Menu principal du site

ĠABRIET
IR-ROKNA TAL-PROFESSJONISTI
Dwar il-liġi tal-UE

Proċeduri u partijiet

Jekk jogħġbok innota li dan il-websajt attwalment qed jiġi rivedut biex jintwerew il-bidliet li seħħew minħabba t-Trattat ta' Liżbona.

1. Direttorju ta’ dokumenti

2. Il-proċeduri leġislattivi

3. L-atturi tas-sistema Komunitarja

1. Id-direttorju ta’ dokumenti

Id-direttorju ta’ dokumenti tas-sistema EUR-Lex jinkludi aktar minn 410 000 dokument. Jagħti aċċess multilingwali għal tipi diversi ta’ atti ġuridiċi, bħat-Trattati, il-Liġi sekondarja, il-Ftehim Internazzjonali, ix-xogħlijiet ta’ tħejjija, il-ġurisprudenza u l-mistoqsijiet Parlamentari.

It-Trattati li jiffurmaw il-« Liġi primarja » tal-Unjoni Ewropea, li hi komparabbli mal-Liġi Kostituzzjonali fuq livell nazzjonali. It-trattati jiddefinixxu l-elementi fundamentali tal-Unjoni u b’mod partikolari l-kompetenzi tal-atturi tas-sistema Komunitarja li jieħdu sehem fil-proċess deċiżjonali, il-proċeduri Leġislattivi, kif ukoll il-poteri mogħtija lilhom. Bħala trattati, huma jiġu nnegozjati b’mod dirett bejn l-Istati Membri u wara għandhom ikunu ratifikati skont il-proċeduri previsti fuq livell nazzjonali (b’mod partikolari mill-Parlamenti nazzjonali jew minn referendum).

Żewġ trattati fundamentali oħra, it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, is-sistema EUR-Lex tagħti aċċess għat-Trattat EURATOM, għat-Trattati ta’ sħubija u għal Trattati u Protokolli oħra.

Jixraq li jissemma b’mod separat: kien approvat mill-kapijiet ta’ Stat u tal-Gvern fit-18 ta’ Ġunju 2004, u ffirmat fid-29 ta’ Ottubru 2004, u jrid jiġi ratifikat mill-25 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea qabel jidħol fis-seħħ.

L-elementi essenzjali tat-Trattat Kostituzzjonali huma:

  • l-inklużjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fit-test tat-Trattat,
  • definizzjoni ġdida tal-Unjoni Ewropea li se tieħu post il-« Komunità Ewropea » u l-« Unjoni Ewropea »,
  • preżentazzjoni aktar ċara tal-qsim tal-kompetenzi tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha,
  • qafas istituzzjonali mġedded, li jiċċara r-rwoli rispettivi tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni ,
  • proċeduri deċiżjonali aktar effikaċji,
  • demokratizzazzjoni u trasparenza tas-sistema.

L-għan ewlieni tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (Trattat KE) hu dak li jwettaq integrazzjoni progressiva tal-Istati Ewropej u li jistabbilixxi suq komuni, ibbażat fuq l-erba’ libertajiet ta’ ċirkolazzjoni ħielsa (tal-oġġetti, tal-persuni, tal-kapital u tas-servizzi) u t-tqarrib progressiv tal-policies ekonomiċi. Biex dan isir, l-Istati Membri rrinunzjaw għal parti mis-sovranità tagħhom u taw lill-Istituzzjonijiet Komunitarja s-setgħa li jadottaw liġijiet direttament applikabbli fl-Istati Membri (Regolament, Direttiva, Deċiżjoni) u li jkunu aktar supremi mil-liġijiet nazzjonali.

It-Trattat KE attwali hu r-riżultat tal-modifiki li saru lit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea (Trattat KEE), iffirmat f’Ruma fl-1957 u li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1958. Dan kien emendat diversi drabi, b’mod partikolari mill-Att Uniku Ewropew li daħal fis-seħħ fl-1987, mit-Trattat ta’ Maastricht (mit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea), li daħal fis-seħħ fl-1993, mit-Trattat ta’ Amsterdam, li daħal fis-seħħ fl-1999 u mit-Trattat ta’ Nizza, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2003. Wara dawn il-modifiki, is-setturi li jiddependu mit-Trattat KE twessgħu u llum jinkludu kważi l-aspetti ekonomiċi kollha u xi aspetti strettament politiċi, bħad-drittijiet tar-refuġjati u l-immigrazzjoni (ara t-Trattat ta’ Amsterdam).

Verżjoni konsolidata tat-Trattat KE hi disponibbli f’EUR-Lex.

It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (Trattat UE) ifittex li jilħaq żewġ għanijiet prinċipali: it-twettiq ta’ unjoni monetarja permezz tal-istipulazzjoni tal-prinċipji u d-dispożizzjonijiet għat-tnedija tal-munita Euro u l-ħolqien ta’ Unjoni ekonomika u politika. Permezz ta’ dan it-Trattat tissemma kostruzzjoni fuq tliet Pilastri, fejn l-ewwel wieħed hu magħmul mill-Komunità Ewropea filwaqt li t-tnejn l-oħra mill-politika barranija u mis-sigurtà komuni u mill-kooperazzjoni ġudizzjarja u l-pulizija fil-qasam kriminali. Madankollu teżisti differenza kbira bejn l-ewwel Pilastru u t-tnejn l-oħra: dawn ma ħolqux it-trasferiment tas-sovranità favur l-Istituzzjonijiet Ewropej bħalma hu l-każ tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. L-Istati Membri xtaqu jżommu poter awtonomu ta’ deċiżjoni f’dawn l-oqsma, u jillimitaw irwieħhom għal kollaborazzjoni ta’ tip intergovernattiva. L-istrumenti ġuridiċi l-aktar importanti f’dawn l-oqsma huma l-azzjoni komuni, il-pożizzjoni komuni, id-Deċiżjoni Qafas li kważi dejjem huma adottati b’unanimità u jorbtu b’mod limitat. It-Trattat oriġinali tal-UE (Trattat ta’ Maastricht) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 1993 u aktar ‘il quddiem kien modifikat mit-Trattat ta’ Amsterdam li daħal fis-seħħ fl-1999 u mit-Trattat ta’ Nizza li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2003.

Verżjoni konsolidata tat-Trattat UE hi disponibbli fuq EUR-Lex.

Barra minn hekk għandu jinsaħaq li t-Trattat UE jibdel l-isem ta’ Komunità Ekonomika Ewropea (KEE) f’Komunità Ewropea (KE), iż-żewġ Komunitajiet l-oħra, il-KEFA (ara Trattat KEFA) u l-EURATOM (ara Trattat Euratom) jidħlu fl-ewwel waħda .

It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Trattat Euratom) kien iffirmat f’Ruma fil-25 ta’ Marzu 1957 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1958, fl-istess żmien bħat-Trattat KEE (ara Trattat KE)).

L-għan tat-Trattat Euratom kien dak li jikkoordina l-programmi ta’ riċerka diġà mnedija mill-Istati Membri jew dawk li kienu se jniedu, bil-għan li jsir użu paċifiku mill-enerġija nukleari. Sadanittant dan it-Trattat b’xi mod ġie assorbit mit-Trattat KE.

L-Unjoni Ewropea tkabbret sitt darbiet: mas-sitt membri fundaturi (il-Belġju, il-Ġermanja, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu u l-Olanda) ngħaqdu fl-1973 id-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit, fl-1981 il-Greċja, fl-1986 Spanja u l-Portugall, fl-1995 l-Awstrija, il-Finlandja u l-Iżvezja, fl-2004 r-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta il-Polonja, is-Slovakkja, is-Slovenja u fl-2007 il-Bulgarija u r-Rumanija.

