjoni. Abbażi ta' dawn l-elementi l-Kummissjoni biħsiebha tipproponi pjan ta' azzjoni li jdaħħal fis-seħħ il-programm ta' Stokkolma biex jiġu ddeterminati b'mod preċiż l-azzjonijiet li għandhom isiru u l-aġenda li trid tiġi segwita fil-perjodu bejn l-2010 u l-2014. ANNESS : Orjentamenti prijoritarji Il-promozzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini : Ewropa tad-drittijiet Drittijiet fundamentali Għall-ikkompletar tas-sistema tagħha tal-ħarsien tad-drittijiet fundamentali, l-Unjoni Ewropea għandha taderixxi mal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Abbażi tar-rapport ippublikat mill-Kummissjoni, l-Unjoni se tiddeċiedi dwar kif tiffaċilita l-qsim it-tifkira tad-delitti ta' reġimi totalitarji. Moviment ħieles L-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva 2004/38 dwar il-moviment ħieles tal-persuni hija essenzjali. Ma' din il-Kummissjoni se tippubblika linji gwida filwaqt li se ssegwi l-applikazzjoni tagħha. F'dan il-qafas, se tkun stabbilita sistema li permezz tagħha ċ-ċittadini jkunu jistgħu jissottomettu atti ċivili b'mod faċli u mingħajr ħlas. Fuq perjodu twil ta' żmien l-Unjoni għandha twettaq ħidma dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' atti ċivili. Rispett lejn id-diversità L-Unjoni għandha tiddefinixxi approċċ komuni li jippermittilha timmobilizza aħjar l-istrumenti finanzjarji u legali eżistenti fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, ir-razziżmu, il-ksenofobija u l-omofobija. Protezzjoni ta' persuni vulnerabbli Għandha tiġi elaborata strateġija Ewropea ambizzjuża dwar id-drittijiet tat-tfal. L-azzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-protezzjoni tal-persuni vulnerabbli, tan-nisa vittmi ta' vjolenza u tal-persuni dipendenti għandha tissaħħaħ. Protezzjoni tad-dejta L-Unjoni għandha tistabbilixxi sistema sħiħa dwar il-protezzjoni tad-dejta personali li tkopri l-kompetenzi kollha tal-Unjoni. Għandha ssir analiżi dwar il-ħolqien ta' ċertifikazzjoni Ewropea għat-teknoloġija, il-prodotti u s-servizzi li tirrispetta l-privatezza. Il-protezzjoni tad-dejta titlob kooperazzjoni internazzjonali b'saħħitha. L-Unjoni Ewropea għandha tikkontribwixxi għat-tfassil u l-promozzjoni ta' standards internazzjonali f'din il-materja. Parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika Sal-elezzjonijiet Ewropej tal-2014, l-Unjoni se tintroduċi miżuri innovattivi għaċ-ċittadini biex tinkoraġġihom jipparteċipaw fihom. Protezzjoni konsulari Għandu jiġi stabbilit qafas imsaħħaħ ta' koordinazzjoni u kooperazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni konsulari. L-iffaċilitar ta' ħajjet iċ-ċittadini : Ewropa tal-liġi u tal-ġustizzja Ir-rikonoxximent reċiproku għadu l-pedament tal-konsultazzjoni fiż-żona ġudizzjarja Ewropea. Fi kwistjonijiet ċivili l-exequatur tas-sentenzi ċivili u kummerċjali għandu jitneħħa filwaqt li r-rikonoxxenza reċiproka tiġi estiża f'oqsma li mhumiex koperti. Fi kwistjonijiet penali, il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku għandu jibqa' jiġi implimentat fl-istadji kollha tal-proċedura. Ir-rikonoxximent reċiproku għandu japplika wkoll