EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali

Regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva (UE) 2016/943 — il-protezzjoni ta’ konoxxenza u ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħha

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Din tistabbilixxi regoli tal-Unjoni Ewropea (UE) li jarmonizzaw il-liġijiet nazzjonali dwar il-protezzjoni mill-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali ta’ sigrieti kummerċjali.
  • Hija maħsuba li jkollha effett deterrenti kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali ta’ sigrieti kummerċjali, mingħajr ma tippreġudika d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali.

PUNTI EWLENIN

Il-ksib legali

Il-ksib ta’ sigriet kummerċjali jitqies legali jekk din tinkiseb permezz ta’:

  • skoperta jew kreazzjoni indipendenti;
  • osservazzjoni, studju, żarmar jew ittestjar ta’ prodott jew oġġett li jkun sar disponibbli għall-pubbliku jew li huwa legalment fil-pussess tal-akkwirent tal-informazzjoni li ma huwiex legalment meħtieġ jillimita l-ksib tas-sigriet kummerċjali;
  • eżerċizzju tad-dritt tal-ħaddiema jew tar-rappreżentanti tal-ħaddiema għal informazzjoni u konsultazzjoni f’konformità mal-liġi tal-UE u mal-liġijiet u l-prattiki nazzjonali;
  • kwalunkwe prattika oħra li, fiċ-ċirkostanzi, hija konformi ma’ prattiki kummerċjali onesti.

Il-ksib, l-użu jew l-iżvelar ta’ sigriet kummerċjali huwa wkoll legali meta jkun meħtieġ jew permess mil-liġi tal-UE jew dik nazzjonali.

Ksib, użu jew żvelar illegali

Il-ksib ta’ sigriet kummerċjali mingħajr il-kunsens tad-detentur tas-sigriet kummerċjali għandu jitqies bħala illegali jekk jinkiseb permezz ta’:

  • aċċess mhux awtorizzat, is-serq jew l-ikkupjar ta’ dokumenti, oġġetti, materjal, sustanzi jew fajls elettroniċi li legalment huma taħt il-kontroll tad-detentur tas-sigriet kummerċjali;
  • kwalunkwe mġiba oħra li, taħt iċ-ċirkostanzi, hija kkunsidrata kuntrarja għal prattiki kummerċjali onesti.

L-użu jew l-iżvelar ta’ sigriet kummerċjali mingħajr il-kunsens tad-detentur huwa illegali jekk persuna:

  • tikseb is-sigriet kummerċjali illegalment;
  • tkun qed tikser ftehim ta’ kunfidenzjalità jew kwalunkwe rekwiżit ieħor biex ma tiżvelax is-sigriet kummerċjali;
  • tkun qed tikser kuntratt jew kull dmir ieħor li tillimita l-użu tas-sigriet kummerċjali.

Il-ksib, l-użu jew l-iżvelar ikun illegali wkoll jekk il-persuna kkonċernata kienet taf jew kellha tkun taf li s-sigriet kummerċjali nkiseb direttament jew indirettament minn persuna oħra li kienet qed tuża jew tiżvela s-sigriet kummerċjali b’mod illegali.

Eċċezzjonijiet

Id-direttiva teħtieġ li meta persuna li allegatament kisbet, użat jew żvelat sigriet kummerċjali għamlet hekk għal waħda mir-raġunijiet li ġejjin, kwalunkwe talba għal miżuri, proċeduri jew rimedji trid tiġi miċħuda:

  • l-eżerċizzju tad-dritt tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni kif stipulat fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, inkluż ir-rispett għal-libertà u l-pluraliżmu tal-mezzi tal-informazzjoni;
  • l-iżvelar ta’kondotta ħażina, għemil ħażin jew attività illegali , dment li dan kien sabiex jipproteġi l-interess pubbliku ġenerali;
  • l-iżvelar mill-ħaddiema lir-rappreżentanti tagħhom, dment li tali żvelar kien neċessarju għal dawk ir-rappreżentanti biex iwettqu l-funzjoni tagħhom;
  • il-protezzjoni ta’ interess leġittimu rikonoxxut mil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali.

Miżuri, proċeduri u rimedji

Il-pajjiżi tal-UE jridu jipprovdu miżuri, proċeduri u rimedji li jiżguraw li r-rimedju tal-liġi ċivili* jkun disponibbli għall-vittmi tal-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tas-sigrieti kummerċjali.

Id-direttiva teħtieġ li l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji jkunu:

  • ekwi, effettivi u dissważivi;
  • mhux ikkomplikati jew għaljin bla bżonn, jew jinvolvu skadenzi mhux raġonevoli jew dewmien mhux ġustifikat.

Il-perjodu ta’ limitazzjoni għat-talbiet mhuwiex se jaqbeż is-sitt snin.

Id-detenturi ta’ sigriet kummerċjali jistgħu japplikaw għal rimedji* tal-liġi ċivili fil-każ tal-ksib, l-użu jew l-iżvelar illegali tal-imsemmi sigriet kummerċjali, inkluż:

  • l-għoti ta’ kumpens għad-danni;
  • inġunzjonijiet li jipprojbixxu lill-konvenut milli juża jew jiżvela sigriet kummerċjal; u
  • is-sejħa lura ta’ oġġetti kontraventorji mis-suq.

MINN META TAPPLIKA?

Hija ilha tapplika mill-5 ta’ Lulju 2016. Il-pajjiżi tal-UE għandhom jinkorporawh fil-liġi nazzjonali sad-9 ta’ Ġunju 2018.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

* TERMINI EWLENIN

Rimedju: li wieħed jagħmel tajjeb għal, itaffi jew jirrimedja żball legali. Il-mezzi jistgħu jinkludu kumpens għall-iżball jew kumpens għal ħsarat sostnuti; irkupru jew l-għoti lura għal ħsara jew danni.
Rimedji: il-mezzi li bihom qorti tinforza dritt, timponi piena jew toħroġ ordni tal-qorti oħra biex timponi r-rieda tagħha.

DOKUMENT EWLIENI

Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni ta’ konoxxenza u ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom (ĠU L 157, 15.6.2016, pp. 1–18)

l-aħħar aġġornament 22.11.2016

Fuq