It-Trattati ta’ Sħubija fihom il-kondizzjonijiet stipulati għall-adeżjoni tal-pajjiżi l-ġodda mal-Unjoni Ewropea u l-adattamenti meħtieġa tat-Trattati li fuqhom hi bbażata l-Unjoni Ewropea.

It-Trattat tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (Trattat KEFA) hu l-aktar wieħed antik fost it-tliet Trattati li jistabbilixxu l-Komunità Ewropea.

Kien iffirmat f’Pariġi fit-18 ta' April 1951, daħal fis-seħħ fit-23 ta’ Lulju 1952 u skada fit-23 ta’ Lulju 2002 peress li kien milħuq għal 50 sena biss.

L-għan tiegħu kien dak li jistabbilixxi suq komuni tal-faħam u l-azzar, formola li bil-mod il-mod twessgħet għal oqsma ekonomiċi oħra. L-oqsma tal-faħam u l-azzar bħalissa jaqgħu taħt ir-reġim tal-Liġi komuni tat-Trattat KE.

L-Att Uniku kien iffirmat fit-28 ta’ Frar 1986 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1987.

L-għan tiegħu kien il-ksib, mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1992, tas-suq intern Ewropew, jiġifieri ta’ żona fejn il-persuni, il-kapitali, l-assi u s-servizzi kellhom jiċċirkolaw liberament. Ġew introdotti xi proċeduri ad hoc fit-Trattat KE biex jintlaħaq dan l-għan.

It-Trattat ta’ Amsterdam kien iffirmat fit-2 ta’ Ottubru 1997 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 1999.

Żewġ modifiki li wieħed għandu jinnota:

It-Trattat ta’ Nizza ġie ffirmat fis-26 ta’ Frar 2001 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2003.

L-għan ta’ dan it-Trattat kien li jadatta l-funzjonament tal-Unjoni minħabba t-tkabbir tal-1 ta’ Mejju 2004. Fost il-modifiki li saru, jistgħu jissemmew:

  • il-modifika fil-proċess deċiżjonali
  • it-tnaqqis drastiku tal-każi li fihom il-Kunsill irid jiddeċiedi bil-maġġoranza assoluta; bħalissa l-Kunsill jista’ jiddeċiedi bil-maġġoranza kwalifikata f’diversi oqsma: ċirkolazzjoni ħielsa taċ-ċittadini, kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam ċivili, politika industrijali, eċċ;
  • il-modifika tal-bilanċ tal-voti fi ħdan il-Kunsill;
  • il-modifika tal-istruttura tal-Istituzzjonijiet
  • tqassim ġdid tas-siġġijiet fil-Parlament Ewropew,
  • Franza, il-Ġermanja, ir-Renju Unit, l-Italja u Spanja rrinunzjaw għat-tieni kummissarju li kellhom
  • it-tisħiħ tal-poteri tal-President tal-Kummissjoni Ewropea.
  • it-Trattat dwar Greenland (1984), milħuq biex jippermetti lil Greenland biex toħroġ mill-KEE fl-1985 u biex jingħatalha l-istat ta’ pajjiż u territorju Ewropew li ma jinsabx fil-Kontinent Ewropew;
  • it-Trattat ta’ Għaqda (1965), li stabbilixxa Kummissjoni u Kunsill uniku għat-tliet Komunitajiet Ewropej (il-Komunità tal-Faħam u l-Azzar, il-Komunità Ekonomika u l-Euratom); l-Artikolu 9 tat-Trattat ta’ Amsterdam irrevoka t-Trattat ta’ Għaqda u daħħal l-elementi essenzjali tiegħu fit-Trattat KE;
  • it-Trattat li jimmodifika xi dispożizzjonijiet finanzjarji (1975), li mmodifika xi Artikoli tat-tliet Trattati KEFA, KEE u Euratom; il-parti l-kbira ta’ dawn il-modifiki ġew immodifikati mill-ġdid minn Trattati li saru aktar ’il quddiem;
  • il-Protokoll dwar l-Antilli Olandiżi (1962), li ġab xi preċiżjonijiet lir-reġim ta’ skambju applikabbli għall-importazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea ta’ prodotti petroliferi raffinati fl-Antilli Olandiżi.

Il-Ftehim Internazzjonali huma t-tieni sors tal-Liġi tal-Unjoni Ewropea u jippermettu lill-Unjoni biex tiżviluppa r-relazzjonijiet ekonomiċi, soċjali u politiċi mal-bqija tad-dinja. Dawn il-ftehim jintlaħqu bejn entitajiet tal-liġi internazzjonali (Stati membri jew organizzazzjonijiet) li l-għan tagħhom hu li joħolqu kollaborazzjoni fuq livell internazzjonali. Il-ftehim milħuq mill-Unjoni Ewropea fi ħdan l-ewwel Pilastru jorbtu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lill-Istati Membri. Il-ftehim milħuq mill-Unjoni Ewropea fi ħdan it-tieni u t-tielet pilastru jorbtu lill-istituzzjonijiet iżda mhux dejjem jorbtu lill-Istati Membri (ara Paragrafu 1.3.5.7)

Fost dawk tal-ewwel jinstabu żewġ tipi ewlenin ta’ Ftehim:

Tali ftehim jista’ jintlaħaq kemm mill-Komunità, kif ukoll mill-Komunità flimkien mal-Istati Membri (Ftehim imħallat). Dan il-Ftehim jorbot il-Komunità u lill-Istati Membri u għalhekk huma jsiru responsabbli fuq livell internazzjonali. Hemm tliet tipi ta’ Ftehim:

  • Ftehim ta’ Assoċjazzjoni

L-assoċjazzjoni tikkonċerna l-kooperazzjoni ekonomika stretta, marbuta ma’ appoġġ finanzjarju wiesa’ mogħti mill-Komunità lill-imsieħeb tal-ftehim. Din il-kategorija tinkludi l-ftehim mal-pajjiżi u t-territorji li ma jinsabux fil-Kontinent Ewropew, il-ftehim maħsub biex iħejji sħubija u biex joħloq unjoni doganali, il-ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE).

  • Ftehim ta’ kooperazzjoni

Il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni m’għandhomx piż daqs il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, peress li huma maħsuba biss għal kooperazzjoni ekonomika intensiva. Tali ftehim jorbot lill-Komunità b’mod partikolari mal-Istati tal-Maghreb (l-Alġerija, il- Marokk u t-Tuneżija), l-Istati tal-Machrek (l-Eġittu, il-Ġordan, il-Libanu u s-Sirja) u Iżrael.

  • Ftehim Kummerċjali

Dawn huma ftehim magħmula fil-qasam tal-politika doganali u kummerċjali, milħuqa mal-pajjiżi terzi jew fil-qafas tal-organizzazzjonijiet kummerċjali internazzjonali. Il-ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) hu parti minn din il-kategorija.

Dawn huma atti ġuridiċi li jorbtu, milħuqa mill-Istati Membri biex isolvu kwistjonijiet li jew huma relatati mill-qrib mal-attivitajiet tal-Komunità, jew li l-kompetenza dwarhom ma tkunx ingħatat lill-Istituzzjonijiet Komunitarji, jew li jippermettu t-twessigħ tal-limiti territorjali tad-dispożizzjonijiet nazzjonali bil-għan li tinħoloq liġi uniformi fuq skala Komunitarja (per eżempju, ftehim fil-qasam tal-privattivi industrijali Komunitarji).

