Glossarju tat-taqsiriet

Għajnuna Esporta l-PDF Ipprintja din il-paġna 

Metodu miftuħ ta' koordinazzjoni

Il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni (OMC) fl-Unjoni Ewropea (UE) jista' jiġi deskritt bħala forma ta' liġi "mhux vinkolanti". Huwa forma ta' tfassil ta' politika intergovernattiva li ma tirriżultax f'miżuri leġislattivi vinkolanti tal-UE u ma teħtieġx lill-pajjiżi tal-UE sabiex jintroduċu jew jemendaw il-liġijiet tagħhom.

OMC, maħluq oriġinarjament fis-snin disgħin bħala parti mill-politika tal-impjiegi u l-proċess ta' Lussemburgu, ġie definit bħala strument tal-istrateġija ta' Lisbona (2000). Dan kien żmien meta l-integrazzjoni ekonomika tal-UE bdiet tavvanza b'pass mgħaġġel iżda l-pajjiżi tal-UE ma kinux tant ħerqana li jagħtu aktar setgħat lill-istituzzjonijiet Ewropej.

OMC ipprovda qafas ġdid għal kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE, li l-politiki nazzjonali tagħhom jistgħu għaldaqstant jiġu diretti lejn ċerti objettivi komuni. Taħt dan il-metodu intergovernattiv, il-pajjiżi tal-UE jiġu evalwati minn xulxin (pressjoni mill-pari), bir-rwol tal-Kummissjoni jkun limitat għal sorveljanza. Tista' tgħid li l-Parlament Ewropew u l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhom ebda sehem fil-proċess tal-OMC.

OMC iseħħ f'żoni li jaqgħu fi ħdan il-kompetenza tal-pajjiżi tal-UE, bħall-impjiegi, il-protezzjoni soċjali, l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u t-taħriġ vokazzjonali.

OMC huwa prinċipalment ibbażat fuq:

  • l-identifikazzjoni u d-definizzjoni b'mod konġunt tal-objettivi li għandhom jintlaħqu (adottati mill-Kunsill);
  • strumenti ta' kejl stabbiliti b'mod konġunt (statistiċi, indikaturi, linji gwida);
  • valutazzjoni komparattiva, jiġifieri tqabbil tal-prestazzjoni tal-pajjiżi tal-UE u l-iskambju tal-aqwa prattiċi (immonitorjati mill-Kummissjoni).