EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Punti ta' riferiment affidabbli tal-prestazzjoni ambjentali

Punti ta' riferiment affidabbli tal-prestazzjoni ambjentali

Nibnu s-Suq Uniku għall-Prodotti Ekoloġiċi hija inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea sabiex issaħħaħ l-użu ta' prodotti ambjenti u ta' organizzazzjonijiet li jibżgħu għall-ambjent, b'żewġ metodi ġodda sabiex itejbu l-kejl u l-komunikazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali.

ATT

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Nibnu s-Suq Uniku għall-Prodotti Ekoloġiċi - Niffaċilitaw tagħrif aħjar dwar il-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti u tal-organizzazzjonijiet (COM(2013) 196 finali - mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali)

SOMMARJU

Prodotti ambjentali jagħmlu użu aktar effiċjenti mir-riżorsi u jikkawżaw inqas ħsara ambjentali, meta mqabbel ma' prodotti simili oħrajn. Huma wkoll ta' benefiċċju għas-soċjetà billi jżidu s-sodisfazzjon tal-konsumaturi, iħaddnu l-innovazzjoni u joħolqu impjiegi sostenibbli. Ekonomija tal-UE aktar effiċjenti fir-riżorsi tista' tiġġenera 2.8 miljun post tax-xogħol sal-2020.

Madwar id-dinja, is-suq għal prodotti u servizzi ambjentali huwa stmat li jlaħħaq l-€4.2 triljun. Madankollu, għalkemm l-UE għandha sehem ta' wieħed minn ħamsa ta' dak is-suq, il-prodotti ambjentali xorta għandhom jiffurmaw biss frazzjoni żgħira mis-suq intern tiegħu.

Il-Bini tas-Suq Uniku għall-Prodotti Ambjentali

Din l-inizjattiva timmira li żżid iċ-ċirkolazzjoni libera ta' prodotti ambjentali madwar l-UE billi tneħħi l-ostakoli potenzjali, b'mod partikolari n-nuqqas ta' definizzjoni komuni ta' prodotti u organizzazzjonijiet ambjentali. Ostakolu ulterjuri huwa l-ispiża għolja għal negozju sabiex jikkonforma mal-bosta skemi ta' tikkettar u ta' verifika differenti.

Hawnhekk, il-Kummissjoni Ewropea introduċiet żewġ metodi biex tneħħi l-ambigwità - biex ma nsemmgħux ix-xettiċiżmu tal-konsumatur - li spiss huwa assoċjat ma' hekk imsejħa prodotti ambjentali. Żviluppata fl-Ewropa tul dan l-aħħar deċennju, l-Impronta Ambjentali tal-Prodott (PEF - Product Environmental Footprint) u l-Impronta Ambjentali tal-Organizzazzjoni (OEF - Organisation Environmental Footprint) huma ddisinjati sabiex itejbu l-kejl u l-komunikazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti ambjentali.

Meta mqabbla mal-metodi eżistenti, il-PEF u l-OEF joffru bosta vantaġġi. Fost dawn hemm l-identifikazzjoni ċara tal-impatt ambjentali potenzjali li jeħtieġ valutazzjoni f'Valutazzjoni taċ-Ċiklu tal-Ħajja (LCA - Life Cycle Assessment) komprensiva, kif ukoll rekwiżiti tal-kwalità tad-dejta varji.

Iż-żewġ metodi huma akkompanjati minn Regoli tal-Kategorija (CR) li jippermettu tqabbil aktar faċli tal-prodotti jew setturi billi wieħed jiffoka fuq tlieta jew erba' impatti ambjentali biss. Pereżempju, il-PEFCR jista' jintuża biex joħloq deterġent rappreżentattiv wieħed. Il-manifatturi jistgħu mbagħad ikejlu l-prestazzjoni ambjentali ta' deterġenti li jkunu għadhom kif ġew żviluppati kontrih.

Komunikazzjoni aħjar

Apparti dawn iż-żewġ metodi, il-Kummissjoni tirrakkomanda li jintużaw il-prinċipji li ġejjin meta ssir komunikazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti u organizzazzjonijiet:

  • Trasparenza
  • Disponibilità u aċċessibilità
  • Affidabilità
  • Kompletezza
  • Komparabilità
  • Ċarezza

Il-Kummissjoni sejra tittestja u tivvalida dawn iż-żewġ metodi fuq tliet snin, filwaqt li tiżviluppa punti ta' referenza ambjentali għal kull wieħed minnhom. Sejra tħares ukoll lejn metodi alternattivi. Imbagħad, il-Kummissjoni sejra tivvaluta s-suċċess tal-użu tal-PEF u tal-OEF, kif ukoll punti ta' referenza relatati, bil-għan li jiġu żviluppati għodod jew standards ta' prestazzjoni ambjentali.

ATTI RELATATI

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea tal-20 ta' Settembru 2011 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Pjan Direzzjonali għal Ewropab'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi (COM(2011)571 finali - mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/179/UE dwar l-użu ta’ metodi komuni biex tiġi mkejla u kkomunikata l-prestazzjoni ambjentali tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti u l-organizzazzjonijiet (Ġurnal Uffiċjali L 124 tal-4.5.2013)

L-aħħar aġġornament: 05.02.2014

Fuq