Il-« liġi sekondarja » hi t-tielet sors importanti tal-Liġi Komunitarja wara t-Trattati (Liġi primarja) u l-Ftehim Internazzjonali. Tista’ tkun definita bħala l-grupp tal-atti normattivi adottati mill-Istituzzjonijiet Ewropej bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati. Il-liġi sekondarja tinkludi l-Atti ġuridiċi li jorbtu (Regolamenti, Direttivi u Deċiżjonijiet) u li ma jorbtux (Riżoluzzjonijiet, Opinjonijiet) previsti fit-Trattat KE, iżda wkoll serje oħra ta’ atti, bħal, per eżempju, ir-Regolamenti Interni għall-Istituzzjonijiet, u l-programmi ta’ azzjoni Komunitarji.

L-istrumenti ġuridiċi tat-tieni u t-tielet Pilastri, li ma jiffurmawx parti mil-liġi sekondarja minħabba li jibqgħu jiddependu mir-relazzjonijiet intergovernattivi, ġew inklużi f’din il-kategorija minħabba raġunijiet ta’ dokumenti.

Adottat mill-Kunsill flimkien mal-Parlament jew mill-Kummissjoni weħidha, ir-Regolament hu att ġenerali u jorbot fl-intier tiegħu. B’differenza mid-Direttivi li huma indirizzati lill-Istati Membri u mid-Deċiżjonijiet li huma indirizzati lil destinatarji speċifiċi, ir-Regolament hu indirizzat lil kulħadd.

Hu direttament applikabbli, jiġifieri li hu jkollu immedjatament is-saħħa ta’ liġi fl-Istati Membri kollha, daqslikieku kien liġi nazzjonali, u mingħajr l-ebda ħtieġa oħra min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali.

Adottata mill-Kunsill flimkien mal-Parlament jew mill-Kummissjoni weħidha, id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri. L-għan ewlieni tagħha hu t-tqarrib tal-liġijiet.

Id-Direttiva torbot lill-Istati Membri rigward ir-riżultati mistenni, iżda tħallilhom l-għażla dwar il-forma u l-mezzi li jadottaw biex iwettqu l-għanijiet Komunitarji fil-qafas tal-ordni ġuridiku intern tagħhom.

Jekk id-Direttiva ma tiġix applikata fil-leġislazzjoni nazzjonali mill-Istati Membri, jew jekk din tiġi applikata b’mod mhux komplet jew tard, id-Direttiva konċernata xorta tista’ tiġi invokata direttament quddiem il-Qrati nazzjonali.

Adottata kemm mill-Kunsill, kif ukoll minn dan flimkien mal-Parlament Ewropew, inkella mill-Kummissjoni, id-Deċiżjoni hi l-att li dwaru l-Istituzzjonijiet Komunitarji jiddeċiedu dwar każi partikolari. Permezz ta’ Deċiżjoni, l-Istituzzjonijiet jistgħu jitolbu li Stat membru jew ċittadin tal-Unjoni jieħu azzjoni, jew ma jiħux azzjoni, jistgħu jagħtuh xi drittijiet jew jimponulu xi obbligi.

Id-Deċiżjoni hi

Ir-rakkomandazzjoni tippermetti lill-Istituzzjonijiet biex jesprimu rwieħhom, billi jagħtu suġġeriment ta’ mod ta’ tmexxija mingħajr ma joħolqu obbligu ġuridiku lid-destinatarji (l-Istati Membri, l-Istituzzjonijiet l-oħra, u f’ċerti każi, anke liċ-ċittadini tal-Unjoni).

L-Opinjoni hi att li tippermetti lill-Istituzzjonijiet biex jgħidu x’jaħsbu b’mod li ma jorbotx, jiġifieri mingħajr ma jimponu l-obbligu ġuridiku fuq id-destinatarji tagħhom. L-għan hu dak li tistipula l-ħsieb tal-Istituzzjoni dwar kwistjoni partikolari.

L-Azzjoni Komuni hi strument ġuridiku mnissel mit-titlu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Għalhekk hi ta’ tip intergovernattiv. Adottata mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea b’unanimità, jew, f’xi każi, bil-maġġoranza kwalifikata, l-Azzjoni Komuni torbot lill-Istati Membri li għandhom jilħqu l-għanijiet stipulati, ħlief f’każi ta’ diffikultà maġġuri.

Ara Deċiżjoni, Deċiżjoni Qafas u Azzjoni Komuni (Kooperazzjoni ġudizzjarja u bejn il-Pulizija fil-qasam kriminali)

Id-Deċiżjoni u d-Deċiżjoni Qafas jieħdu post, mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, l-Azzjoni Komuni fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u bejn il-Pulizija fil-qasam kriminali. Dawn huma strumenti ġuridiċi tat-titlu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li huma ta’ tip intergovernattiv. Id-Deċiżjoni u d-Deċiżjoni Qafas huma adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea b’unanimità fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew ta’ Stat membru.

Il-pożizzjoni komuni fil-qasam tal-politika barranija u tas-sigurtà komuni u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u bejn il-Pulizija fil-qasam kriminali hi strument ġuridiku tat-titli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Hi ta’ tip intergovernattiv. Adottata b’unanimità mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, hi tiddefinixxi l-istrateġija tal-Unjoni dwar kwistjonijiet speċifiċi tal-politika barranija u sigurtà komuni u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u bejn il-Pulizija fil-qasam kriminali u tagħti orjentazzjoni għat-twettiq tal-politika nazzjonali f’dawn l-oqsma.

Hi strument ġuridiku tat-titli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li ma kienx previst mit-Trattat ta’ Maastricht. Rigward it-tieni u t-tielet Pilastru, kien hemm bażi ġuridika biex jintlaħqu Ftehim Internazzjonali. It-Trattat ta’ Amsterdam, biex jevita li kull ftehim iffirmat mill-Kunsill irid jintlaħaq formalment mill-Istati Membri, ippreveda l-possibilità li l-Kunsill jawtorizza lill-presidenza biex tibda n-negozjati meta jkun meħtieġ.

Il-Ftehim jorbtu lill-Istituzzjonijiet tal-Unjoni, iżda mhux lill-Istati Membri fejn in-normi kostituzzjonali jipprevedu regoli partikolari għall-konklużjoni tagħhom. F’dawn il-każi, l-Istati Membri l-oħra fi ħdan il-Kunsill jistgħu jaqblu li l-ftehim ikun applikabbli għallinqas b’mod proviżorju.

Il-konsolidazzjoni tal-liġijiet tikkonsisti fl-integrazzjoni f’test uniku, iżda li ma jkollhiex is-saħħa ta’ liġi, ta’ att bażilari (Trattat jew Leġislazzjoni Komunitarja) flimkien mal-modifiki li jsirulu aktar ‘il quddiem. Verżjoni konsolidata tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tinsab fuq EUR-Lex.

Il-Liġi sekondarja fis-seħħ kienet ikkonsolidata u tinsab fuq EUR-Lex. Dawn it-testijiet għandhom valur dokumentali u l-istituzzjonijiet ma jieħdu l-ebda responsabilità dwar il-kontenut tagħhom.

Fuq il-bażi tat-testijiet konsolidati, il-Kummissjoni tista’ tieħu l-inizjattiva ta’ kodifikazzjoni jew ta’ kitba mill-ġdid. Il-kodifikazzjoni tadatta t-test konsolidat mibdul fil-qafas ta’ proċedura leġislattiva. Għalhekk it-test il-ġdid ikun ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali bħala att leġislattiv, u jkollu s-saħħa ta’ liġi.

