L-ambjent u t-tibdil fil-klima

Għajnuna Esporta l-PDF Ipprintja din il-paġna 
L-ambjent u l-azzjoni klimatika

L-UE għandha wħud mill-ogħla standards ambjentali, li ġew żviluppati tul għexieren ta’ snin. Il-politika ambjentali tgħin lill-ekonomija tal-UE ssir aktar favur l-ambjent, tipproteġi r-riżorsi naturali tal-Ewropa u tissalvagwardja s-saħħa u l-benessri tal-persuni li jgħixu fl-UE.

Il-kwalità ambjentali hija kruċjali għas-saħħa, l-ekonomija u l-benessri tagħna. Madankollu, din qed tiffaċċja diversi sfidi serji, mhux l-inqas dik tat-tibdil fil-klima, il-konsum u l-produzzjoni mhux sostenibbli, kif ukoll diversi forom ta’ tniġġis.

Il-politiki u l-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE jipproteġu l-ħabitats naturali, iżommu l-arja u l-ilma nodfa, jiżguraw rimi xieraq tal-iskart, itejbu l-għarfien dwar is-sustanzi kimiċi tossiċi u jgħinu lin-negozji jimxu lejn ekonomija sostenibbli.

Rigward it-tibdil fil-klima, l-UE tifformola u timplimenta politiki u strateġiji dwar it-tibdil fil-klima, u tieħu rwol ewlieni fin-negozjati internazzjonali dwar il-klima. Hija impenjata biex tiżgura l-implimentazzjoni b’suċċess tal-Ftehim ta’ Pariġi u l-implimentazzjoni tas-Sistema tal-UE għall-Iskambju tal-Emissjonijiet (EU ETS) F’dan ir-rigward, il-pajjiżi tal-UE qablu li jilħqu diversi miri fis-snin li ġejjin. L-UE tfittex li tiżgura li t-tħassib dwar il-klima jiġi inkluż f’oqsma ta’ politika oħrajn (eż. it-trasport u l-enerġija) u tippromwovi wkoll it-teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju u miżuri ta’ adattament.

Il-politika tal-UE dwar l-ambjent hija bbażata fuq l-Artikoli 11 u 191-193 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Taħt l-Artikolu 191, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima hija objettiv espliċitu tal-politika tal-UE dwar l-ambjent. L-iżvilupp sostenibbli huwa objettiv ġenerali għall-UE, li hija impenjata sabiex tilħaq “livell għoli ta’ protezzjoni u titjib tal-kwalità tal-ambjent” (Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea).