31975R0337



Official Journal L 039 , 13/02/1975 P. 0001 - 0004
Greek special edition: Chapter 05 Volume 2 P. 0038
Spanish special edition: Chapter 05 Volume 2 P. 0048
Portuguese special edition Chapter 05 Volume 2 P. 0048
Finnish special edition: Chapter 16 Volume 1 P. 0006
Swedish special edition: Chapter 16 Volume 1 P. 0006


Ir-Regolament (KEE) Nru 337/75 tal-kunsill

ta' l-10 ta' Frar 1975

li jwaqqaf Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Professjonali

Il-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 235 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Billi abbażi ta' l-Artikolu 128 tat-Trattat, il-Kunsill, fid-Deċiżjoni tiegħu tat-2 ta' April 1963 [3], jistabilixxi prinċipji ġenerali għall-implimentazzjoni ta' politika komuni għat-taħriġ vokazzjonali;

Billi taħt L-Artikolu 118 tat-Trattat il-Kummissjoni għandha d-dmir li tippromwovi kooperazzjoni mill-qrib bejn Stati Membri fil-qasam soċjali, b'mod partikolari fi ħwejjeġ li għandhom x'jaqsmu ma taħriġ professjonali bażiku u avvanzat;

Billi l-Kunsill, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 1974 [4] dwar programm ta' azzjoni soċjali, għamel bħala wieħed mill-għanijiet ta' dak il-programm l-implimentazzjoni ta' politika komuni għat-taħriġ professjonali sabiex jintlaħqu progressivament l-għanijiet prinċipali tiegħu, speċjalment l-approssimazzjoni ta' standards ta' taħriġ, b'mod partikolari billi jitwaqqaf Ċentru Ewropew għat-Taħriġ Professjonali; billi, barra minn hekk, il-Kunsill iddeċieda li dan l-għan għandu jingħata prijorità;

Billi l-implimentazzjoni ta' politika komuni għat-taħriġ vokazzjonali tqajjem problemi dejjem aktar kumplessi, u billi s-soluzzjoni għal dawn il-problemi teħtieġ grad kbir ta' involviment min-naħa ta' min hu konċernat, u b'mod speċjali miż-żewġ naħat ta' l-industrija;

Billi t-twaqqif ta' Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Professjonali — korp indipendenti mid-dipartimenti tal-Kummissjoni, imma li jrid jikkoopera magħhom bis-sħiħ — huwa neċessarju għall-implimentazzjoni effettiva ta' dik il-politika komuni, u billi t-Trattat ma pprovdiex il-poteri speċifiċi neċessarji sabiex jitwaqqaf ċentru bħal dan;

Billi ċ-ċentru sejjer jitwaqqaf fi ħdan il-qafas tal-Komunitajiet Ewropej u se jiffunzjona skond il-liġi tal-Komunità; billi l-kundizzjonijiet li taħthom ċerti disposizzjonijiet ġenerali għandhom japplikaw għandhom ikunu definiti,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali, hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejjaħ "iċ-ċentru", huwa b'dan stabbilit.

F'kull wieħed mill-Istati Membri, iċ-ċentru għandu jkollu l-kapaċità legali l-aktar wiesgħa li tista tingħata lil persuni legali.

Iċ-ċentru m'għandux jaħdem għall-profitt. Għandu jkollu s-sede tiegħu f'Berlin (tal-Punent).

L-Artikolu 2

1. L-għan taċ-ċentru għandu jkun li jassisti lill-Kummissjoni biex tinkoraġġixxi, fuq livell ta' Komunità, il-promozzjoni u l-iżvilupp ta' taħriġ vokazzjonali u ta' taħriġ fuq ix-xogħol.

Għal dan l-iskop, fil-qafas tal-linji gwida magħmula mill-Komunità, għandu jikkontribwixxi, permezz ta' l-attivitajiet xjentifiċi u tekniċi tiegħu, għall-implimentazzjoni ta' politika komuni għat-taħriġ vokazzjonali.

Għandu, b'mod partikolari, jinkoraġġixxi l-iskambju ta' informazzjoni u t-tqabbil ta' esperjenzi.