Il-Kummissjoni tista’ wkoll tikteb it-test mill-ġdid jekk tqis li hemm bżonn ta’ reviżjoni fil-fond ta’ xi Regolament f’qasam partikolari. Għalhekk hi tniedi proċedura leġislattiva ġdida.

Ix-xogħlijiet ta’ tħejjija jinkludu l-atti maħruġa mill-istituzzjonijiet fil-qafas ta’ proċedura leġislattiva. Din il-kategorija tinkludi wkoll id-dokumenti ta’ natura ġenerali. L-atti ewlenin meqjusa bħala li jiffurmaw parti mix-xogħlijiet ta’ tħejjija huma spjegati kif ġej.

Il-Kummissjoni għandha kważi monopolju tal-inizjattiva tal-Atti Komunitarji (Direttivi, Regolamenti, Deċiżjonijiet jew Ftehim Internazzjonali), ħlief jekk hi tikkondividi dak id-dritt mal-Istati Membri (ara Inizjattivi tal-Istati Membri) jew il-Bank Ċentrali Ewropew. It-Trattati kważi dejjem jimponu lill-Kunsill biex jagħti l-fehmiet tiegħu dwar il-proposti tal-Kummissjoni. Madankollu, il-Kunsill, bħall-Parlament, jista’ jistieden lill-Kummissjoni biex tħejji proposta.

Matul il-proċedura l-Kummissjoni tista’ timmodifika, jew jekk tqis li hu meħtieġ, tirtira l-proposta tagħha.

Il-Kummissjoni tintervjeni mill-ġdid fil-fażi ulterjuri tal-proċedura leġislattiva. Fil-fatt, ladarba l-proposta tal-Kummissjoni tintbagħat lill-Parlament u lill-Kunsill, it-tieni inċiż tal-Artikolu 251(2)(ċ) jipprevedi li, jekk il-Parlament jipproponi xi emendi għal pożizzjoni komuni deċiża mill-Kunsill, it-test emendat jintbagħat lill-Kunsill u lill-Kummissjoni li jagħtu opinjoni dwar l-emendi. Jekk il-Kummissjoni ma taqbilx mal-emendi proposti mill-Parlament, il-Kunsill għandu jiddeċiedi b’unanimità; jekk hi taqbel, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata.

It-Trattat ta’ Amsterdam jipprevedi dritt għal inizjattiva għall-Istati Membri fil-qasam tar-refuġju u l-immigrazzjoni. Għal perjodu ta’ ħames snin, l-inizjattiva leġislattiva kienet ukoll kondiviża bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, fejn dawn it-tnejn setgħu iressqu xi proposti, indipendentement wieħed mill-ieħor. Peress li l-perjodu transitorju ta’ ħames snin skada fl-1 ta’ Mejju 2004, l-Istati Membri ma baqgħux igawdu minn dan id-dritt ta’ inizjattiva ħlief għat-tieni u t-tielet Pilastri, jiġifieri fl-oqsma tal-politika barranija u tas-sigurtà komuni u l-kooperazzjoni ġudizzjarja u bejn il-Pulizija fil-qasam kriminali.

Il-pożizzjoni komuni hi att adottat bil-maġġoranza kwalifikata mill-Istati Membri fi ħdan il-Kunsill fil-qafas ta’ proċedura leġislattiva, li fiha l-Kunsill jikkondividi l-poter ta’ deċiżjoni tiegħu mal-Parlament Ewropew (Proċedura ta’ Kooperazzjoni jew Proċedura ta’ Ko-Deċiżjoni). Hi tittraduċi l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar il-proposta tal-Kummissjoni fid-dawl tal-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (ara Riżoluzzjoni Leġislattiva tal-Parlament) kif ukoll xi Opinjonijiet ta’ Istituzzjonijiet u Organi oħra li ħadu sehem fil-proċedura (Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, Il-Kumitat tar-Reġjuni, Il-Bank Ċentrali Ewropew, Il-Qorti tal-Awdituri).

Il-Parlament jintervjeni diversi drabi fl-istess proċedura leġislattiva (Proċedura ta’ Kooperazzjoni u Proċedura ta’ Ko-Deċiżjoni): id-dokumenti adottati mill-Parlament f’kull fażi tal-proċedura ġeneralment ikunu riżoluzzjonijiet u jistgħu jinkludu tipi differenti ta’ atti bħal Opinjonijiet jew emendi għall-pożizzjoni Komuni tal-Kunsill. Il-proċeduri leġislattivi huma mogħtija, skont is-suġġett meqjus, lil kummissjoni Parlamentari li tħejji rapport li jinkludi abbozz ta’ riżoluzzjoni biex din tiġi adottata mill-Assemblea Ġenerali.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni joħorġu opinjonijiet tekniċi dwar il-kwistjonijiet li jikkonċernaw il-qasam reġjonali u l-qasam ekonomiku u soċjali rispettivament. L-Opinjonijiet jinħarġu fuq inizjattiva tagħhom stess, inkella fuq talba tal-Parlament, tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni u huma meħtieġa biex jorjentaw l-istituzzjonijiet fl-attività leġislattiva tagħhom. Għalkemm il-konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u mal-Kumitat tar-Reġjuni hi obbligatorja, l-Opinjonijiet tagħhom ma jorbtux legalment.

Il-parti l-kbira tal-Komunikati tal-Kummissjoni (Dokumenti COM) huma Proposti Leġislattivi. Fost id-Dokumenti COM l-oħra, dawk l-aktar importanti huma:

Ir-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri jippreżenta l-osservazzjonijiet tal-Qorti dwar il-ġestjoni tal-finanzi Komunitarji. Hu jintbagħat lill-Istituzzjonijiet Komunitarji u jkun ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali. Ir-rapport jisħaq il-punti li jistgħu, jew hu mixtieq, li jittejbu. Wara l-Istituzzjonijiet jagħtu r-risposti tagħhom għall-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri.

Il-Ġurisprudenza hi magħmula mid-Deċiżjonijiet meħuda mill-organi li għandhom setgħa ġuridika. Il-Qorti tal-Ġustizzja u t-Tribunal tal-Prim’ Istanza tal-Komunitajiet Ewropej huma l-istituzzjonijiet ġurisdizzjonali tal-Unjoni Ewropea. Il-Qorti għandha d-dmir tassigura r-rispett tal-Liġi Komunitarja fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-Trattati kostituttivi. Fl-attività tagħha l-Qorti hi megħjuna minn Avukati Ġenerali li jagħtu l-konklużjonijiet tagħhom.

Il-Qorti u t-Tribunal joħorġu sentenzi li huma deċiżjonijiet li jtemmu proċedura kontroversjali.

Ma jista’ jsir l-ebda appell mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Jista’ jsir appell mis-sentenzi tat-Tribunal tal-Prim’ Istanza quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni jew Stat Membru jistgħu jilqgħu l-Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq bażi tal-kompatibilità, mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE, ta’ Ftehim bejn il-Komunità u l-pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali. Il-Ftehim li dwaru tagħti Opinjoni negattiva l-Qorti tal-Ġustizzja ma jistax jidħol fis-seħħ ħlief bil-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 48 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (proċedura ta’ modifika tat-Trattati).

