SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

12 ta’ Ġunju 2008 ( *1 )

“Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Direttiva 92/83/KEE — Armonizzazzjoni tal-istrutturi tad-dazji tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku — L-ewwel inċiż tal-Artikolu 20 — Alkoħol li jinsab fil-kompożizzjoni tal-inbid tat-tisjir — Eżenzjoni mis-sisa armonizzata”

Fil-Kawża C-458/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mir-Regeringsrätten (l-Iżvezja), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2006, li waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Novembru 2006, fil-proċedura

Skatteverket

vs

Gourmet Classic Ltd,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), E. Juhász, J. Malenovský u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Belġjan, minn A. Hubert, bħala aġent,

għall-Gvern Portugiż, minn L. I. Fernandes u Â. Seiça Neves, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn W. Mölls u K. Simonsson, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ April 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 20 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi [dazji] tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU L 316, p. 21).

2

Din it-talba tresqet fil-kuntest ta’ rikors imressaq mill-iSkatteverket (amministrazzjoni fiskali Żvediża) quddiem ir-Regeringsrätten bil-għan li tingħata konferma ta’ opinjoni preliminari tal-iSkatterättsnämnden (kummissjoni tal-liġi fiskali) dwar is-sistema fiskali tal-alkoħol li jinsab fil-kompożizzjoni tal-inbid tat-tisjir.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

L-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/83 jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva l-‘alkoħol etiliku’ jkopri:

il-prodotti kollha b’qawwa alkoħolika attwali skond il-volum li teċċedi l-1.2 % volum u li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 2207 u 2208, anki fejn dawn il-prodotti jifformaw parti [minn] prodott li jaqa’ taħt Kapitolu ieħor tan-NM,

[…]”

4

L-Artikolu 27(1)(f) tad-direttiva msemmija jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jeżentaw il-prodotti koperti b’din id-Direttiva mis-sisa armonizzata taħt il-kundizzjonijiet li għandhom jistipulaw għall-iskop li tkun assigurata l-applikazzjoni korretta u [diretta] ta’ dawn l-eżenzjonijiet u li [jkun ipprevenut kull qerq,] evażjoni jew abbuż:

[…]

f)

meta użat direttament jew bħala kostitwent ta’ prodott ippreparat għall-aħħar stadju ta’ manifattura ta’ l-ikel, mimli jew le, [bil-kundizzjoni li] f’kull każ il-kontenut alkoħoliku ma jeċċedix it-8.5 litri ta’ alkoħol pur għal kull 100 kg tal-prodott għaċ-ċikkulata, u 5 litri ta’ alkoħol pur għal kull 100 kg tal-prodott għal prodotti oħra”.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

5

Fl-Iżvezja, it-tassazzjoni tal-alkoħol u tad-diversi tipi ta’ xorb alkoħoliku hija rregolata mil-liġi (1994:1564) dwar is-sisa fuq l-alkoħol [lagen (1994:1564) om alkoholskatt (SFS 1994, nru 1564), iktar ’il quddiem il-“LAS”].

6

Skont l-Artikolu 1(1) ta’ din il-liġi, id-dazji tas-sisa fuq l-alkoħol huma dovuti fuq birer, inbejjed u xorb ieħor iffermentat, prodotti intermedjarji kif ukoll fuq l-alkoħol etiliku, immanifatturati fuq it-territorju nazzjonali, introdotti jew riċevuti minn Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jew importati minn Stat terz.

7

L-Artikolu 6 tal-LAS jipprovdi li d-dazji tas-sisa fuq l-alkoħol etiliku huma dovuti għall-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 2207 u NM 2208, li l-qawwa alkoħolika tagħhom tkun superjuri għal 1.2 % vol, anki meta dawn il-prodotti jkunu jiffurmaw parti minn prodott li jaqa’ taħt kapitolu ieħor tan-Nomenklatura Magħquda.

8

Skont il-punt ħamsa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tal-LAS, l-ebda dazju tas-sisa mhuwa dovut għall-prodotti użati direttament fl-affarijiet tal-ikel jew bħala komponenti ta’ prodotti semi-ppreparati użati għall-produzzjoni ta’ affarijiet tal-ikel, mimlijin jew le, sakemm, f’kull każ, il-kontenut alkoħoliku ma jeċċedix it-8.5 litri ta’ alkoħol pur għal kull 100 kg ta’ prodott użat għall-manifattura taċ-ċikkulata, u 5 litri ta’ alkoħol pur għal kull 100 kg ta’ prodott użat għall-manifattura ta’ prodotti oħra.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9

Peress li tixtieq tikkummerċjalizza nbid tat-tisjir fl-Iżvezja u peress li tixtieq tkun taf taħt liema sistema dan ikun suġġett, Gourmet Classic Ltd (iktar ’il quddiem “Gourmet”) talbet opinjoni preliminari lill-iSkatterättsnämnden.

10

Insostenn tat-talba tagħha, Gourmet osservat li l-inbid tat-tisjir kien jibbenifika mill-eżenzjoni stabbilita mill-Artikolu 27(1)(f) tad-Direttiva 92/83 u l-punt 5 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tal-LAS.

11

Fil-kuntest tal-istess proċedura, l-iSkatteverket sostniet li l-inbid tat-tisjir huwa suġġett għad-dazji tas-sisa, iżda jista’ jibbenifika mill-eżenzjoni stabbilita fil-punt 5 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tal-LAS.

12

Fl-opinjoni preliminari tagħha, l-iSkatterättsnämnden waslet għall-konklużjoni li tgħid li għalkemm l-inbid tat-tisjir huwa, bħala prinċipju, suġġett għad-dazji tas-sisa, dan huwa, bħala prodott tal-ikel, eżenti minn dawn id-dazji abbażi tal-Artikolu 27(1)(f) tad-Direttiva 92/83.

13

Madankollu, il-president tal-iSkatterättsnämnden ħareġ opinjoni differenti li tgħid li l-inbid tat-tisjir ma jidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-LAS.

14

L-iSkatteverket talbet l-opinjoni preliminari tal-iSkatterättsnämnden quddiem il-qorti tar-rinviju u talbet sabiex din l-opinjoni tiġi kkonfermata.

15

F’dan ir-rigward, din il-qorti tindika li l-proċedura fil-kawża prinċipali għandha l-karatteristika li, sabiex tiġi stabbilita l-ġurisprudenza fil-qasam fiskali, l-iSkatteverket tista’ titlob opinjoni preliminari mill-iSkatterättsnämnden, anki sabiex tintalab konfema mingħandha, u dan anki fin-nuqqas ta’ kontestazzjoni ta’ din l-opinjoni mill-partijiet ikkonċernati.

16

Fil-kawża prinċipali, il-qorti msemmija tqis li, sabiex tiddeċiedi fuq id-domanda tal-iSkatteverket, għandu jiġi ddeterminat jekk l-inbid tat-tisjir għandhux fih l-alkoħol etiliku skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/83.

17

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li r-Regeringsrätten iddeċiediet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-alkoħol li jinsab fil-kompożizzjoni tal-inbid tat-tisjir għandu jiġi kklassifikat fil-kategorija ta’ alkoħol etiliku msemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 20 tad-Direttiva [92/83] […]?”

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

18

Fid-dawl tal-kuntest li fih ir-Regeringsrätten ressqet id-domanda preliminari, għandhom jiġu mfakkra u ppreċiżati xi prinċipji relatati mal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-Artikolu 234 KE.

19

Skont it-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 234 KE, meta kwistjoni dwar l-interpretazzjoni tat-Trattat KE jew tal-atti derivati adottati mill-Istituzzjonijiet tal-Komunità Ewropea titqajjem quddiem qorti ta’ wieħed mill-Istati Membri, dik il-qorti tista’, jew fir-rigward ta’ qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha mhumiex suġġetti għal appell ġudizzjarju taħt il-liġi interna, għandha, jekk tkun tqis li tkun meħtieġa deċiżjoni fuq dan il-punt sabiex tagħti d-deċiżjoni tagħha, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjoni fuq din il-kwistjoni (ara s-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 1990, Gmurzynska-Bscher, C-231/89, Ġabra p. I-4003, punt 17, u tad-9 ta’ Frar 1995, Leclerc-Siplec, C-412/93, Ġabra p. I-179, punt 9).

20

L-Artikolu 234 KE għandu l-għan li jipprevjeni l-kunflitti fl-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li għandhom japplikaw il-qrati nazzjonali, u għandu l-iskop li, f’kull każ, jassigura li din il-liġi jkollha l-istess effett fl-Istati Membri kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Jannar 1974, Rheinmühlen-Düsseldorf, 166/73, Ġabra p. 33, punt 2).

