EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R0141

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/141 tat-30 ta' Novembru 2015 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) Nru 639/2014 rigward ċerti dispożizzjonijiet dwar il-pagament għall-bdiewa żgħażagħ u dwar l-appoġġ akkoppjat volontarju u li jidderoga mill-Artikolu 53(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

OJ L 28, 4.2.2016, p. 2–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2022; Impliċitament imħassar minn 32022R2529

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2016/141/oj

4.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 28/2


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/141

tat-30 ta' Novembru 2015

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) Nru 639/2014 rigward ċerti dispożizzjonijiet dwar il-pagament għall-bdiewa żgħażagħ u dwar l-appoġġ akkoppjat volontarju u li jidderoga mill-Artikolu 53(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 50(11), 52(9) u 67(1) u (2) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 50(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-Istati Membri għandhom jagħtu pagament annwali lill-bdiewa żgħażagħ li huma intitolati għal pagament skont l-iskema ta' pagament bażiku jew l-iskema ta' pagament uniku skont l-erja.

(2)

L-Artikolu 49(1) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 (2) jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għal persuna ġuridika biex tingħata pagament għall-bdiewa żgħażagħ. B'mod partikolari, il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu ta' dik id-dispożizzjoni jistipula li bidwi żagħżugħ jeħtieġ jeżerċita kontroll effettiv u fuq żmien twil fuq il-persuna ġuridika fir-rigward ta' deċiżjonijiet relatati mat-tmexxija, mal-benefiċċji u mar-riskji finanzjarji jew waħdu jew flimkien ma' bdiewa oħrajn.

(3)

Huwa xieraq li jitħalla f'idejn l-Istati Membri biex jiddeċiedu jekk dan il-kontroll effettiv u fuq żmien twil jistax isir minn bdiewa żgħażagħ flimkien ma' bdiewa oħrajn jew inkella minn bdiewa żgħażagħ biss. Tabilħaqq, l-Istati Membri huma f'pożizzjoni aħjar biex jiddeċiedu jekk, fid-dawl tal-effettività u l-involviment fl-iskema, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi nazzjonali u fid-dawl tal-potenzjal għat-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi marbuta mal-kontrolli, il-persuni ġuridiċi kkontrollati b'mod konġunt minn bdiewa żgħażagħ u bdiewa oħrajn li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet għall-bdiewa żgħażagħ għandhomx jingħataw il-pagament għall-bdiewa żgħażagħ. Possibbiltà bħal din tippermetti wkoll li l-Istati Membri jallinjaw aħjar id-dispożizzjonijiet għall-aċċess tal-appoġġ għall-bdiewa żgħażagħ skont ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Billi r-raġunijiet li jippermettu lill-Istati Membri jieħdu deċiżjonijiet bħal dawn huma strutturali, huwa xieraq li jiġi stipulat li dawn jittieħdu darba biss. Deċiżjonijiet bħal dawn ma għandhomx jittieħdu aktar tard minn qabel il-ftuħ tal-perjodu tal-applikazzjoni fl-2017.

(4)

Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu, wara li jqisu l-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni, jekk għandhomx jeżiġu jew le l-kontroll uniku minn bdiewa żgħażagħ għal dawk il-persuni ġuridiċi jew gruppi ta' persuni naturali li jkunu diġà rċevew il-pagament għall-bdiewa żgħażagħ fil-passat meta l-kontroll kien eżerċitat flimkien ma' bdiewa li mhumiex bdiewa żgħażagħ.

(5)

Huwa wkoll xieraq li jiġi ċċarat li tali kontroll effettiv u fuq żmien twil għandu jsir kull sena fir-rigward ta' liema persuna ġuridika tapplika għall-pagament taħt l-iskema tal-bdiewa żgħażagħ.

(6)

Skont il-Kapitolu 1 tat-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-Istati Membri jistgħu jagħtu appoġġ akkoppjat lill-bdiewa skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dak il-Kapitolu. Dak il-Kapitolu huwa ssupplimentat mill-Artikolu 5 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 639/2014.

(7)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 639/2014 jistabbilixxi regoli fir-rigward tal-ammont ta' appoġġ akkoppjat għal kull unità. Bil-għan li l-appoġġ akkoppjat jiġi mmirat aħjar u b'hekk jintuża b'mod aktar effettiv, huwa xieraq li l-ekonomiji ta' skala jitħallew jiġu kkunsidrati, u skont dan, jiġu modulati l-ammonti unitarji fi ħdan kull miżura li tiġi stabbilita.

(8)

Fid-dawl tal-introduzzjoni tal-ammonti unitarji modulati fi ħdan kull miżura, huwa xieraq li jiġu mmodifikati r-rekwiżiti dwar l-informazzjoni li għandha tiġi notifikata mill-Istati Membri skont l-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) Nru 639/2014.

(9)

Skont l-Artikolu 52(5) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-appoġġ akkoppjat jista' jingħata biss sakemm ikun meħtieġ biex jinħoloq inċentiv biex jinżammu l-livelli attwali ta' produzzjoni fis-setturi jew fir-reġjuni kkonċernati. Fid-dawl ta' dan ir-rekwiżit, il-punt 3(i) tal-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) Nru 639/2014 jistipula li l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw l-ammonti għall-finanzjament ta' kull miżura ta' appoġġ akkoppjat volontarju. Madankollu, għal raġunijiet ta' użu effiċjenti tar-riżorsi finanzjarji disponibbli għall-appoġġ akkoppjat, huwa xieraq, li tiġi permessa ċerta flessibbiltà fl-użu ta' dawk l-ammonti għal kull miżura fil-forma ta' trasferimenti ta' fondi bejn il-miżuri.

(10)

Din il-flessibbiltà madankollu m'għandhiex taffettwa l-konformità tal-appoġġ mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, inklużi r-rekwiżiti li għandhom jiġu kkunsidrati li jaqgħu taħt il-“Kaxxa l-Blu” tal-Ftehim dwar l-Agrikoltura konkluż matul in-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj. B'mod partikolari, it-trasferimenti ta' fondi bejn il-miżuri m'għandhomx joħlqu inċentiv għall-produzzjoni lil hinn mil-livelli attwali ta' produzzjoni. Barra minn hekk, trasferimenti bħal dawn ma għandhomx jirriżultaw fin-nullità tal-miżuri ta' appoġġ notifikati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u l-Artikolu 67 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 639/2014.

(11)

Sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni korretta tar-regoli dwar l-appoġġ akkoppjat volontarju, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bid-deċiżjonijiet tagħhom li jittrasferixxu fondi bejn il-miżuri ta' appoġġ akkoppjat volontarju. Din in-notifika għandha tinkludi wkoll ġustifikazzjoni li t-trasferiment ma joħloqx inċentiv għal żieda fil-produzzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 52(5) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u li t-trasferiment ma jirriżultax fin-nullità tad-deċiżjonijiet notifikati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u l-Artikolu 67(1) u (2) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 639/2014.

(12)

L-Artikolu 54 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 639/2014 għandu l-għan li jevita l-akkumulazzjoni tal-appoġġ minn miżuri ta' appoġġ akkoppjat differenti li għandhom l-istess għan. Għal raġunijiet ta' ċarezza, huwa xieraq li jiġi speċifikat li din l-akkumulazzjoni tal-appoġġ teżisti meta l-istess bidwi jibbenefika minn miżuri ta' appoġġ akkoppjat differenti fl-istess settur jew reġjun jekk dawk il-miżuri huma mmirati lejn tipi differenti ta' biedja jew setturi agrikoli speċifiċi f'dak is-settur jew ir-reġjun.

(13)

Skont l-Artikolu 52(1) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 639/2014, ir-reġjuni li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 52(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għandhom jiġu ddefiniti mill-Istati Membri skont kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji. Huwa xieraq li jiġu inklużi l-obbligi notifikatorji rispettivi fl-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) Nru 639/2014.

(14)

Abbażi tal-esperjenza li nkisbet min-notifiki magħmula f'Awwissu 2014 u sabiex jiġu ssimplifikati n-notifiki tal-Istati Membri, huwa xieraq li jitneħħa l-obbligu ta' notifika fil-punt 3(d) tal-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) Nru 639/2014 dwar il-kriterji stabbiliti għall-fini li jiġu ddefiniti s-setturi u l-produzzjonijiet fil-mira.

(15)

Għaldaqstant, ir-Regolament Delegat (UE) Nru 639/2014 għandu jiġi emendat skont dan.

(16)

F'konformità mal-Artikolu 53(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-Istati Membri jistgħu, sal-1 ta' Awwissu 2016, jirrevedu d-deċiżjonijiet tagħhom dwar l-appoġġ akkoppjat volontarju. Bl-introduzzjoni tal-possibbiltà li jiġu stabbiliti ammonti unitarji modulati fi ħdan miżura unika, huwa xieraq li ssir deroga minn dik id-dispożizzjoni sabiex tippermetti, meta ċerti kundizzjonijiet ikunu ssodisfati, reviżjoni korrispondenti tad-deċiżjonijiet relatati ma' dawk il-miżuri li kienu ġew notifikati sal-1 ta' Awwissu 2014 b'effett mill-2016.

(17)

Billi dan ir-Regolament jikkonċerna l-applikazzjonijiet għall-għajnuna relatati mas-sena kalendarja 2016 u s-snin sussegwenti, huwa xieraq li jibda japplika mill-1 ta' Jannar 2016,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014

Ir-Regolament Delegat (UE) Nru 639/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 49 huwa emendat kif ġej:

(a)

fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, il-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

“(b)

bidwi żagħżugħ fis-sens tal-Artikolu 50(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jeżerċita kontroll effettiv u fuq tul ta' żmien fuq il-persuna ġuridika f'termini tad-deċiżjonijiet relatati mal-ġestjoni, mal-benefiċċji u mar-riskji finanzjarji għal kull sena li għaliha l-persuna ġuridika tapplika għall-pagament taħt l-iskema tal-bdiewa żgħażagħ. Meta diversi persuni fiżiċi, inkluż persuni li mhumiex bdiewa żgħażagħ, jipparteċipaw fil-kapital jew fil-ġestjoni tal-persuna ġuridika, il-bdiewa żgħażagħ għandhom għal kull sena li għaliha l-persuna ġuridika tapplika għall-pagament taħt l-iskema tal-bdiewa żgħażagħ, ikunu kapaċi li jeżerċitaw kontroll effettiv u fuq żmien twil bħal dan jew waħidhom jew flimkien ma' bdiewa oħrajn, soġġett għall-paragrafu 1a ta' dan l-Artikolu.”

(b)

għandu jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

“1a.   Permezz ta' deroga mill-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li, mis-sena kalendarja 2016 jew 2017, il-bdiewa żgħażagħ għandhom jeżerċitaw il-kontroll effettiv u fuq żmien twil li hemm referenza għalih f'dak il-punt biss. Deċiżjoni bħal din għandha tittieħed qabel id-data tal-ftuħ tal-perjodu tal-applikazzjoni għall-ewwel sena li tapplika għaliha u għandha tittieħed darba biss. L-ebda deċiżjoni bħal din ma għandha tkun possibbli wara d-data tal-ftuħ tal-perjodu ta' applikazzjoni għas-sena kalendarja 2017.

Meta l-Istati Membri jużaw id-deroga prevista fl-ewwel subparagrafu, biex tiġi ddeterminata d-data ta' stabbiliment li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 50(2)(a) u (5) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, il-perjodu li fih il-bidwi żagħżugħ jeżerċita kontroll b'mod konġunt flimkien ma' bdiewa oħra f'konformità mal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu fis-snin kalendarji ta' qabel is-sena kalendarja li fiha din id-deroga tiġi applikata, għandu jiġi kkunsidrat.

Jekk l-Istati Membri jużaw din id-deroga, huma għandhom jiddeċiedu jekk jeżiġux jew le kontroll uniku minn bdiewa żgħażagħ għal dawk il-persuni ġuridiċi jew gruppi ta' persuni fiżiċi li jkunu diġà rċevew pagament taħt l-iskema tal-bdiewa żgħażagħ fis-sena (snin) qabel is-sena li fiha din id-deroga hija applikata filwaqt li bidwi żagħżugħ jew bdiewa żgħażagħ eżerċitaw il-kontroll b'mod konġunt flimkien ma' bdiewa li ma kinux bdiewa żgħażagħ”.