għal miżuri ta' protezzjoni tal-vittmi u tax-xhieda anke fil-każ fejn jintilfu d-drittijiet. Bil-għan li tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn is-sistemi ġudizzjarji, it-taħriġ tal-professjonisti fil-qasam tal-ġustizzja għandu jissaħħaħ u jkun appoġġjat permezz tal-iżvilupp ta' stumenti komuni. L-iskambji bejn il-professjonisti għandhom jiżdiedu speċjalment permezz ta' forum tal-ġustizzja u ta' attivitajiet tad-diversi netwerks li għandhom jikkoordinaw aħjar l-attivitajiet tagħhom. L-iżvilupp tar-rikonoxximent reċiproku għandu jkun akkumpanjat minn evalwazzjoni fil-fond tal-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-ġustizzja. Barra minn hekk l-Unjoni Ewropea għandha tagħti s-sostenn tagħha għall-isforzi tal-Istati Membri għat-titjib tas-sistemi ġudizzjarji. L-Unjoni Ewropea għandha tistabbilixxi sett ta' regoli komuni għall-konverġenza tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-kriminalità partikolarment gravi u tipikament transkonfinali. Barra minn hekk, l-Unjoni Ewropea għandha tirrikorri, jekk dan jirriżulta neċessarju, għad-dritt kriminali biex tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-politiki tagħha fir-rispett tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea. Fil-qasam tad-dritt ċivili, għandha ssir konverġenza tal-leġiżlazzjonijiet fir-rigward tar-regoli minimi għal ċerti aspetti ta' proċedura ċivili jew għal dak li għandu x'jaqsam mad-dritt tal-kustodja. L-iffaċilitar tal-aċċess għall-ġustizzja għandu jkun prijorità. L-Unjoni Ewropea għandha twettaq ħidma favur it-tisħiħ tal-istrumenti ta' għajnuna legali eżistenti, timmobilizza l-mezzi elettroniċi (e-justice), u tiffoka b'mod partikolari fuq l-iffaċilitar tal-aċċess taċ-ċittadini għat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni ġudizzjarja. Għandha wkoll twettaq ħidma għas-simplifikazzjoni tal-formalitajiet leġiżlattivi ta' atti u dokumenti. L-appoġġ għall-vittmi ta' ksur għandu jittejjeb partikolarment f'rabta ma' kwistjonijiet transkonfinali. Għandha ssir il-mobilizzazzjoni ta' mezzi legali għall-appoġġ tal-attività ekonomika. Għandu jsir titjib fl-infurzar tas-sentenzi ġudizzjarji speċjalment għall-ħolqien ta' proċedura Ewropea dwar is-sekwestru ta' kontijiet tal-bank. Il-ħidma fir-rigward tal-ħolqien ta' qafas komuni ta' referenza fil-qasam tad-dritt kuntrattwali tista' tintuża wkoll għal proposti leġiżlattivi futuri filwaqt li jistgħu jiġu żviluppati mudelli ta' kuntratti. Għandha tiġi segwita l-armonizzazzjoni dwar il-liġi applikabbli fil-qasam tal-kuntratt ta' assigurazzjoni u tal-liġi tal-kumpaniji. Barra minn hekk, meta tqis li jkun meħtieġ l-Unjoni Ewropea tista' tirrikorri għad-dritt kriminali biex tikkastiga mġiba abużiva fil-qasam finanzjarju. Ewropa li tipproteġi L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għandhom jiżguraw li jsaħħu t-taħriġ ta' professjonisti tas-sigurtà prinċipalment permezz tat-twaqqif ta' programmi ta' skambju adattati (eż. "Erasmus"). L-Unjoni għandha titgħammar b'mudell Ewropew ta' informazzjoni għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tagħha ta' analiżi strateġika