21

Skont ġurisprudenza kostanti, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 234 KE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali (ara s-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi, C-297/88 u C-197/89, Ġabra p. I-3763, punt 33; tat-12 ta’ Marzu 1998, Djabali, C-314/96, Ġabra p. I-1149, punt 17, u tal-5 ta’ Frar 2004, Schneider, C-380/01, Ġabra p. I-1389, punt 20).

22

Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, hija l-qorti nazzjonali, li għandha għarfien dirett esklużiv tal-fatti tal-kawża prinċipali u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni legali li tagħti, li għandha tevalwa, fir-rigward tal-partikolaritajiet tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari biex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1992, Meilicke, C-83/91, Ġabra p. I-4871, punt 23; Leclerc-Siplec, iċċitata iktar ’il fuq, punt 10, kif ukoll tat-18 ta’ Marzu 2004, Siemens u ARGE Telekom, C-314/01, Ġabra p. I-2549, punt 34).

23

B’mod partikolari, l-obbligu ta’ rinviju, stabbilit mit-tielet inċiz tal-Artikolu 234 KE, jaqa’ fi ħdan il-qafas ta’ kooperazzjoni stabbilita sabiex tiġi assigurata l-applikazzjoni t-tajba u l-interpretazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju fl-Istati Membri kollha, bejn il-qrati nazzjonali, fil-kwalità tagħhom ta’ qrati responsabbli mill-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, u l-Qorti tal-Ġustizzja. B’mod partikolari, dan l-obbligu għandu l-iskop li jevita li tiġi stabbilita, fi kwalunkwe Stat Membru, ġurisprudenza nazzjonali li ma taqbilx mar-regoli tad-dritt Komunitarju (ara s-sentenzi tal-4 ta’ Novembru 1997, Parfums Christian Dior, C-337/95, Ġabra p. I-6013, punt 25; tat-22 ta’ Frar 2001, Gomes Valente, C-393/98, Ġabra p. I-1327, punt 17; tal-4 ta’ Ġunju 2002, Lyckeskog, C-99/00, Ġabra p. I-4839, punt 14, kif ukoll tal-15 ta’ Settembru 2005, Intermodal Transports, C-495/03, Ġabra p. I-8151, punti 29 u 38).

24

Għaldaqstant, sakemm id-domandi mressqa mill-qrati nazzjonali jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarja, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (ara s-sentenzi Meilicke, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24; Leclerc-Siplec, iċċitata iktar ’il fuq, punt 11, kif ukoll tat-18 ta’ Novembru 1999, X u Y, C-200/98, Ġabra p. I-8261, punt 19).

25

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li, f’cirkustanzi eċċezzjonali, hija għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom hija ntalbet tieħu deċiżjoni mill-qorti nazzjonali sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha stess. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrifjuta li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba m’għandha x’taqsam bl-ebda mod mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi fattwali jew tal-liġi li huma neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1981, Foglia, 244/80, Ġabra p. 3045, punt 21; tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C-379/98, Ġabra p. I-2099, punt 39; tat-22 ta’ Jannar 2002, Canal Satélite Digital, C-390/99, Ġabra p. I-607, punt 19, u Schneider, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22).

26

Fil-fatt, għalkemm l-ispirtu ta’ kollaborazzjoni li għandu jipprevali fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet assenjati mill-Artikolu 234 KE lill-qorti nazzjonali u lill-Qorti Komunitarja rispettivament jimponi fuq il-Qorti tal-Ġustizzja l-obbligu li tirrispetta r-responsabbilitajiet tal-qorti nazzjonali, fl-istess ħin dan jimplika li l-qorti nazzjonali, meta tagħmel użu mill-possibbiltajiet mogħtija minn dan l-artikolu, għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-funzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam, li hija dik li tikkontribwixxi għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri u mhux li tifformula opinjonijiet konsultattivi fuq kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Foglia, punti 18 u 20, kif ukoll Meilicke, punt 25).

27

Fir-rigward tal-proċedura fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà stabilixxiet li, f’każ ta’ appell, il-proċedura quddiem ir-Regeringsrätten għandha l-għan li tikkontrolla l-legalità ta’ opinjoni li, peress li tkun saret definittiva, torbot lill-amministrazzjoni fiskali u sservi bħala bażi għat-tassazzjoni jekk u safejn il-persuna li tkun talbet din l-opinjoni tkompli l-azzjoni prevista mit-talba tagħha u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Regeringsrätten għandha titqies li teżerċita funzjoni ta’ natura ġudizzjarja (is-sentenza X u Y, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17).

