SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

26 ta’ Jannar 2012 ( *1 )

“VAT — Sitt Direttiva — Artikoli 9, 17 u 18 — Determinazzjoni tal-post tal-provvista ta’ servizzi — Kunċett ta’ ‘provvista ta’ persunal’ — Ħaddiema li jaħdmu għal rashom — Neċessità li tiġi żgurata evalwazzjoni identika tal-provvista ta’ servizzi fir-rigward tal-fornitur u fir-rigward tad-destinatarju”

Fil-Kawża C-218/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Hamburg (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ April 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Mejju 2010, fil-proċedura

ADV Allround Vermittlungs AG, fi stralċ,

vs

Finanzamt Hamburg-Bergedorf,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet, M. Ilešič, J.-J. Kasel (Relatur) u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Marzu 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal ADV Allround Vermittlungs AG, fi stralċ, minn S. Heinrichshofen u B. Burgmaier, Rechtsanwälte,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Triantafyllou, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Ġunju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 9(2)(e), 17(1)(2a) u 3(a), kif ukoll 18(1)(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9 Vol. 1 p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn ADV Allround Vermittlungs AG, fi stralċ (iktar ’il quddiem “ADV”), u l-Finanzamt Hamburg-Bergedorf (iktar ’ il quddiem il-“Finanzamt”), dwar id-determinazzjoni, għall-finijiet tal-ġbir tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”), tal-post tal-provvista ta’ servizzi.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Is-seba’ premessa tas-Sitt Direttiva tistabbilixxi:

“Billi biex ikun stabbilit il-post minn fejn isiru operazzjonijiet taxxabbli jagħti lok għal ħafna konflitti dwar ġurisdizzjoni bejn Stati Membri, partikolarment dwar provvisti ta’ oġġetti li jeħtiġilhom ikunu mmuntati u dwar il-provvista ta’ servizzi; billi għalkemm il-post fejn jingħataw servizzi għandu fil-prinċipju jfisser il-post fejn il-persuna li tagħti s-servizzi jkollha l-post prinċipali tan-negozju tagħha, dak il-post għandu jfisser li hu l-pajjiż tal-persuna li lilha jingħataw is-servizzi, partikolarment fil-każ ta’ ċerti servizzi mogħtija bejn persuni taxxabbli fejn l-ispejjeż tas-servizzi huma magħduda fil-prezz ta’ l-oġġetti”.

4

L-Artikolu 9(1) tas-Sitt Direttiva jipprovdi:

“Il-post minn fejn jingħata servizz għandu jitqies li jkun il-post fejn il-fornitur ikun stabbilixxa n-negozju tiegħu jew ikollu stabbiliment fiss minn fejn jingħata s-servizz jew, fin-nuqqas ta’ post bħal dan tan-negozju jew stabbiliment fiss, il-post fejn hu ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn normalment ikun residenti.”

5

L-Artikolu 9(2)(e) ta’ din l-istess direttiva jipprovi kif ġej:

“Iżda:

[…]

(e)

il-post fejn jingħataw is-servizzi li ġejjin, meta jsiru għal konsumaturi [destinatarji] stabbiliti barra l-Komunità jew għal persuni taxxabbli stabbiliti fil-Komunità imma mhux fl-istess pajjiż bħal tal-fornitur, għandu jkun il-post fejn il-konsumatur stabbilixxa n-negozju tiegħu jew ikollu stabbiliment fiss li lilu jingħata s-servizz jew, fin-nuqqas ta’ post bħal dan, il-post fejn hu ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn normalment ikun residenti:

[…]

il-provvista ta’ persunal,

[…]”

6

L-Artikolu 17(1) tas-Sitt Direttiva jipprovdi:

“Id-dritt li tnaqqas għandu jqum fl-istess ħin meta t-taxxa mnaqqsa ssir taxxabbli.”

7

L-Artikolu 17(2)(a) ta’ din id-direttiva jipprovdi kif ġej:

“2.

Sakemm il-merkanzija u s-servizi jintużaw għall-iskop tat-transazzjonijiet taxxabbli tagħha, il-persuna taxxabbli tkun intitolata li tnaqqas mit-taxxa li għandu jħallas:

(a)

[il-VAT] dovuta jew mħallsa ġewwa t-territorju tal-pajjiz rigward l-oġġetti jew is-servizzi pprovduti jew li għad għandhom jiġu forniti lilu minn persuna taxxabli oħra”.