u ta' kooperazzjoni operattiva. L-Unjoni Ewropea għandha tfassal arkitettura ta' sistemi ta' informazzjoni li jiżguraw l-interoperabbiltà, koerenza u adattament għall-ħtiġiet. Il-prijoritajiet tal-istrateġija ta' sigurtà interna għandhom ikunu sostnuti minn attivitajiet ta' riċerka u żvilupp għall-promozzjoni tal-aħjar użu tal-aktar teknoloġiji moderni. Bħala appoġġ għal dawn l-isforzi, jistgħu jiġu stabbiliti fondi għas-sigurtà interna. Għandhom ikunu mobilizzati l-istrumenti legali u operattivi kollha biex il-kriminali ma jitħallewx japprofittaw ruħhom miż-żona mingħajr fruntieri. Il-kooperazzjoni operattiva bejn il-pulizija għandha tissaħħaħ billi tiġi ffaċilitata l-ħidma tal-pulizija lil hinn mill-fruntieri nazzjonali u permezz tad-dħul fis-seħħ ta' mudell ta' ċentru ta' kooperazzjoni għall-pulizija u d-dwana. Il-Europol għandu jkollha rwol ċentrali fil-koordinazzjoni, l-iskambju ta' informazzjoni u t-taħriġ ta' professjonisti. Is-sigurtà tal-Unjoni Ewropea timponi t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn il-pulizija ta' pajjiżi terzi, b'mod partikolari mal-Istati ġirien immedjati. L-Unjoni Ewropea għandha ddaħħal fis-seħħ qafas sħiħ Ewropew għall-ġbir ta' provi. Is-sistema ta' rekords kriminali li tinsab fis-seħħ għandha tkun użata bis-sħiħ filwaqt li titlesta kompletament (l-użu aktar wiesa' u l-inklużjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi). L-Unjoni għandha titgħammar b'qafas legali dwar il-garanziji proċedurali minimi u tippromwovi l-esperjenzi pilota fir-rigward tal-alternattivi għall-priġunerija. L-Unjoni Ewropea għandha ddaħħal fis-seħħ ġestjoni integrata tal-fruntieri li tippermetti l-fluwidità tad-dħul ta' persuni fl-Unjoni Ewropea, waqt li fl-istess ħin tiżgura s-sigurtà tat-territorju tagħha u l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni klandestina. Għandha tiddaħħal fis-seħħ sistema ta' kontroll koerenti mal-punti fejn tinqasam il-fruntiera li tkopri t-tipi kollha ta' kontrolli ("one stop shop"). Ir-rwol ta' koordinazzjoni ta'Frontex għandu jissaħħaħ, filwaqt li l-kapaċitajiet operattivi tiegħu żviluppati b'mod koerenti bejn l-azzjoni tiegħu u dik tal-Uffiċċju Ewropew dwar l-Appoġġ fil-qasam tal-Ażil. Pass wara pass l-Eurosur għandha tiddaħħal fis-seħħ. Is-sistemi ta' informazzjoni (SIS II, VIS) għandhom ikunu totalment operattivi. Għandha tiġi stabbilita sistema ta' reġistrazzjoni elettronika tad-dħul u l-ħruġ kif ukoll programm ta' vjaġġaturi rreġistrati. Għandha tiġi studjata l-opportunità ta' sistema ta' awtorizzazzjoni qabel ma jsir il-vjaġġ. L-Unjoni Ewropea għandha ddaħħal fis-seħħ viża ta' Scengen Ewropea. Se jiġu stabbiliti ċentri komuni tal-għoti ta' viżi f'pajjiżi terzi, li huma l-istadju preliminari għal awtorità konsulari komuni. Il-ħidma fuq il-konklużjoni ta' ftehimiet ta' ffaċilitar ma' pajjiżi terzi se ssir b'mod parallel mar-reviżjoni regolari tal-listi ta' pajjiżi li għandhom l-obbligu tal-viża. Progressivament is-sistema ta' viża Ewropea għandha tevolvi f'sistema ta' għoti msejsa fuq il-valutazzjoni tar-riskju individwali u mhux fuq iċ-ċittadinanza. L-Unjoni Ewropea għandha