2. Id-doveri ewlenin taċ-ċentru għandhom ikunu:

- li jiġbor dokumentazzjoni magħżula li għandha x'taqsam b'mod partikolari mas-sitwazzjoni preżenti, l-aħħar żviluppi u riċerka fl-oqsma rilevanti, u ma' ħwejjeġ ta' struttura ta' taħriġ professjonali;

- li jagħti sehem fl-iżvilupp u l-koordinazzjoni ta' riċerka fl-oqsma fuq imsemmija;

- li jxerred kull dokumentazzjoni u informazzjoni utli;

- li jħeġġeġ u jappoġġja kwalunkwe inizjattiva li aktarx li tiffaċilita ħidma koordinata għall-problemi ta' taħriġ vokazzjonali. L-attività taċ-ċentru f'dan il-kuntest għandha tittratta b'mod partikolari l-problema ta' approssimazzjoni ta' standards ta' taħriġ vokazzjonali sabiex ikun hemm għarfien reċiproku ta' ċertifikati u dokumenti oħra li jiċċertifikaw li sar taħriġ professjonali;

- li jipprovdi forum għal kull min hu kkonċernat.

3. Fl-attivitajiet tiegħu iċ-ċentru għandu jieħu kont tar-rabtiet li jeżistu bejn taħriġ professjonali u l-oqsma l-oħra ta' l-edukazzjoni.

L-Artikolu 3

1. Iċ-ċentru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet tiegħu. Jista' b'mod partikolari:

- jorganizza korsijiet u seminars;

- jikkonkludi kuntratti ta' studju u jikkummissjona jew, fejn hu neċessarju, iwettaq proġetti pilota jew proġetti individwali sabiex jassisti l-implimentazzjoni tal-programm ta' xogħol taċ-ċentru;

- jippubblika u jqassam dokumentazzjoni utli, inkluż bulettin tal-Komunità għat-taħriġ vokazzjonali.

2. Fil-qadi tad-doveri tiegħu, iċ-ċentru għandu jistabbilixxi kuntatti xierqa, b'mod partikolari ma' korpi speċjalizzati, sew pubbliċi sew privati, nazzjonali jew internazzjonali, ma' awtoritajiet pubbliċi u istituzzjonijiet edukattivi u ma' organizzazzjonijiet ta' ħaddiema u ta' min iħaddem.

L-Artikolu 4

1. Iċ-ċentru għandu jkun amministrat minn Bord ta' Tmexxija li jikkonsisti fi 30 membru li minnhom:

(a) disa' membri għandhom jirrappreżentaw lill-Gvernijiet ta'l-Istati Membri;

(b) disa' membri għandhom jirrappreżentaw l-organizzazzjonijiet professjonali ta' min iħaddem;

(ċ) disa' membri għandhom jirrappreżentaw l-organizzazzjonijiet ta' trejdunjons ta' ħaddiema;

(d) tliet membri għandhom jirrappreżentaw lill-Kummissjoni.

Il-membri msemmija f'(a), (b) u (ċ) għandhom jinħatru mill-Kunsill fuq bażi ta' membru għal kull Stat Membru għal kull wieħed minn dawk il-gruppi.

Il-Kummissjoni għandha taħtar il-membri li għandhom jirrappreżentawha.

2. It-żmien tal-kariga ta' membri għandu jkun ta' tliet snin. Dan jista' jiġġedded. Meta jiskadilhom iż-żmien tal-kariga tagħhom jew fil-każ li jirriżenjaw, membri għandhom iżommu posthom sakemm il-ħatriet tagħhom ikunu mġedda jew sakemm ikunu maħtura persuni oħra minflokhom.

3. Il-Bord ta' Tmexxija għandu jeleġġi il-President tiegħu u tliet Vici-Presidenti minn fost il-membri tiegħu, sabiex iservu għal perjodu ta' sena.

4. Il-President għandu jsejjaħ il-Bord ta' Tmexxija mill-inqas darbtejn fis-sena jew fuq talba ta' mill-inqas terz mill-membri.