8

Skont l-Artikolu 17(3)(a) ta’ din id-direttiva:

“Stati Membri jagħtu lil kull persuna taxxabbli d-dritt għat-tnaqqis jew rimborsament tat-taxxa fuq il-valur miżjud imsemmi fil-paragrafu 2 sakemm il-merkanzija u s-servizzi jintużaw għall:

(a)

transazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-attivitajiet msemmijin fl-Artikolu 4(2), li jkunu sara f’pajjiż ieħor, li jkunu jistgħu jitnaqqsu kieku saru fit-territorju tal-pajjiż”.

9

L-Artikolu 18(1)(a) tas-Sitt Direttiva jipprovdi:

“1.

Biex teżerċita d-dritt tat-tnaqqis persuna taxxabbli trid:

(a)

għal tnaqqis skond l-Artikolu 17(2)(a), irid ikollha fattura imħejjija skond l-Artikolu 22(3)”.

Id-dritt nazzjonali

10

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 3a(1) tal-Liġi tal-1999 dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ (Umsatzsteuergesetz 1999, BGBl. 1999 I, p. 1270), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-komunikazzjoni tal-21 ta’ Frar 2005 (iktar ’il quddiem il-“UstG”, tipprovdi:

“Bla ħsara għall-Artikoli 3b u 3f, is-servizzi l-oħra għandhom jitqiesu li jitwettqu fil-post li minnu l-imprenditur jopera n-negozju tiegħu.”

11

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3a(3) tal-UStG:

“Jekk il-benefiċjarju ta’ wieħed mis-servizzi l-oħra msemmija fil-paragrafu (4) ikun imprenditur, is-servizz l-ieħor għandu jitqies li twettaq fil-post fejn il-benefiċjarju jopera n-negozju tiegħu, u dan b’deroga mill-paragrafu (1).

12

L-Artikolu 3a(4) tal-UStG jipprovdi:

“Is-servizzi l-oħra fis-sens tal-paragrafu (3) huma: […]

7.   il-provvista ta’ persunal […]”.

13

L-ewwel punt tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) tal-UStG jipprovdi:

“L-imprenditur jista’ jnaqqas it-taxxi tal-input imħallsa segwenti:

1)

It-taxxa legalment dovuta għal kunsinni u servizzi oħra li twettqu minn imprenditur ieħor għall-bżonnijiet tal-impriża tiegħu. L-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-imprenditur jkollu fattura maħruġa skont l-Artikoli 14 u 14a.”

14

It-tielet sentenza tal-Artikolu 18(9) tal-UStG tipprovdi:

“It-talba għar-rimbors għandha tiġi mressqa fi żmien sitt xhur mill-aħħar tas-sena kalendarja li matulha id-dritt għar-rimbors tnissel.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

ADV, kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż, kienet żgurat, matul is-sena 2005, il-provvista ta’ sewwieqa tat-trakkijiet li jaħdmu għal rashom lil kumpanniji tat-trasport stabbiliti fil-Ġermanja u barra mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, b’mod partikolari fl-Italja. Il-kuntratti konklużi bejn ADV u s-sewwieqa, intitolati “ftehim ta’ aġenzija”, kienu jipprevedu li dawn tal-aħħar kellhom jiffatturaw is-servizzi tagħhom lil ADV. Din il-kumpannija kienet, minn naħa tagħha, tiffattura lid-diversi impriżi tat-trasport klijenti l-ispiża prevista f’dawn il-ftehim ta’ aġenzija, flimkien ma’ żieda li tvarja bejn 8 % u 20 %.

16

Oriġinarjament, ADV kienet tagħti lill-klijenti Taljani fatturi li ma kinux jinkludu l-VAT. Hija fil-fatt kienet tqis li l-provvisti ta’ servizzi tagħha kellhom jiġu kklassifikati bħala “provvista ta’ persunal” fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu3(a)(4) tal-UStG u li, għaldaqstant, il-post tal-provvista ta’ servizzi kien jinsab fl-Italja, post li fih kienu stabbiliti d-destinatarji ta’ dawn is-servizzi.