tistabbilixxi politika Ewropea għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, ibbażata fuq l-aħjar użu tal-istrumenti kollha li huma disponibbli. Ser tingħata enfasi prijoritarja fuq ħames tipi ta' reati: L-Unjoni Ewropea għandha tissokta l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin billi ssir ġlieda aktar effettiva tan-netwerks ta' traffikanti u tittejjeb il-ħidma ta' intelligence u ta' analiżi strateġika, u jiddaħħlu fis-seħħ mekkaniżmi għall-ġbir tal-provi adattati u t-titjib tal-għajnuna lill-vittmi. L-Unjoni Ewropea għandha tiġġieled l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija speċjalment billi tippromwovi l-iskambju ta' informazzjoni dwar persuni li ngħataw kundanni. Hija se taħdem ukoll biex tistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib mas-settur privat sabiex jiġu identifikati u jitwaqqaf jew jiġi mblukkat l-aċċess għas-siti b'kontenut pedofiliku. L-Unjoni għandha tiċċara r-regoli legali applikabbli għaċ-ċiberkriminalità filwaqt li tistabbilixxi pjattaforma Ewropea għall-iskoperta ta' ksur fil-Europol bil-għan li l-ġlieda kontra dan il-fenomenu tkun aktar effettiva. L-Unjoni Ewropea għandha tnaqqas l-opportunitajiet li ekonomija globalizzata toffri lill-kriminalità organizzata, partikolarment fl-isfond ta' kriżi li qed tħarrax il-vulnerabbiltà tas-sistema finanzjarja filwaqt ssaħħaħ l-azzjoni tagħha fl-qasam tal-ġlieda kontra l-kriminalità ekonomika. Hija għandha ssaħħaħ il-kapaċitajiet tagħha ta' investigazzjoni u analiżi ta' reati finanzjarji, tidentifika aħjar l-imġiba abużiva fis-suq, ittejjeb il-qafas operattiv fir-rigward tal-konfiska u l-qbid ta' assi kriminali, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u tistabbillixxi strument dissważiv fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni. L-Unjoni għandha tissokta u tapprofondixxi l-istrateġija kontra d-droga li titlob approċċ globali u bbilanċjat msejjes fuq it-tnaqqis kemm tal-provvista u kif ukoll tad-domanda. Jeħtieġ li tissaħħaħ il-kooperazzjoni ma' ċerti reġjuni madwar id-dinja, bil-parteċipazzjoni sħiħa tas-soċjetà ċivili u tittejjeb il-ħidma ta' riċerka f'dan ir-rigward. L-Unjoni Ewropea għandha tikkontrolla r-riskju ta' atti terroristiċi, permezz ta' ġlieda effettiva kontra r-radikalizzazzjoni, l-użu dejjem jikber tal-Internet mit-terroristi u l-iffinanzjar tat-terroriżmu. L-Unjoni għandha ssaħħaħ il-Mekkaniżmu ta' Protezzjoni Ċivili biex b'hekk ikunu jistgħu jiġu konklużi l-azzjonijiet tal-Istati Membri, inkluż fil-qasam tal-analiżi tar-riskju u l-kapaċità ta' reazzjoni. L-Unjoni għandha ssaħħaħ l-istrumenti ta' kontroll tar-riskju ta' terroriżmu. Dan jista' jsir prinċipalment bl-estensjoni u l-istabbiliment tal-programm ta' protezzjoni tal-infrastruttura kritika, l-istabbiliment ta' strateġija Ewropea bil-għan li tiffaċċja t-theddid minn materjali NRBK) (nukleari, radjloġiċi, bioloġiċi u kimiċi) u l-applikazzjoni tal-pjan ta' azzjoni dwar l-isplussivi. Il-Promozzjoni ta' soċjetà aktar integrta għaċ-ċittadin: Ewropa aktar responsabbli u solidali fil-kwistjoni tal-immigrazzjoni u l-ażil L-Unjoni għandha tippromwovi politika