Il-Qorti u t-Tribunal jieħdu deċiżjonijiet dwar diversi każi, previsti mir-regolamenti tal-proċedura, iżda li jistgħu jkunu kklassifikati fi tliet gruppi:

  • Kwistjonijiet proċedurali (per eżempju, l-atti li għalihom jinżammu l-provi, is-separazzjoni, l-għaqda jew l-aġġornament tal-każ).
  • Deċiżjonijiet sommarji mingħajr eżami dettaljata (per eżempju f’każ ta’ fejn il-każ ma jkunx jista’ jintlaqa’ jew fejn l-Imħallef ma jkunx kompetenti).
  • Sentenzi fil-mertu; xi drabi sentenzi simplifikati jintużaw meta l-każ ikun identiku għal każi oħra li fihom tkun diġà ngħatat sentenza.

Id-digrieti jistgħu jiġu modifikati u revokati.

L-Avukati Ġenerali għandhom id-dmir jassistu l-Qorti fit-twettiq tal-missjoni tagħha. Huma jippreżentaw pubblikament, b’mod imparzjali u indipendenti għal kollox, xi konklużjonijiet u l-motivazzjonijiet tagħhom dwar il-każi mressqa quddiem il-Qorti. Fil-konklużjonijiet tiegħu, l-Avukat Ġenerali jipproponi wkoll soluzzjoni għall-każ. Dawn il-konklużjonijiet ma jorbtux lill-imħallfin. Huma parti integrali mill-proċedura orali u huma ppubblikati flimkien mas-sentenza fil-Ġabra tal-Ġurisprudenza.

Għall-membri tal-Parlament, il-mistoqsijiet Parlamentari huma mezz ta’ kontroll tal-attivitajiet tal-Kummissjoni u tal-Kunsill. Kull membru tal-Parlament jista’ jressaq lill-Kunsill u lill-Kummissjoni xi

  • mistoqsijiet bil-miktub (b’talba għal risposta bil-miktub),
  • mistoqsijiet orali (magħmula matul is-sessjoni) u
  • il-mistoqsijiet matul is-siegħa tal-mistoqsijiet (il-perjodu riservat għall-mistoqsijiet matul kull sessjoni tal-Parlament).

Dawn il-mistoqsijiet huma mezz ta’ kontroll użat spiss. Il-mistoqsijiet bil-miktub u r-risposti tagħhom huma ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali, serje Ċ. Huma jiddaħħlu f’EUR-Lex.

2. Proċeduri Leġislattivi

Bil-kontra tas-sistemi nazzjonali li fihom il-volontà nazzjonali timmanifesta ruħha permezz tal-Parlament, l-Unjoni Ewropea tagħti rwol leġislattiv importanti lir-rappreżentanti tal-Istati Membri fi ħdan il-Kunsill. Matul l-evoluzzjoni istituzzjonali, seħħ żvilupp fil-kompetenza tal-Parlament: sal-lum il-Kunsill jikkondividi l-kompetenzi leġislattivi tiegħu mal-Parlament għall-adozzjoni tal-atti legali ġenerali li jorbtu (Regolament u Direttiva). Il-proċeduri deċiżjonali huma proċeduri ta’ Konsultazzjoni, Kooperazzjoni, Ko-Deċiżjoni u Approvazzjoni.

Il-proċedura tal-Approvazzjoni kienet introdotta mill-Att Uniku Ewropew u tagħti lill-Parlament l-opportunità li jesprimi l-qbil jew in-nuqqas ta’ qbil tiegħu dwar l-approvazzjoni ta’ xi Atti tal-Kunsill. Il-Kunsill ma jistax jieħu deċiżjonijiet f’ċerti oqsma jekk il-Parlament, bil-maġġoranza assoluta tal-membri tiegħu, ma jesprimix qbil. Il-proċedura tal-Approvazzjoni, li tirrappreżenta kważi d-dritt ta’ veto tal-Parlament, fil-bidu kienet prevista biss għall-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u għall-eżaminazzjoni tat-talbiet ta’ sħubija mal-Komunità Ewropea. L-oqsma li fihom illum tapplika l-proċedura tal-Approvazzjoni huma dawn li ġejjin:

Il-Proċedura ta’ Ko-Deċiżjoni, introdotta mit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kienet intiża bħala estensjoni tal-Proċedura ta’ Kooperazzjoni. Iżda filwaqt li f’din tal-aħħar il-Kunsill jista’, b’unanimità, jeskludi l-opinjoni tal-Parlament, il-proċedura ta’ Ko-Deċiżjoni ma tipprevedix din il-possibilità: f’każ ta’ nuqqas ta’ ftehim, kumitat ta’ konċiljazzjoni iffurmat minn rappreżentanti tal-Kunsill u tal-Parlament għandu jwassal għal test aċċettat miż-żewġ istituzzjonijiet. Għalhekk il-proċedura ta’ Ko-Deċiżjoni tpoġġi liż-żewġ isituzzjonijiet fuq l-istess livell fir-rwol leġislattiv tagħhom. Fil-qafas ta’ din il-proċedura, il-Kunsill ma jistax jadotta pożizzjoni komuni f’każ ta’ falliment tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni mal-Parlament. Fin-nuqqas ta’ ftehim, hemm riskju li l-proċess leġislattiv jitwaqqaf.

Il-Ko-Deċiżjoni saret l-aktar proċedura importanti fil-prattika leġislattiva.

Hi tikkonċerna l-oqsma li ġejjin:

Il-Proċedura ta’ Kooperazzjoni kienet introdotta mill-Att Uniku Ewropew biex tkabbar ir-rwol tal-Parlament Ewropew meta mqabbla mal-Proċedura tal-Konsultazzjoni. Il-Parlament jista’ jimmodifika l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill iżda, b’differenza mill-Proċedura ta’ Ko-Deċiżjoni, id-Deċiżjoni finali joħodha l-Kunsill waħdu.

Il-Proċedura ta’ Kooperazzjoni tapplika biss għall-oqsma li ġejjin:

Mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, l-oqsma li qabel kienu jgħaddu minn din il-proċedura, illum jaqgħu taħt il-Proċedura ta’ Ko-Deċiżjoni.

Mill-introduzzjoni tal-Proċedura ta’ Kooperazzjoni u tal-Proċedura ta’ Ko-Deċiżjoni, il-Proċedura ta’ Konsultazzjoni kompliet titlef l-importanza tagħha. Il-Proċedura ta’ Konsultazzjoni hi kkaratterizzata minn tqassim tad-dmirijiet bejn il-Kummissjoni u l-Kunsill, fil-qosor: il-Kummissjoni tipproponi, il-Kunsill jiddisponi. Madankollu, qabel ma l-Kunsill jieħu deċiżjoni, hemm bżonn ta’ diversi stadji, li matulhom, minbarra l-Kummissjoni u l-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni wkoll jistgħu jgħidu x’jaħsbu, skont dak li jkun diskuss fir-Regolament.

Il-Proċedura ta’ Konsultazzjoni m’għadhiex tgħodd ħlief għall-każi li mhumiex sottomessi direttament għall-Proċedura ta’ Kooperazzjoni jew Ko-Deċiżjoni.

3. L-atturi tas-sistema Komunitarja

Il-Parlament Ewropew hu magħmul minn 732 rappreżentant taċ-ċittadini tal-Istati Membri, eletti b’vot popolari għal perjodu ta’ ħames snin. In-numru tar-rappreżentanti eletti f’kull Stat membru hu differenti, skont il-popolazzjoni. Il-membri ma jitqassmux skont id-delegazzjoni nazzjonali, iżda jingħaqdu ma’ gruppi transnazzjonali skont it-twemmin politiku tagħhom.