17

Il-Finanzamt qies li s-servizzi inkwistjoni ma setgħux jiġu kklassifikati bħala “provvista ta’ persunal”, u li, għaldaqstant, il-post tal-provvista ta’ servizzi kien jinsab, skont l-Artikolu 3a(1) tal-UStG, fil-post li fih kien stabbilit il-fornitur ta’ servizzi. Għaldaqstant huwa fil-Ġermanja li l-VAT kellha tiġi ffatturata.

18

Min-naħa l-oħra, il-Bundeszentralamt für Steuern, istituzzjoni kompetenti sabiex tiddeċiedi t-talbiet għar-rimbors tal-VAT, imressqa fil-kawża prinċipali mid-destinatarji Taljani, qieset li s-servizzi pprovduti minn ADV kienu jikkostitwixxu servizzi ta’ “provvista ta’ persunal” li ma jagħtux lok għal fatturazzjoni tal-VAT fil-Ġermanja. Billi kienet tqis li skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3a(3) tal-UStG, dawn is-servizzi kien imisshom ġew intaxxati fil-post tal-uffiċċju rreġistrat tad-destinatarji, jiġifieri fl-Italja, din l-istituzzjoni rrifjutat li tirrimborsa l-VAT Ġermaniża lill-impriżi Taljani.

19

Quddiem din il-kwistjoni, il-Finanzgericht Hamburg qieset qabel kollox li, sa fejn is-seba’ premessa tas-Sitt Direttiva kienet tipprevedi li l-enumerazzjoni li tinsab fl-Artikolu 9(2) ta’ din id-direttiva tinkludi “partikolarment […] ċerti servizzi mogħtija bejn persuni taxxabbli fejn l-ispejjeż tas-servizzi huma magħduda fil-prezz ta’ l-oġġetti”, din id-dispożizzjoni tista’ tapplika wkoll għall-provvista ta’ ħaddiema li jaħdmu għal rashom, iżda li għad hemm dubju f’dan ir-rigward.

20

Sussegwentement il-Finanzgericht Hamburg tistaqsi dwar jekk, minn naħa, id-dejn li tnissel bħala VAT fir-rigward tal-fornitur ta’ servizzi u d-dritt tad-destinatarju għar-rimbors tal-VAT tal-input imħallsa humiex neċessarjament konnessi, b’mod partikolari bis-saħħa tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali u, min-naħa l-oħra, jekk din il-konnessjoni toħloqx, fir-rigward tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, obbligu li jevitaw li jadottaw deċiżjonijiet kuntradittorji bejnithom.

21

Fl-aħħar, il-Finanzgericht Hamburg tistaqsi jekk it-terminu ta’ sitt xhur mogħti lid-destinatarju sabiex iressaq talba għar-rimbors, li skont id-dritt nazzjonali, jibda jiddekorri mill-aħħar tas-sena kalendarja li matulha d-dritt għar-rimbors tnissel, għandux jiġi sospiż jew interott fin-nuqqas ta’ deċiżjoni dwar is-sitwazzjoni fiskali tad-destinatarju

22

F’dan il-kuntest, il-Finanzgericht Hamburg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Is-sitt inċiż tal-Artikolu 9(2)(e) tas-Sitt Direttiva […] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ ‘forniment [provvista] ta’ persunal’ jinkludi wkoll it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal indipendenti, li mhuwiex impjegat mill-imprenditur fornitur?

2)

L-Artikolu 17(1), (2)(a) u (3)(a) [kif ukoll] l-Artikolu 18(1)(a) ta[s-Sitt] Direttiva […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li għandhom jiġu adottati miżuri fid-dritt proċedurali nazzjonali sabiex in-natura taxxabbli tal-istess provvista u t-taxxa dovuta fuqha jkunu evalwati bl-istess mod fir-rigward tal-imprenditur fornitur u l-imprenditur benefiċjarju, anki meta ż-żewġ imprendituri jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ amministrazzjonijiet fiskali differenti?

Fil-każ biss fejn tingħata risposta affermattiva għat-tieni domanda:

3)

L-Artikolu 17(1), (2)(a) u (3)(a) [kif ukoll] l-Artikolu 18(1)(a) ta[s-Sitt] Direttiva […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-terminu li fih il-benefiċjarju tal-provvista jista’ jitlob ir-rifużjoni tat-taxxa tal-input imħallsa ma għandux jiskadi qabel ma tkun ittieħdet deċiżjoni fir-rigward tal-imprenditur fornitur dwar in-natura ta’ tassazzjoni u t-taxxa dovuta?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

23

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk is-sitt inċiż tal-Artikolu 9(2)(e) tas-Sitt Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “provvista ta’ persunal” ikoprix ukoll il-kunċett ta’ provvista ta’ persunal li jaħdem għal rasu, li ma huwiex impjegat mill-imprenditur fornitur.