28

Il-fatt li l-iSkatteverket iddeċidiet li tikkonferma l-opinjoni preliminari tal-iSkatterättsnämnden m’għandu l-ebda effett fuq in-natura ġudizzjarja tal-proċedura fil-kawża prinċipali.

29

Barra minn hekk, fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda dwar interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, jiġifieri l-ewwel inċiż tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/83, u hija tqis li deċiżjoni preliminari fuq dan il-punt hija neċessarja sabiex tiġi kkontrollata l-legalità tal-opinjoni preliminari tal-iSkatterättsnämnden. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex mitluba tifformula opinjoni konsultattiva fuq kwistjoni ipotetika.

30

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li f’dan ir-rigward, ir-Regeringsrätten għandha ġurisdizzjoni sħiħa indipendentement mill-konklużjonijiet tal-partijiet.

31

Barra minn hekk, peress li d-deċiżjonijiet tar-Regeringsrätten mhumiex suġġetti għal appell ġudizzjarju taħt il-liġi interna, din il-qorti hija marbuta, b’mod konformi mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 234 KE, li tirreferi l-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja.

32

Konsegwentement, hekk kif diġà ntqal fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, fi proċedura bħal dik eżistenti fil-kawża prinċipali, huwa biss permezz ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jista’ jintlaħaq l-għan segwit minn din id-dispożizzjoni li huwa dak li tiġi assigurata l-applikazzjoni t-tajba u l-interpretazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju fl-Istati Membri kollha, kif ukoll sabiex jiġi evitat li tiġi stabbilita, fl-Istat Membru kkonċernat, ġurisprudenza nazzjonali li ma taqbilx mar-regoli ta’ din il-liġi.

33

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha li ssemmew iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domanda magħmula mir-Regeringsrätten.

Fuq id-domanda preliminari

34

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-alkoħol li jinsab fil-kompożizzjoni tal-inbid tat-tisjir għandux jiġi kklassifikat fil-kategorija tal-alkoħol etiliku msemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/83.

35

F’dan ir-rigward, għalkemm, hekk kif tindika l-qorti tar-rinviju, l-inbid tat-tisjir huwa, bħala tali, preparazzjoni alimentari li taqa’ taħt il-Kapitolu 21 tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, p. 1), xorta jibqa’ l-fatt li din il-preparazzjoni alimentari fiha l-alkoħol etiliku li jaqa’ taħt il-kodiċijiet 2207 u 2208 ta’ din in-nomenklatura.

36

Minn dan jirriżulta li, għalkemm l-alkoħol etiliku li jinsab fl-inbid tat-tisjir ikollu qawwa alkoħolika li teċċedi l-1.2 %, dan l-alkoħol jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/83.

37

Il-fatt li l-inbid tat-tisjir huwa, bħala tali, meqjus bħala preparazzjoni alimentari m’għandux effett fuq din l-evalwazzjoni.

38

Fil-fatt, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/83 japplika anki meta l-prodotti li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jiffurmaw parti minn prodott li jidħol taħt kapitolu ieħor tan-Nomenklatura Magħquda.

39

Konsegwentement, l-alkoħol li jinsab fil-kompożizzjoni tal-inbid tat-tisjir jikkostitwixxi, jekk ikollu qawwa alkoħolika li teċċedi l-1.2 %, alkoħol etiliku skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/83, li huwa, bla ħsara għall-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 27(1)(f) ta’ din id-Direttiva, suġġett għas-sisa armonizzata.

40

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li ssemmew iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun fis-sens li l-alkoħol li jinsab fil-kompożizzjoni tal-inbid tat-tisjir għandu, jekk ikollu qawwa alkoħolika li teċċedi l-1.2 %, jiġi kklassifikat fil-kategorija tal-alkoħol etiliku stabbilita fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/83.

Fuq l-ispejjeż

41

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-alkoħol li jinsab fil-kompożizzjoni tal-inbid tat-tisjir għandu, jekk ikollu qawwa alkoħolika li teċċedi l-1.2 %, jiġi kklassifikat fil-kategorija tal-alkoħol etiliku stabbilita fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 20 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi [dazji] tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Iżvediż.