5. Deċiżjonijiet mill-Bord ta' Tmexxija għandhom jittieħdu b'maġġoranza assoluta tal-membri.

L-Artikolu 5

Il-Bord ta' Tmexxija għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu, li għandhom jidħlu fis-seħħ meta jiġu approvati mill-Kunsill, li jaġixxi fuq l-Opinjoni tal-Kummissjoni.

Għandu jiddeċiedi jekk hux se jwaqqaf kumitati ta' xogħol ad hoc a bażi tar-rekwiżiti tal-programm annwali ta' xogħol. Għandu jinforma regolarment lill-Kummissjoni bl-attivitajiet taċ-ċentru.

L-Artikolu 6

1. Id-direttur taċ-ċentru għandu jinħatar mill-Kummissjoni minn lista ta' kandidati mogħtija mill-Bord ta' Tmexxija.

2. Iż-żmien tal-kariga tad-direttur għandu jkun jiġġedded kull ħames snin.

L-Artikolu 7

1. Id-direttur għandu jwettaq id-deċiżjonijiet tal-Bord ta' Tmexxija u għandu jkun responsabbli għall-amministrazzjoni ta' kuljum taċ-ċentru. Huwa għandu jkun ir-rappreżentant legali taċ-ċentru.

2. Huwa għandu jipprepara u jorganizza x-xogħol tal-Bord ta' Tmexxija u jipprovdi s-Segretarjat għal-laqgħat tagħhom.

3. Huwa għandu jikkoordina l-attivitajiet tal-kumitati ta' xogħol.

4. Għandu jkun responsabbli għal ħwejjeġ ta' persunal u sabiex jimpjega u jkeċċi persunal.

5. Għandu jkun responsabbli lejn il-Bord ta' Tmexxija għall-attivitajiet tiegħu.

L-Artikolu 8

1. Fuq il-bażi ta' abbozz mogħti mid-direttur, il-Bord ta' Tmexxija għandu jadotta il-programm ta' xogħol annwali bi ftehim mal-Kummissjoni. Il-programm għandu jieħu kont tal-prijoritajiet indikati mill-istituzzjonijiet tal-Komunità.

2. Iċ-ċentru għandu jieħu kont ta' l-attivitajiet ta' korpi oħra li jaħdmu fil-qasam ta' taħriġ vokazzjonali meta jkun qed jippjana x-xogħol tiegħu.

L-Artikolu 9

Il-Bord ta' Tmexxija għandu, sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu, jadotta rapport ġenerali annwali fuq l-attivitajiet u s-sitwazzjoni finanzjarja taċ-ċentru u għandu jagħtih lill-Kummissjoni.

L-Artikolu 10

Il-Bord ta' Tmexxija għandu jagħmel prospett tad-dħul u nfiq, li għandu jkun fil-bilanċ, għal kull sena finanzjarja, li għandha tkun l-istess bħas-sena kalendarja.

L-Artikolu 11

1. Il-Bord ta' Tmexxija għandu, sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu ta' kull sena, jibgħat lill-Kummissjoni estimi ta' dħul u nfiq. Dan l-estimi, li għandu jinkludi pjan ta' twaqqif, għandu jingħata mill-Kummissjoni lill-Kunsill ma' l-abbozz preliminari ta' l-estimi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej.

2. L-estimi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej għandhom, kull sena, taħt intestatura speċifika, jinkludu sussidju għaċ-ċentru.

Il-proċedura fis-seħħ għat-trasferiment ta' ammonti vvutati minn kapitlu għall-ieħor għandha tapplika għall-vot għal dan is-sussidju.

L-awtorità dwar l-estimi finanzjarji għandha tagħmel pjan ta' twaqqif taċ-ċentru.

3. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta l-istima ta' dħul u nfiq qabel il-bidu tas-sena finanzjarja, u jaġġustahom skond is-sussidju mogħti mill-awtorità dwar l-estimi finanzjarji. L-estimi hekk adottati għandhom jingħataw mill-Kummissjoni lill-awtorità dwar l-estimi finanzjarji.