24

Qabel kollox għandu jiġi rrilevat, hekk kif għamlu kemm il-qorti tar-rinviju kif ukoll il-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li la l-kliem tas-sitt inċiż tal-Artikolu 9(2)(e) tas-Sitt Direttiva u lanqas qari komparattiv tad-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-dispożizzjoni ma jippermettu li jiġi stabbilit jekk ħaddiema li jaħdmu għal rashom jistgħux jitqiesu bħala li jikkostitwixxu “persunal” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

25

Madankollu għandu jiġi kkonstatat li, għall-motivi kkunsidrati mill-Avukat Ġenerali fil-punti 26 u 27 tal-konklużjonjiet tiegħu, ma jistax a priori jiġi eskluż li, fid-dawl tal-kliem tiegħu, is-sitt inċiż tal-Artikolu 9(2) tas-Sitt Direttiva japplika wkoll għall-provvista ta’ persunal “li jaħdem għal rasu”.

26

Issa, hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, ma għandux jiġi kkunsidrat biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2006, Gillan Beach, C-114/05, Ġabra p. I-2427, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

F’dan ir-rigward għandu wkoll jiġi mfakkar li l-Artikolu 9 tas-Sitt Direttiva jinkludi regoli li jistabbilixxu l-post fejn is-servizzi jitqiesu li ġew ipprovduti għal finijiet ta’ taxxa. Filwaqt li l-Artikolu 9(1) jistipula regola ġenerali dwar dan is-suġġett, l-Artikolu 9(2) jelenka serje ta’ postijiet speċifiċi. Skont ġurisprudenza stabbilita l-għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huwa li jiġu evitati, minn naħa, kunflitti ta’ ġurisdizzjoni li jistgħu jwasslu għal tassazzjoni doppja u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ tassazzjoni ta’ dħul (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Settembru 1996, Dudda, C-327/94, Ġabra p. I-4595, punt 20; Gillan Beach, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14, u tas-6 ta’ Novembru 2008, Kollektivavtalsstiftelsen TRR Trygghetsrådet, C-291/07, Ġabra p. I-8255, punt 24).

28

Issa, interpretazzjoni tas-sitt inċiż tal-Artikolu 9(2)(e) tas-Sitt Direttiva li skontha l-kelma “persunal” li tissemma fih tkopri mhux biss il-ħaddiema li jkunu f’relazzjoni ta’ imjieg, iżda wkoll il-ħaddiema li jaħdmu għal rashom tirrifletti aħjar l-għan ta’ regola ta’ kunflitt bħal dik li jistabbilixxi l-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva li huwa intiż sabiex jiġu evitati r-riskji ta’ tassazzjoni doppja u ta’ nuqqas ta’ impożizzjoni.

29

Fil-fatt, sa fejn din l-interpretazzjoni tnaqqas għal post wieħed il-post fejn is-servizzi kkonċernati jitqiesu li ġew ipprovduti għal finijiet ta’ taxxa, din tippermetti preċiżament li jiġi evitat li jkun hemm tassazzjoni doppja ta’ dan is-servizz jew li ebda VAT ma tiġi imposta fuq dan is-servizz

30

Tali interpretazzjoni hija wkoll tali li tiffaċilita l-implementazzjoni tal-imsemmija regola ta’ kunflitt, billi tippermetti amministrazzjoni sempliċi, fil-post tal-provvista ta’ servizzi, tar-regoli ta’ ġbir tat-taxxa u ta’ prevenzjoni tal-evażjoni fiskali peress li d-destinatarju ma għandux għalfejn jistaqsi dwar in-natura ġuridika tar-relazzjonijiet bejn il-fornitur u l-“persunal” li qiegħed jiġi pprovdut.

31

Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija konformi mal-prinċipju ta’ ċertezza legali peress li, billi tirrendi d-determinazzjoni tal-post fejn is-servizzi jitqiesu li ġew ipprovduti iktar prevedibbli, hija tissimplifika l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tas-Sitt Direttiva u tikkontribwixxi sabiex jiġi żgurat ġbir affidabbli u korrett tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2011, Stoppelkamp, C-421/10, Ġabra p. I-9309, punt 34).

