EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Liġi tal-UE dwar it-trade marks (reġistrazzjonijiet nazzjonali)

Liġi tal-UE dwar it-trade marks (reġistrazzjonijiet nazzjonali)

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva (UE) 2015/2436 biex jiġu allinjati b’mod wiesa’ l-liġijiet tal-pajjiżi tal-UE relatati mat-trade marks

X’TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

  • L-għan tagħha huwa li tallinja l-liġijiet nazzjonali u r-regoli proċedurali tal-UE għar-reġistrazzjoni tat-trademarks.
  • Hija tifforma parti minn pakkett ta’ riformi flimkien mar-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja (UE). Il-pakkett huwa maħsub biex jagħmel is-sistemi ta’ reġistrazzjoni ta’ trade marks madwar l-UE aktar aċċessibbli u effiċjenti għan-negozji.

PUNTI EWLENIN

Din id-direttiva tistipula l-bażi għall-adozzjoni ta’ liġijiet nazzjonali għat-trade marks fir-rigward ta' oġġetti jew servizzi li huma:

  • is-suġġett ta' reġistrazzjoni bħala trade marks individwali, marki kollettivi*, marki ta' garanzija jew ta' ċertifikazzjoni f’pajjiż tal-UE, jew fl-Uffiċċju tal-Benelux għall-Proprjetà Intellettwali;
  • is-suġġett ta' reġistrazzjoni internazzjonali li jkollha effett f'pajjiż tal-UE.

Format

Trade mark tista’ tkun kwalunkwe sinjal li kapaċi jiġi rappreżentat b'mod grafiku (partikolarment kliem, inkluż ismijiet personali, jew disinji, ittri, ċifri, l-għamla ta' oġġetti jew l-imballaġġ tagħhom). Is-sinjal għandu jkun kapaċi jiddistingwi l-oġġetti jew is-servizzi ta' persuna jew kumpanija waħda minn oħra.

Raġunijiet għal rifjut

Trade mark tista’ tiġi rifjutata qabel ir-reġistrazzjoni, jew tista’ sussegwentement tiġi ddikjarata invalida, għal diversi raġunijiet, inkluż li:

  • ma jkollhiex natura distintiva;
  • tkun sempliċiment deskrittiva;
  • ikun fiha sinjali li huma konswetudinarji fil-lingwa kurrenti tal-kummerċ inkwistjoni;
  • tkun kuntrarja għall-prinċipji li jsejsu l-liġijiet u r-regolamenti kostituzzjonali jew il-prinċipji tal-moralità aċċettati;
  • tkun ta' tali natura li tqarraq bil-pubbliku, pereżempju, fir-rigward tan-natura, il-kwalità jew l-oriġini ġeografika tal-oġġetti jew tas-servizz.

Trade mark tiġi rifjutata wkoll, jew tista’ tiġi ddikjarata invalida, jekk hija tkun identika jew simili għal trade mark li kienet reġistrata qabel.

Drittijiet

  • Is-sid għandu dritt esklussiv għat-trade mark li tkun inħolqot.
  • Huma jistgħu jipprojbixxu lil kull min ikun milli juża sinjal li huwa identiku jew tant simili li jista’ jwassal għal riskju ta’ konfużjoni f’moħħ il-konsumatur.
  • Is-sid ma jistax jipprojbixxi l-użu tat-trade mark minn dawk li qed jaġixxu fl-andament tan-negozju tagħhom, fejn dawn li ġejjin għanhom ikunu indikati:
    • l-isem u l-indirizz ta' parti terza, meta din tal-aħħar tkun persuna fiżika;
    • il-karatteristiċi tal-oġġetti jew servizzi koperti mit-trade mark;
    • l-iskop intiż tal-oġġetti jew servizzi.

L-użu

  • Il-proprjetarju tat-trade mark għandu jagħmel użu ġenwin mit-trade mark fi żmien ħames snin mir-reġistrazzjoni tagħha.
  • L-użu interrott matul perjodu kontinwu ta' ħames snin għandu jissoġġetta t-trade mark għal sanzjonijiet għal nuqqas ta’ użu.

Proċedura tar-reġistrazzjoni

L-applikazzjonijiet għandu jkun fihom:

  • talba għal reġistrazzjoni;
  • Informazzjoni li tidentifika lill-applikant;
  • lista ta’ oġġetti u servizzi li għalihom hija meħtieġa r-reġistrazzjoni;
  • rappreżentazzjoni tat-trademark li tippermetti kemm lill-awtoritajiet kif ukoll lill-pubbliku jaċċertaw x’qed jiġi protett.

L-applikazzjoni hija soġġetta għal ħlas ta’ tariffa li għandha tiġi ddeterminata mill-pajjiż tal-UE kkonċernat.

Tul ta' validità u tiġdid

  • It-trade marks huma rreġistrati għal perijodu ta' 10 snin mid-data meta ssir l-applikazzjoni.
  • Huma jistgħu jiġġeddu għal perijodi ulterjuri ta' 10 snin fuq it-talba tas-sid meta titħallas tariffa ta’ tiġdid. Is-sid jiġi infurmat mill-uffiċċju tat-trade mark nazzjonali bl-iskadenza tat-trade mark tiegħu sitt xhur qabel dik id-data ta’ skadenza.

Din id-direttiva tħassar u tissostitwixxi d-Direttiva 2008/95/KE mill-14 ta’ Jannar 2019.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Hija tapplika mit-12 ta’ Jannar 2016. Il-pajjiżi tal-UE għandhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sal-14 ta’ Jannar 2019.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara “Il-protezzjoni tat-trade marks fl-UE” fuq il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea.

TERMINI EWLENIN

* Marki kollettivi: Meta ssir applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, huwa possibbli tindika trade mark bħala kollettiva. Assoċjazzjonijiet bħal manifatturi, produtturi jew fornituri ta’ servizzi jistgħu japplikaw għal marka bħal din.

ATT

Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2015 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 336, 23.12.2015, pp. 1-26)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva (UE) 2015/2436 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 16.06.2016

Fuq