L-Artikolu 12

1. Id-disposizzjonijiet finanzjarji li japplikaw għaċ-ċentru għandhom jiġu adottati taħt l-Artikolu 209 tat-Trattat.

2. Il-Bord ta' Tmexxija għandu, sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu, jibgħat il-kontijiet tad-dħul u l-infiq kollu taċ-ċentru għas-sena finanzjarja preċedenti lill-Kummissjoni u lill-Bord tal-Verifika. Dan ta' l-aħħar għandu jeżaminahom skond it-tieni paragrafu ta'l-Artikolu 206 tat-Trattat.

3. Il-Kummissjoni għandha tagħti l-kontijiet u r-rapport tal-Bord tal-Verifika, flimkien mal-kummenti tagħha, lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew sa mhux aktar tard mill-31 ta' Ottubru. Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew għandhom jilliberaw lill-Bord ta' Tmexxija taċ-ċentru taħt il-proċedura mniżżla fir-raba' paragrafu ta'l-Artikolu 206 tat-Trattat.

4. Il-kontrollur finanzjarju tal-Kummissjoni għandu jkun responsabbli li jivverifika r-rabta u l-ħlas tal-infiq kollu u li jinżamm reġistru u li jinġabar id-dħul kollu taċ-ċentru.

L-Artikolu 13

Id-disposizzjonijiet li jirregolaw il-persunal taċ-ċentru għandhom ikunu adottati mill-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta mill-Kumissjoni.

L-Artikolu 14

Membri tal-Bord ta' Tmexxija, id-Direttur, il-persunal u l-persuni l-oħra kollha li jipparteċipaw fl-attivitajiet taċ-ċentru għandhom ikunu meħtieġa, wkoll wara li jkunu temmu d-doveri tagħhom, li ma jiżvelawx informazzjoni tat-tip koperta mill-obbligu tas-sigriet professjonali.

L-Artikolu 15

Ir-regoli li jirregolaw il-lingwi tal-Komunitajiet Ewropej għandhom japplikaw għaċ-ċentru.

L-Artikolu 16

Il-Protokoll fuq il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej għandu japplika għaċ-ċentru.

L-Artikolu 17

1. L-obbligi kontrattwali taċ-ċentru għandhom ikunu regolati mil-liġi applikabbli għall-kuntratt f'dak il-każ.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għandha jkollha ġurisdizzjoni li tiddeċiedi skond kwalunkwe klawsola ta' arbitraġġ li jkun hemm f'xi kuntratt magħmul miċ-ċentru.

2. Fil-każ ta' obbligi mhux kontrattwali, iċ-ċentru għandu, skond il-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet ta' l-Istati Membri, jagħmel tajjeb għal kwalunkwe dannu kkaġunat miċ-ċentru jew mill-impjegati tiegħu fil-qadi ta' dmirijiethom.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha jkollha ġurisdizzjoni fi kwistjonijijet li għandhom x'jaqsmu ma' kumpens għal danni bħal dawn.

3. Ir-responsabbiltà personali ta' impjegati lejn iċ-ċentru għandha tkun regolata mid-dispożizzjonijiet rilevanti li japplikaw għall-persunal taċ-ċentru.

L-Artikolu 18

Stati Membri, membri tal-Bord tat-Tmexxija u terzi persuni nvoluti direttament u personalment jistgħu jirreferu lill-Kummissjoni kwalunkwe att taċ-ċentru, sew jekk espress sew jekk taċitu, sabiex il-Kummissjoni teżamina l-legalità ta' dak l-att.

Riferenza għandha ssir lill-Kummissjoni fi żmien 15-il ġurnata mid-data li fiha l-parti konċernata saret taf għall-ewwel darba bl-att f'dak il-każ.

Il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni fi żmien xahar. Jekk ma tittieħed l-ebda deċiżjoni f'dan iż-żmien, il-każ għandu jitqies li ġie miċħud.

L-Artikolu 19

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet ġurnata wara li jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fl-10 ta' Frar 1975.

Għall-Kunsill

Il-President

G. Fitzgerald

[1] ĠU C 127, tat-18.10.1974, p. 20.

[2] ĠU C 125, tas-16.10.1974, p. 41.

[3] ĠU 63, ta' l-20.4.1963, p. 1338/63.

[4] ĠU C 13, tat-12.2.1974, p. 1.

--------------------------------------------------