32

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li s-sitt inċiż tal-Artikolu 9 (2)(e) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “provvista ta’ persunal” imsemmi f’din id-dispożizzjoni jkopri wkoll il-provvista ta’ persunal li jaħdem għal rasu, li ma huwiex impjegat mill-imprenditur fornitur.

Fuq it-tieni domanda

33

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 17(1)(2a) u 3(a) kif ukoll l-Artikolu 18(1)(a) tas-Sitt Direttiva għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jimponu lill-Istati Membri jemendaw ir-regoli proċedurali interni tagħhom b’mod li jiżguraw li n-natura taxxabbli ta’ provvista ta’ servizzi u l-VAT dovuta fuq dan is-servizz ikunu evalwati bl-istess mod fir-rigward tal-fornitur u tad-destinatarju ta’ dan is-servizz anki meta dawn jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ amministrazzjonijiet fiskali differenti.

34

F’dan ir-rigward hemm lok li jiġi kkonstatat, hekk kif għamlet il-qorti tar-rinviju, li s-Sitt Direttiva ma tinkludi ebda dispożizzjoni li tipprevedi espressament li l-Istati Membri huma obbligati jadottaw miżura bħal dik imsemmija fid-domanda preliminari.

35

Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandu, b’mod partikolari, jagħżel l-awtoritajiet kompetenti u jistabbilixxi regoli proċedurali ddettaljati għall-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, sakemm dawn ir-regoli ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rikorsi nazzjonali simili (prinċipju ta’ ekwivalenza) u fil-prattika ma jirrendux impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Novembru 1998, Aprile, C-228/96, Ġabra p. I-7141, punt 18, u tal-21 ta’ Jannar 2010, Alstom Power Hydro, C-472/08, Ġabra. p. I-623, punt 17).

36

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, hemm lok li jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, il-Qort tal-Ġustizzja ma għandha ebda element tali li jqajjem dubju dwar il-konformità ta’ leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma’ dan il-prinċipju.

37

Min-naħa l-oħra tqajmu dubji, b’mod partikolari, mill-qorti tar-rinviju fuq il-kwistjoni dwar jekk tali sitwazzjoni tissodsifax ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ effettività. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ regoli speċifiċi fid-dritt proċedurali nazzjonali, id-dritt tal-fornitur ta’ servizzi u dak tal-benefiċjarju ta’ dan is-servizz, rikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-13 ta’ Diċembru 1989, Genius (C-342/87, Ġabra p. I-4227), u li jikkonsistu f’li jiġu trattati b’mod identiku fir-rigward tan-natura taxxabbli tal-istess servizz wieħed u tal-VAT dovuta fuqu, isiru fil-prattika totalment ineffettivi.

38

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi mfakkar li l-prinċipju ta’ effettività għandu jitqies bħala li ġie miksur meta jirriżulta li l-eżerċizzju ta’ dritt mogħti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jirriżulta impossibbli jew eċċessivament diffiċli.

39

Madankollu, dan ma jidhirx il-każ f’kawża bħal dik prinċipali.

40

Minn naħa, hekk kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-sentenza Genius, iċċitata iktar ’il fuq, tikkonċerna biss l-iskop tad-dritt għal tnaqqis. Din ma tiddeċidix fuq eventwali dritt tal-fornitur jew tad-destinatarju ta’ provvista ta’ servizzi li, fi proċeduri mibdija mill-parti l-oħra fl-operazzjoni suġġetta għall-VAT quddiem amministrazzjoni oħra għajr dik li taħtha huwa jaqa’, dan is-servizz jiġi kklassifikat, fir-rigward b’mod partikolari tal-post fejn is-servizz jitqies li ġie pprovdut, b’mod identiku għal dak ikkunsidrat mill-amministrazzjoni jew mill-qorti li fuqha huwa jiddependi.

41

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li kemm il-fornitur ta’ servizzi kif ukoll id-destinatarju tas-servizz għandhom kull wieħed il-possibbiltà li jinvokaw id-drittijiet tagħhom mhux biss quddiem l-awtoritajiet amministrattivi, iżda wkoll quddiem il-qrati kompetenti fil-qasam tal-VAT, skont proċeduri li fir-rigward tagħhom ma huwiex ikkontestat li jippermettu li tiġi żgurata, bħala regola ġenerali, interpretazzjoni kif ukoll applikazzjoni korretta u uniformi tad-dispożizzjonijiet tas-Sitt Direttiva.