tal-immigrazzjoni dinamika u ekwa. Hija għanda tuża bis-sħiħ u tapprofondixxi l-approċċ globali li jwassal għal ġestjoni koordinata tal-fluss migratorju fi sħubija mal-pajjiżi terzi. Il-kwistjonijiet dwar il-migrazzjoni jagħmlu parti integrali mill-politika esterna tal-Unjoni. L-Unjoni għandha tippromwovi l-effett pożittiv tal-migrazzjoni għall-iżvilupp tal-pajjiżi ta' oriġini. L-Unjoni għandha titgħammar b'qafas komuni li jistabbilixxi sistema ta' ammissjoni flessibbli tal-migranti, li twassal għall-adattament għal żieda fil-mobbiltà u għall-ħtieġiet tas-swieq nazzjonali tax-xogħol. Bil-għan li tkattar l-effetti pożittivi tal-immigrazzjoni legali għall-benefiċċju ta' kulħadd, l-Unjoni għandha tistabbilixxi kodiċi dwar l-immigrazzjoni, regoli komuni għall-ġestjoni effettiva tar-riunifikazzjoni tal-familji u tappoġġja lill-Istati Membri fil-qasam tal-integrazzjoni permezz ta' mekkaniżmu konġunt ta' koordinazzjoni. Il-kontroll aħjar tal-immigrazzjoni irregolari huma fattur essenzjali komplementari għall-iżvilupp ta' politika komuni fil-qasam tal-immigrazzjoni legali. L-Unjoni Ewropea għandha tiġġieled kontra l-impjegar illegali u ssegwi politika effettiva ta' tkeċċija u ritorn, permezz tal-użu sħiħ tal-istrumenti eżistenti. L-Unjoni għandha tippromwovi r-ritorn volontarju u tagħti attenzjoni partikolari għall-minorenni mhux akkumpanjati. L-Unjoni Ewropea għandha ssir żona komuni u solidali ta' protezzjoni, bi proċedura tal-ażil unika u bi status uniformi ta' protezzjoni internazzjonali. Hija għandha tiżgura l-qsim tar-responsabbiltajiet għall-akkoljenza u l-integrazzjoni tar-refuġjati inkluż l-istabbiliment ta' mekkaniżmu volontarju ta' ridistribuzzjoni fost l-Istati Membri u trattament komuni għat-talbiet għall-ażil. Għandu jiġi żgurat il-kontroll strett u l-applikazzjoni korretta tal- acquis leġiżlattiv, li jiggarantixxi l-kredibbiltà tas-sistema komuni Ewropea tal-Ażil u l-fiduċja bejn l-Istati Membri. Fuq perjodu itwal ta' żmien, il-prinċipju ta' rikomxximent reċiproku u d-deċiżjonijiet kollha tal-għoti tal-istatus ta' protezzjoni se jiffaċilitaw it-trasferiment tal-protezzjoni. L-Unjoni Ewropea għandha ssaħħaħ il-kooperazzjoni operattiva tiżgura li l-Uffiċċju Ewropej għall-Appoġġ fil-qasam tal-Ażil jkollu l-mezzi meħtieġa għat-twettiq tal-kapaċitajiet tiegħu. Għandha tiġi segwita politika dwar l-ażil li tkun solidali mal-pajjiżi terzi li qed iħabbtu wiċċhom ma' flussi sinifikanti ta' refuġjati. L-Unjoni Ewropea għandha testendi l-programmi ta' protezzjoni reġjonali u tapprofondixxi l-isforzi tagħha fil-qasam tar-rilokazzjoni. [1] L-Artikolu 22 TKE. [2] L-Unjoni għandha tagħmel referenza, b'mod partikolari, għall-ħidma tal-Kummissjoni Ewropea għall-Effiċjenza tal-Ġustizzja (CEPEJ) tal-Kunsill tal-Ewropa. [3] Il-Bord Ewropew tal-Pariri għar-Riċerka fis-Sigurtà [4] SIS II: Is-Sistema ta’ Informazzjoni Schengen II u VIS: Is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Visas [5] Ikun jista' jintuża, pereżempju, il-mudell tas-sistema ta' klassifikar dwar il-perċezzjoni tal-korruzzjoni stabbilit minn Transparency International. [6] Li ma jkunx aġenzija.