(2)

Fl-Artikolu 53(2), jiddaħħal it-tielet subparagrafu li ġej:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 52(5) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, għall-ammont unitarju tal-appoġġ li hemm referenza għalih fit-tieni subparagrafu ta' dan il-paragrafu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw ammonti unitarji modulati għal ċerti kategoriji ta' bdiewa jew fil-livell tal-azjendi agrikoli sabiex jiġu kkunsidrati l-ekonomiji ta' skala li jirriżultaw mid-daqs tal-istrutturi ta' produzzjoni fit-tip ta' biedja speċifika fil-mira jew fis-settur agrikolu speċifiku, jew, jekk il-miżura timmira reġjun jew settur sħiħ, fir-reġjun jew fis-settur ikkonċernat. L-Artikolu 67(1) ta' dan ir-Regolament għandu japplika mutatis mutandis għan-notifika ta' deċiżjonijiet bħal dawn.”

(3)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu 53a li ġej:

“Artikolu 53a

Trasferiment ta' fondi bejn miżuri

1.   Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti stipulati fil-Kapitolu I tat-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jużaw l-ammonti notifikati skont il-punt (3)(i) tal-Anness I ta' dan ir-Regolament għall-finijiet ta' finanzjament wieħed jew ta' diversi miżuri oħra ta' appoġġ skont il-Kapitolu I tat-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 fir-rigward tal-istess sena ta' talba.

It-trasferiment ta' fondi bejn miżuri ta' appoġġ ma għandux jirriżulta fin-nullità tal-miżura ta' appoġġ notifikata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u l-Artikolu 67(1) u (2) ta' dan ir-Regolament.

2.   Meta ż-żona jew l-għadd ta' annimali eliġibbli għall-appoġġ taħt miżura ta' appoġġ akkoppjat volontarju fis-sena ta' talba kkonċernata jkunu daqs jew jaqbżu l-limitu kwantitattiv notifikat skont il-punt (3)(j) tal-Anness I ta' dan ir-Regolament, il-miżura ta' appoġġ ma għandhiex tibbenefika minn trasferiment ta' fondi minn xi miżura(i) oħra ta' appoġġ.

3.   Meta ż-żona jew l-għadd ta' annimali eliġibbli għall-appoġġ taħt miżura ta' appoġġ akkoppjat volontarju fis-sena tat-talba kkonċernata jkunu anqas meta mqabbla mal-limitu kwantitattiv notifikat skont il-punt (3)(j) tal-Anness I ta' dan ir-Regolament, it-trasferiment ta' fondi ma għandux jirriżulta f'ammont unitarju li jsir anqas mill-proporzjon bejn l-ammont stabbilit għall-finanzjament kif notifikat skont il-punt (3)(i) ta' dak l-Anness u l-limitu kwantitattiv.

4.   Meta l-Istati Membri jagħtu appoġġ akkoppjat għal għelejjel li fihom il-proteini filwaqt li jużaw il-possibbiltà prevista fl-Artikolu 53(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, it-trasferiment ta' fondi ma għandux jirriżulta f'appoġġ disponibbli għall-għelejjel li fihom il-proteini li jkun anqas minn 2 % tal-limitu massimu nazzjonali annwali stabbilit fl-Anness II ta' dak ir-Regolament.

5.   Deċiżjoni ta' trasferiment ta' fondi bejn il-miżuri ta' appoġġ għandha tittieħed qabel id-data tal-ewwel pagament jew il-pagament bil-quddiem lill-bdiewa fir-rigward tal-appoġġ akkoppjat volontarju. Madankollu, fir-rigward ta' trasferimenti minn u għal miżuri li għalihom għadu ma sar l-ebda ħlas, deċiżjoni bħal din tista' tittieħed wara dik id-data, iżda mhux aktar tard minn:

(a)

l-aħħar jum tax-xahar li fih isir l-ewwel pagament jew pagament bil-quddiem lill-bdiewa fir-rigward tal-appoġġ akkoppjat volontarju;

(b)

it-30 ta' Novembru, meta dak l-ewwel pagament jew pagament bil-quddiem ikun sar fil-perjodu mis-16 sal-31 ta' Ottubru.

6.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li jkun biħsiebu jieħu deċiżjoni ta' trasferiment ta' fondi bejn il-miżuri ta' appoġġ għandha tinforma lill-bdiewa bil-possibbiltà ta' trasferiment qabel id-data tal-ftuħ tal-perjodu tal-applikazzjoni.”