42

Fil-fatt, l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni huma fl-aħħar nett żgurati mill-proċedura ta’ rinvju għal deċiżjoni preliminari fuq kwistjonjiet ta’ interpretazzjoni jew ta’ evalwazzjoni tal-validità tad-dritt tal-Unjoni skont l-Artikolu 267 TFUE, li jistabbilixxi sistema ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja. Issa, mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tippermettix li jiġi ggarantit il-funzjonament tajjeb ta’ din il-kooperazzjoni ġudizzjarja.

43

Jekk kellu xorta waħda jirriżulta li, anki fin-nuqqas ta’ kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni jew ta’ validità jew anki f’każ ta’ rifjut minn naħa tal-qrati kompetenti li jsressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja rinviju għal deċiżjoni preliminari fuq kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni jew ta’ evalwazzjoni tal-validità tad-dritt tal-Unjoni, amministrazzjonijiet differenti u/jew qrati ta’ Stat Membru kienu qed ikomplu jadottaw b’mod sistematiku pożizzjonijiet diverġenti fir-rigward tal-post li fih l-istess provvista ta’ servizz wieħed titqies li ġiet ipprovduta fir-rigward tal-fornitur, minn naħa, u tad-destinatarju, min-naħa l-oħra, b’mod li jiġi ppreġudikat, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali, l-obbligi tal-Istat Membru taħt is-Sitt Direttiva jistgħu jitqiesu li ġew miksura.

44

Fil-fatt, anki jekk l-Artikoli 17(1)(2)(a) u 3(a), kif ukoll 18(1)(a) tas-Sitt Direttiva ma jispeċifikawx konkretament il-kontenut tal-miżuri proċedurali jew oħra li għandhom jittieħdu sabiex jiġu żgurati l-ġbir eżatt tal-VAT u l-osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, xorta jibqa’ l-fatt li dawn id-dispożizzjonijiet jorbtu lill-Istati Membri fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq, filwaqt li titħallilhom marġni ta’ diskrezzjoni fl-evalwazzjoni tan-neċessità tal-adozzjoni ta’ tali miżuri.

45

F’dawn iċ-ċirkustanzi hemm lok li r-risposta għat-tieni domanda tkun li l-Artikoli 17(1)(2)(a) u 3(a), kif ukoll 18(1)(a) tas-Sitt Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jobbligawx lill-Istat Membri jemendaw ir-regoli proċedurali interni tagħhom b’mod li jiżguraw li n-natura taxxabbli ta’ provvista ta’ servizzi u l-VAT dovuta fuq dan is-servizz ikunu evalwati bl-istess mod fir-rigward tal-fornitur u tad-destinatarju ta’ dan is-servizz anki meta dawn jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ amministrazzjonijiet fiskali differenti. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet jobbligaw lill-Istati Membri jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jiġu żgurati l-ġbir eżatt tal-VAT u l-osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali.

Fuq it-tielet domanda

46

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

Fuq l-ispejjeż

47

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sitt inċiż tal-Artikolu 9 (2)(e) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “provvista ta’ persunal” imsemmi f’din id-dispożizzjoni jkopri wkoll il-provvista ta’ persunal li jaħdem għal rasu, li ma huwiex impjegat mill-imprenditur fornitur.

 

2)

L-Artikoli 17(1)(2)(a) u 3(a), kif ukoll 18(1)(a) tas-Sitt Direttiva 77/388 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jobbligawx lill-Istat Membri jemendaw ir-regoli proċedurali interni tagħhom b’mod li jiżguraw li n-natura taxxabbli ta’ provvista ta’ servizzi u t-taxxa fuq il-valur miżjud dovuta fuq dan is-servizz ikunu evalwati bl-istess mod fir-rigward tal-fornitur u tad-destinatarju ta’ dan is-servizz anki meta dawn jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ amministrazzjonijiet fiskali differenti. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet jobbligaw lill-Istati Membri jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jiġu żgurati l-ġbir eżatt tat-taxxa fuq il-valur miżjud u l-osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.