EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-iżgurar tal-kompatibbiltà tas-sistemi ferrovjarji tal-UE

Status legali tad-dokument Din it-taqsira ġiet arkivjata u mhux se tkun aġġornata Ara 'Sikurezza ferrovjarja fl-UE kollha' , 'Sistema ferrovjarja tal-UE interoperabbli' għall-informazzjoni aġġornata dwar is-suġġett.

L-iżgurar tal-kompatibbiltà tas-sistemi ferrovjarji tal-UE

L-Unjoni Ewropea (UE) tfittex li taċċellera l-integrazzjoni tan-netwerk ferrovjarju tagħha* billi tintroduċi kundizzjonijiet u standards komuni. Dawn jgħinu sabiex jiżguraw livelli għolja ta’ sikurezza kif ukoll ta’ effikaċja.

ATT

Id-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fil-Komunità (tfassil mill-ġdid).

SOMMARJU

L-Unjoni Ewropea (UE) tfittex li taċċellera l-integrazzjoni tan-netwerk ferrovjarju tagħha* billi tintroduċi kundizzjonijiet u standards komuni. Dawn jgħinu sabiex jiżguraw livelli għolja ta’ sikurezza kif ukoll ta’ effikaċja.

X'TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

Hija tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li jridu jiġu ssodisfati bil-għan li tinkiseb interoperabilità** fis-sistema ferrovjarja tal-UE b’mod li jkun kompatibbli mad-Direttiva 2004/49/KE dwar is-sikurezza ferrovjarja. Dan jgħodd b’mod partikolari fir-rigward tal-proċeduri għall-awtorizzazzjoni tat-tqegħid fis-servizz tal-vetturi ferrovjarji.

Il-kundizzjonijiet jikkonċernaw id-disinn, il-kostruzzjoni, it-tqegħid fis-servizz, l-immodernizzar, it-tiġdid, l-operat u l-manutenzjoni ta’ din is-sistema. Huma jirrigwardaw ukoll il-kwalifiki professjonali u l-kundizzjonijiet tas-saħħa u s-sigurtà tal-membri tal-persunal li jħaddmuha u jmantnuha.

PUNTI EWLENIN

L-UE ssegwi l-mira tagħha ta’ sistema ferrovjarja interoperabbli - kemm dik b’veloċità għolja kif ukoll dik konvenzjonali - billi tadotta u mbagħad timplimenta standards tekniċi uniformi applikabbli fil-pajjiżi kollha tal-UE. Id-direttiva tistabbilixxi:

  • ir-rekwiżiti essenzjali fir-rigward tas-sikurezza (eż. ta’ komponenti bħall-apparat tal-ibbrejkjar), l-affidabbiltà (eż. il-monitoraġġ u l-manutenzjoni ta’ komponenti ewlenin), is-saħħa tal-bniedem, il-ħarsien ambjentali, il-kompatibbiltà teknika u l-operat tas-sistema (l-Anness III);
  • l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabilità (TSIs) adottati mill-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea għal kull sottosistema*** jew parti minn sottosistema, skont kif mitlub minn din id-direttiva;
  • l-ispeċifikazzjonijiet Ewropej korrispondenti.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha setgħat sabiex tadotta leġiżlazzjoni ulterjuri dwar aspetti speċifiċi tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jirrigwardaw l-interoperabbiltà ferrovjarja. L-aspetti indirizzati minn din il-leġiżlazzjoni jinkludu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-vaguni u l-lokomotivi tal-merkanzija, l-aċċessibbiltà għas-sistema ferrovjarja għall-persuni b’diżabilità u b’mobbiltà mnaqqsa u s-sikurezza fil-mini.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Mid-19 ta’ Lulju 2008.

SFOND

Din id-direttiva ħassret id-Direttiva 96/48/KE fuq l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja Ewropea ta’ veloċità għolja u d-Direttiva 2001/16/KE fuq l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali Ewropea.

TERMINI EWLENIN

* Netwerk: il-linji, l-istazzjonijiet, it-terminals u l-apparat fiss li huma meħtieġa sabiex jiżguraw it-tħaddim sikur u mingħajr xkiel tas-sistema ferrovjarja.

** Interoperabilità : l-abbiltà ta’ sistema ferrovjarja li tippermetti l-moviment sikur u mhux interrott tal-ferroviji li jilħqu l-livelli meħtieġa ta’ prestazzjoni għal dawn il-linji.

*** Sottosistemi: tfisser ir-riżultat tad-diviżjoni tas-sistema ferrovjarja (l-Anness II). Dawn is-sottosistemi, li għalihom għandhom jiġu stabbiliti rekwiżiti essenzjali, jistgħu jkunu strutturali (eż. infrastruttura jew sinjalar) jew funzjonali (eż. l-immaniġġjar tat-traffiku jew il-manutenzjoni).

Għal aktar tagħrif, ara l-paġni dwar l-Interoperabbiltà fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni Ewropea

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Id-Direttiva 2008/57/KE

19.7.2008

19.7.2010

ĠU L 191, 18.7.2008, p. 1-45

L-emendi u l-korrezzjonijiet sussegwenti għad-Direttiva 2008/57/KE kienu inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata hija biss għal referenza.

l-aħħar aġġornament 10.06.2015

Fuq