Il-membri tal-Parlament huma maqsuma f’diversi kummissjonijiet u delegazzjonijiet speċjalizzati. Ir-rapporti mħejjija mill-Kummissjonijiet Parlamentari huma mressqa għall-adozzjoni fis-Sessjoni Plenarja. Din hi ddedikata wkoll għall-mistoqsijiet lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, għad-dibattiti ta’ urġenza u għad-dikjarazzjonijiet tal-Presidenza. Is-Sessjonijiet Plenarji huma pubbliċi.

Il-Parlament jieħu sehem fit-tħejjija tal-atti leġislattivi Komunitarji f’diversi livelli, skont il-qasam partikolari: hu jista’ jissejjaħ biex jagħti opinjonijiet li ma jorbtux (proċedura ta’ konsultazzjoni) jew li jorbtu (Proċedura ta’ Approvazzjoni); jista’ jimponi lill-Kunsill biex jaċċetta l-emendi għall-proposti tal-Kummissjoni adottati bil-maġġoranza assoluta u kkontrollati mill-Kummissjoni (Proċedura ta’ Kooperazzjoni); fl-aħħar, b’mod aktar frekwenti, it-testijiet leġislattivi huma adottati bi qbil komuni bejn il-Parlament u l-Kunsill, filwaqt li l-qbil tal-Parlament dwar it-test hu indispensabbli għall-adozzjoni tiegħu (Proċedura ta’ Ko-Deċiżjoni).

Il-Parlament jaqsam is-setgħa baġitarja mal-Kunsill u jiddeċiedi l-aħħar rigward l-ispejjeż mhux obbligatorji. Hu jiddeċiedi definittivament il-baġit, jikkontrolla t-twettiq tiegħu u jista’ jħassar it-twettiq tiegħu.

Il-Kummissjoni hi politikament responsabbli quddiem il-Parlament. In-nomina ta’ President u tal-membri tal-Kummissjoni tiġi approvata minn qabel mill-Parlament Ewropew. L-adozzjoni mill-Parlament Ewropew ta’ mozzjoni ta’ ċensura dwar il-ġestjoni tal-Kummissjoni tinvolvi r-riżenja immedjata tal-membri kollha tagħha.

Fuq il-pjan aktar ġenerali, il-Parlament jeżerċita l-kontroll tiegħu billi jeżamina b’mod regolari r-rapporti li tibgħatlu l-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-Parlamentari spiss jibagħtu xi mistoqsijiet bil-miktub jew oralment lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.

Il-Parlament għandu wkoll is-setgħa li joħloq kummissjonijiet ta’ stħarriġ temporanju biex jikkontrollaw allegazzjonijiet ta’ ksur jew applikazzjoni żbaljata tal-Liġi Komunitarja.

Fil-qasam tal-politika barranija, tas-sigurtà komuni u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u bejn il-Pulizija, il-Parlament għandu jkun mgħarraf b’mod regolari u jista’ jressaq xi mistoqsijiet jew rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill. Hu jkun ikkonsultat dwar l-aspetti prinċipali u l-għażliet fundamentali fil-qasam tal-politika barranija u tas-sigurtà komuni u dwar il-miżuri kollha maħsuba, minbarra l-pożizzjonijiet komuni fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u bejn il-Pulizija.

Il-Parlament jeżamina l-petizzjonijiet mibgħuta lilu miċ-ċittadini tal-Unjoni, dwar suġġetti li jaqgħu taħt l-oqsma ta’ attività fil-Komunità.

Il-Parlament Ewropew jaħtar il-Medjatur Ewropew, biex jilqa’ l-ilmenti rigward każi ta’ amministrazzjoni ħażina fl-azzjoni tal-Istituzzjonijiet jew l-organi Komunitarji.

Biex issir taf aktar, żur is-sit tal-Parlament Ewropew (http://www.europarl.europa.eu).

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea hu magħmul minn rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri. Il-kompożizzjoni tiegħu tinbidel skont l-oqsma li jkunu jinsabu fuq l-aġenda, fejn kull Stat ikun irrappreżentat minn membru tal-Gvern responsabbli mill-qasam partikolari (Affarijiet barranin, Finanzi, Affarijiet Soċjali, Trasport, Biedja eċċ)./p>

Ix-xogħlijiet tal-Kunsill huma mħejjija minn kumitat magħmul minn rappreżentanti permanenti tal-Istati Membri (Coreper); dan il-kumitat hu megħjun minn diversi gruppi ta’ xogħol magħmula minn funzjonarji tal-amministrazzjonijiet nazzjonali.

Il-Presidenza tal-Kunsill tmiss lil kull Stat membru skont l-ordni stipulat mill-Kunsill u ttul sitt xhur. Il-Presidenza hi megħjuna mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, li jħejji u jassigura li x-xogħlijiet isiru kif xieraq. Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill hu wkoll ir-Rappreżentant Għoli għall-politika barranija u s-sigurtà komuni.

Fin-nuqqas ta’ dan, id-deliberazzjonijiet tal-Kunsill huma miksuba bil-maġġoranza tal-membri li jiffurmawh. It-trattat jimponi l-unanimità f’numru żgħir ta’ sitwazzjonijiet. Fil-parti l-kbira tal-każi, il-Kunsill jiddelibera bil-maġġoranza kwalifikata: biex tkun adottata, proposta għandha tilqa’ numru minimu ta’ voti. Kull Stat għandu numru determinat ta’ voti skont il-popolazzjoni tiegħu.

Il-Kunsill għandu sitt responsabilitajiet fundamentali:

  • fuq il-bażi tal-proposti ppreżentati mill-Kummissjoni, il-Kunsill jadotta l-Leġiżlazzjoni Komunitarja f’għadd ta’ oqsma; il-Kunsill jieħu d-deċiżjonijiet flimkien mal-Parlament Ewropew;
  • jieħu ħsieb il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika ġenerali ta’ kull Stat Membru;
  • f’isem il-Komunità Ewropea jikkonkludi l-Ftehim Internazzjonali bejn il-Komunità u stat jew stati oħra jew organizzazzjonijiet internazzjonali;
  • jistabbilixxi l-baġit tal-Unjoni Ewropea flimkien mal-Parlament Ewropew;
  • jiddefinixxi politika barranija u ta’ sigurtà komuni tal-Unjoni Ewropea fuq il-bażi tal-linjigwida deċiżi mill-Kunsill Ewropew;
  • jikkoordina l-kooperazzjoni bejn l-entitajiet ġudizzjarji u l-forzi tal-Pulizija nazzjonali fil-qasam kriminali.

Biex issir taf aktar, żur is-sit tal-Kunsill (http://www.consilium.europa.eu).

Il-Kummissjoni hi magħmula minn 27 membru (wieħed għal kull Stat membru), magħżula skont il-kompetenzi ġenerali tagħhom u li joffru garanzija ta’ indipendenza. Il-membri tal-Kummissjoni huma maħtura mill-Kunsill wara approvazzjoni mill-Parlament Ewropew, għal perjodu ta’ ħames snin.

Il-President tal-Kummissjoni hu magħżul mill-Kunsill miġbur fuq livell ta’ kapijiet ta’ Stat u tal-gvern; din l-għażla tkun approvata mill-Parlament Ewropew.

Il-Kummissjoni hi maqsuma f’direzzjonijiet ġenerali, kull waħda responsabbli għal attività partikolari.

Il-Kummissjoni Ewropea teżerċita erba’ funzjonijiet essenzjali.

Hi għandha monopolju kważi sħiħ fejn tidħol l-inizjattiva leġislattiva: il-Kummissjoni hi responsabbli mit-tħejjija tal-proposti tal-atti leġislattivi ġodda, li hi tibgħat lill-Parlament u lill-Kunsill. Barra minn hekk hi tieħu sehem attiv fl-istadji li jsegwu l-proċeduri leġislattivi.

Twettaq il-politika u l-baġit tal-Unjoni: il-Kummissjoni tieħu ħsieb il-ġestjoni u l-applikazzjoni tal-baġit tal-Unjoni; hi twettaq il-politika u l-programmi adottati mill-Parlament u mill-Kunsill.

Hi l-gwardjan tat-Trattati: il-Kummissjoni tissorvelja l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi Komunitarja mill-persuni individwali, mill-Istati Membri u minn Istituzzjonijiet oħra. Matul it-twettiq tal-kompetenzi tagħha, il-Kummissjoni tista’ timponi wkoll xi sanzjonijiet lil xi ċittadini jew intrapriżi għal ksur tal-Liġi Komunitarja. Hi tista’ tibda proċeduri ta’ ksur tal-liġi fil-konfront tal-Istati Membri, fejn hi tistieden lill-Istati Membri biex jirmedjaw għal sitwazzjoni fi żmien stipulat. Fl-aħħar il-Kummissjoni tista’ tressaq rikorsi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minħabba ksur tal-Liġi Komunitarja mill-Istati Membri jew mill-Istituzzjonijiet l-oħra.

Tirrappreżenta lill-Komunità: il-Kummissjoni tmexxi, f’isem il-Komunitajiet, in-negozjati bil-għan li jintlaħaq Ftehim Internazzjonali mal-pajjiżi terzi u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, flimkien mal-kumitati speċjali magħżula mill-Kunsill u fil-qafas tad-direttivi stabbiliti mill-Kunsill.

Biex issir taf aktar, żur is-sit tal-Kummissjoni (http://ec.europa.eu).

Il-Qorti hi magħmula minn 27 imħallef u 8 avukati ġenerali, magħżula bi qbil komuni mill-gvernijiet tal-Istati Membri, għal perijodu ta’ sitt snin li jista’ jiġġedded.

Huma jingħażlu fost l-imħallfin li joffru l-garanziji ta’ indipendenza u li jgawdu mill-kapaċitajiet meħtieġa għat-twettiq, fil-pajjiżi rispettivi tagħhom, tal-għola karigi gudizzjarji, jew li għandhom kompetenzi simili.

L-avukati ġenerali jassistu lill-Qorti u jgħinuha fit-twettiq tal-missjoni tagħha. Huma għandhom jippreżentaw, b’mod pubbliku, għal kollox imparzjali u indipendenti, il-konklużjonijiet tagħhom flimkien mar-raġunijiet li fuqhom huma bbażati, dwar il-kwistjonijiet li dwarhom ġew mitluba jintervjenu. Il-funzjoni tagħhom m’għandhiex titfixkel ma’ dik ta’ prosekutur jew ma’ xi funzjoni ekwivalenti oħra.

It-Tribunal tal-Prim’Istanza għandu mill-inqas imħallef għal kull Stat membru. L-imħallfin huma nnominati bi qbil komuni għal perjodu ta’ sitt snin mill-gvernijiet ta’ Stat u magħżula fost il-persuni li joffru garanziji ta’ indipendenza u li għandhom il-kapaċità meħtieġa għall-eżerċizzju tal-għola dmirijiet ġurisdizzjonali.

Barra minn hekk it-Trattat ta’ Nizza jipprevedi l-possibilità ta’ ħolqien ta’ sezzjonijiet ġurisdizzjonali miżjuda mat-Tribunal tal-Prim’Istanza, li jiffurmaw qrati speċjalizzati f’oqsma speċifiċi.

Il-Qorti tal-Ġustizzja u t-Tribunal tal-Prim’Istanza huma responsabbli mit-twettiq tal-Liġi fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-Trattati Kostituttivi tal-Komunitajiet Ewropej, kif ukoll tad-dispożizzjonijiet miġjuba fis-seħħ mill-Istituzzjonijiet Komunitarji Ewropej.

Il-Qorti u t-Tribunal jeżerċitaw kompetenzi ġurisdizzjonali fil-qafas ta’ diversi tipi ta’ rikorsi:

rikors dwar ksur (magħmul fil-konfront tal-Istati Membri fil-każ ta’ ksur tal-obbligi imposti fuqhom fil-qafas tat-Trattati),

  • rikors għall-annullament (ta’ atti tal-Istituzzjonijiet Komunitarji),
  • rikors dwar nuqqas (fil-konfront ta’ Istituzzjoni Komunitarja f’każ ta’ nuqqas ta’ azzjoni min-naħa ta’ din tal-aħħar),
  • rikors għad-danni (li jwassal għall-ħlas tad-danni kkawżati minn att jew minn astensjoni illegali ta’ Istituzzjoni Komunitarja),
  • rikors dwar responsabbiltà kuntrattwali (diżgwid dwar il-kuntratti regolati mil-liġi pubblika jew privata li jikkonċernaw il-Komunità),
  • rikors dwar il-funzjoni pubblika (diżgwid bejn il-Komunità u l-uffiċjali jew l-aġenti tagħha),
  • ir-rinviju preliminari (fuq talba tal-qrati tal-Istati Membri, il-Qorti jew it-Tribunal jiddeċiedu dwar l-interpretazzjoni tal-Liġi Komunitarja jew dwar il-validità tal-atti meħuda mill-Istituzzjonijiet u mill-Bank Ċentrali Ewropew).

Il-Qorti tilqa’ rikorsi u azzjonijiet imressqa mill-Istituzzjonijiet Komunitarji jew mill-Istati Membri fil-konfront ta’ atti ta’ isitituzzjonijiet jew imġieba illegali tal-Istati Membri. Il-Qorti hi kompetenti biex tiddeċiedi r-rinviji preliminari, ħlief f’oqsma speċifiċi li jaqgħu taħt il-kompetenza tat-Tribunal. It-Tribunal jittratta r-rikorsi mressqa mill-persuni fiżiċi u ġuridiċi fil-konfront ta’ deċiżjonijiet tal-Istituzzjonijiet Komunitarji. Id-deċiżjonijiet tat-Tribunal jistgħu jiġu appellati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, iżda fuq punt ta’ liġi biss.

Biex issir taf aktar, żur is-sit tal-Qorti tal-Ġustizzja (http://curia.europa.eu).

Il-Qorti tal-Awdituri hi magħmula minn ċittadin ta’ kull Stat membru, magħżula fost il-persuni li f’pajjiżhom ikunu jiffurmaw parti minn istituzzjonijiet ta’ kontroll estern, jew li jkollhom kwalifikazzjoni partikolari għal dan ix-xogħol u li joffru l-garanziji xierqa ta’ indipendenza. Il-membri tal-Qorti tal-Awdituri huma nominati mill-Kunsill, li jiddeċiedi bil-maġġoranza kwalifikata, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, għal perjodu ta’ sitt snin.

Il-missjoni tal-Qorti tal-Awdituri hi dik li tivverifika l-kontijiet kollha tal-irċevuti u l-ispejjeż tal-Komunità u kull organu Komunitarju, bil-għan li tiggarantixxi l-konformità tal-ispejjeż tal-Unjoni mar-regoli u r-Regolamenti baġitarji, kif ukoll ir-rispett tal-prinċipji amministrattivi u ta’ awdizzjoni. Hi responsabbli mill-kontroll tal-kwalità tal-ġestjoni finanzjarja.

Il-Qorti tal-Awdituri tikkontrolla l-Istituzzjonijiet Komunitarji u l-Istati Membri, kif ukoll l-organi kollha li jmexxu rċevuti jew spejjeż f’isem il-Komunità, u kull persuna fiżika jew ġuridika li tkun ibbenefikat minn ħlas fil-qafas tal-baġit Komunitarju. Il-kontrolli fl-Istati Membri jsiru flimkien mal-Istituzzjonijiet jew is-servizzi nazzjonali kompetenti, li għandhom jibagħtu lill-Qorti tal-Awdituri d-dokumenti jew it-tagħrif kollu li hi titlob.

Kull sena l-Qorti tal-Awdituri tressaq quddiem il-Kunsill u quddiem il-Parlament Ewropew dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni rigward il-kredibilità tal-kontijiet kif ukoll il-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet relatati. Rapport annwali li jippreżenta l-osservazzjonijiet tal-Qorti dwar il-ġestjoni tal-finanzi Komunitarji jintbagħat lill-Istituzzjonijiet Komunitarji u jkun ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali. Ir-rapport jisħaq il-punti li jistgħu, jew hu mixtieq, li jitjiebu. Ir-risposti tal-Istituzzjonijiet għall-osservazzjonijiet tal-Qorti wkoll huma ppublikati fil-Ġurnal Uffiċjali.

Il-Qorti tal-Awdituri għandha wkoll kompetenzi konsultattivi. L-Istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni jistgħu, u f’ċerti każi għandhom, jitolbu l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri.

Fl-aħħar, il-Qorti tista’ tressaq kummenti dwar punti speċifiċi taħt forma ta’ rapporti speċjali, ppubblikati wkoll fil-Ġurnal Uffiċjali.

Biex issir taf aktar, żur is-sit tal-Qorti tal-Awdituri (http://eca.europa.eu).

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew hu magħmul minn rappreżentanti ta’ gruppi differenti, kollha b’karattru ekonomiku u soċjali, li ġejjin mis-soċjetà ċivili organizzata, b’mod partikolari produtturi, bdiewa, trasportaturi, ħaddiema, negozjanti u artiġġjani, persuni li jaħdmu għal rashom, konsumaturi u ta’ interess ġenerali.

Il-membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali huma maħtura mill-Kunsill, li jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata dwar il-proposta tal-Istati Membri, għal mandat ta’ erba’ snin. Huma maqsuma fi tliet gruppi li jirrappreżentaw rispettivament lil min iħaddem, lill-ħaddiema, u diversi interessi ekonomiċi u soċjali.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali għandu setgħa konsultattiva. Hu jesponi l-Opinjoni tal-membri tiegħu u jiddefendi l-interessi tagħhom waqt id-diskussjonijiet politiċi mal-Kummissjoni, mal-Kunsill u mal-Parlament Ewropew.

Il-Kumitat jifforma parti integrali mis-sistema deċiżjonali Ewropea: hu għandu jkun ikkonsultat qabel ma tittieħed kull deċiżjoni fil-qasam tal-politika ekonomika u soċjali. Hu jista’ jagħti wkoll l-opinjoni fuq inizjattiva tiegħu stess dwar temi oħra li jqis bħala importanti, jew inkella fuq talba tal-Istituzzjonijiet.

Biex issir taf aktar, żur is-sit tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali (http://www.cese.europa.eu).

Il-Kumitat tar-Reġjuni hu magħmul minn rappreżentanti tal-kollettivitajiet reġjonali u lokali. Il-membri tal-Kumitat, kif ukoll numru indaqs ta’ sostituti, huma maħtura mill-Kunsill, li jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata, fuq proposta tal-Istati Membri rispettivi, għal mandat ta’ erba snin.

Il-Kumitat tar-Reġjuni hu organu konsultattiv. Ir-rwol tiegħu jikkonsisti fl-għarfien tal-ħsibijiet lokali u reġjonali dwar il-Leġislazzjoni Ewropea. Għal dan l-għan hu jagħti xi Opinjonjiet dwar il-proposti tal-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jikkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni jekk xi interessi reġjonali speċifiċi huma involuti, iżda huma jistgħu jikkonsultawh ukoll kull darba li jixtiequ. Il-Kumitat jista’ jadotta l-Opinjonijiet fuq inizjattiva tiegħu stess u jibgħathom lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Parlament.

Biex issir taf aktar, żur is-sit tal-Kumitat tar-Reġjuni (http://www.cor.europa.eu).

Il-Bank Ċentrali Ewropew hu magħmul minn żewġ organi:

  • Il-Kunsill tal-mexxejja, magħmul minn membri tad-Direzzjoni tal-BĊE u minn mexxejja tal-banek ċentrali nazzjonali taż-żona Euro;
  • Id-Direzzjoni, magħmula mill-President, mill-Viċi-President u minn erba’ membri oħra nominati bi qbil komuni mill-Istati Membri, b’rakkomandazzjoni tal-Kunsill u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew. Il-mandat tagħhom itul tmien snin u ma jistax jiġġedded.

Iż-żewġ organi jieħdu d-deċiżjonijiet b’maġġoranza sempliċi, kull membru għandu dritt għal vot wieħed u f’każ ta’ parità, jgħodd il-vot tal-President.

Il-Bank Ċentrali Ewropew (ECB) jinsab fil-qalba tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (EMU).

Hu responsabbli mill-istabbiltà tal-Euro, mid-determinazzjoni tal-volum ta’ ħruġ tal-Euro, u flimkien ma’ banek ċentrali nazzjonali oħra, jiddefinixxi u jwettaq il-politika monetarja tal-Unjoni.

Biex iwettaq dawn id-dmirijiet ingħatawlu serje ta’ prerogattivi:

  • Hu jikkontrolla l-flus permezz tax-xiri u l-bejgħ ta’ ishma u permezz ta’ operazzjonijiet ta’ kreditu mal-banek jew l-operaturi tas-suq monetarju, u anke permezz tal-istipular tar-riserva obbligatorja li l-istituzzjonijiet tal-kreditu għandu jkollhom mal-banek ċentrali nazzjonali u mal-ECB;
  • Hu jissorvelja t-tmexxija prudenti tal-istituzzjonijiet tal-kreditu.

L-ECB jingħatawlu wkoll funzjonijiet konsultattivi u leġislattivi:

Hu jkun ikkonsultat f’oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu, mill-Istituzzjonijiet Ewropej jew mill-Awtoritajiet tal-Istati Membri fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet leġislattivi rispettivi tagħhom. Hu jista’ jippreżenta wkoll xi opinjonijiet lill-Istituzzjonijiet Komunitarji dwar il-kwistjonijiet li jikkonċernaw dawk l-oqsma..

L-ECB għandu setgħa ta’ inizjattiva leġislattiva fl-oqsma li jikkonċernaw il-politka monetarja u jadotta xi Regolamenti meħtieġa għat-twettiq tar-responsabilitajiet mogħtija lilu

Diversi dispożizzjonijiet jiggranatixxu l-indipendenza tal-ECB, b’hekk hu jwettaq id-dmirijiet tiegħu: l-ECB ma jistax jagħti u lanqas jaċċetta istruzzjonijiet min-naħa tal-Istituzzjonijiet, tal-Istati Membri jew ta’ organi oħra.

Biex tkun taf aktar, żur is-sit tal-ECB (http://www.ecb.int/home/html/lingua.mt.html)