(4)

Fl-Artikolu 54, il-paragrafu 3 jinbidel b'dan li ġej:

“3.   Meta appoġġ taħt ċertu miżura ta' appoġġ akkoppjat jista' jingħata wkoll taħt miżura ta' appoġġ akkoppjat oħra, jew taħt miżura implimentata skont miżuri u politiki oħra tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bidwi kkonċernat jista' jirċievi appoġġ li għandu fil-mira l-objettiv li hemm referenza għalih fl-Artikolu 52(5) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 taħt miżura waħda biss bħal din għal kull settur, reġjun, tip ta' biedja speċifika jew settur agrikolu speċifiku li hija fil-mira skont l-Artikolu 52(3) ta' dak ir-Regolament.”

(5)

Fl-Artikolu 66, jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

“4.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar kull deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 49(1a) mhux aktar tard minn 15-il jum wara d-data li fiha tkun ittieħdet dik id-deċiżjoni.”

(6)

Fl-Artikolu 67, jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

“3.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar kull deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 53a(1) sal-ewwel jum tax-xahar ta' wara dak li fih ikun sar l-ewwel pagament jew pagament bil-quddiem lill-bdiewa fir-rigward tal-appoġġ akkoppjat volontarju. Madankollu, meta ħlas bħal dan ikun sar fil-perjodu mis-16 sal-31 ta' Ottubru, dik in-notifika għandha ssir sal-1 ta' Diċembru. Dik in-notifika għandha tinkludi dan li ġej:

(a)

lista tal-miżuri affettwati u l-ammonti trasferiti;

(b)

għal kull miżura affettwata, iż-żoni eliġibbli jew l-għadd ta' annimali fis-sena ta' talba rilevanti, wara li jkunu saru l-verifiki kollha tal-applikazzjonijiet ippreżentati;

(c)

għal kull miżura affettwata, ġustifikazzjoni li turi li t-trasferiment ma joħloqx inċentiv għall-produzzjoni lil hinn mil-livelli attwali ta' produzzjoni u li d-deċiżjonijiet notifikati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u l-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu ma jsirux nulli.”

(7)

L-Anness I huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Deroga mill-Artikolu 53(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013

1.   B'deroga mill-Artikolu 53(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jimmodifikaw, b'effett mill-2016, il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-appoġġ meta dawk il-kundizzjonijiet ikunu affettwati mill-applikazzjoni tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament Delegat UE) Nru 639/2014 kif emendat b'dan ir-Regolament, irrispettivament minn jekk il-miżura li għalih japplikaw l-ammonti unitarji modulati tirriżultax minn miżura unika jew minn diversi miżuri li qed jiġu amalgamati. Mingħajr ħsara għall-Artikolu 53a tar-Regolament (UE) Nru 639/2014, il-gruppi fil-mira u, b'mod partikolari, l-ammont iffissat għall-finanzjament ta' dawk il-gruppi ma għandhomx ikunu soġġetti għal modifiki. Deċiżjoni bħal din għandha tittieħed wara d-data tal-ftuħ tal-perjodu ta' applikazzjoni fl-2016.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar deċiżjonijiet bħal dawn biex jimmodifikaw il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-appoġġ mhux aktar tard minn xahar wara d-data tal-pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

2.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-bdiewa b'kull deċiżjoni skont il-paragrafu 1 qabel id-data tal-ftuħ tal-perjodu ta' applikazzjoni.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Japplika mill-1 ta' Jannar 2016.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Novembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608.

(2)  Ir-Regolament Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 tal-11 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lil bdiewa skont skemi ta' appoġġ fi ħdan il-qafas tal-politika agrikola komuni u li jemenda l-Anness X ta' dak ir-Regolament (ĠU L 181, 20.6.2014, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' 17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).


ANNESS

Fl-Anness I tar-Regolament Delegat (KE) Nru 639/2014, il-punt 3 huwa emendat kif ġej:

(1)

il-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

“(b)

it-tipi speċifiċi ta' biedja u/jew is-setturi agrikoli speċifiċi magħżula kif ukoll deskrizzjoni tad-diffikultajiet li nstabu u, fejn applikabbli, il-kriterji stabbiliti mill-Istati Membri biex jiddefinixxu r-reġjuni li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 52(1) ta' dan ir-Regolament;”;

(2)

il-punt (d) jitħassar;

(3)

jiżdied il-punt (ga) li ġej:

“(ga)

għal Stati Membri li japplikaw it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) ta' dan ir-Regolament, il-kriterji applikati għall-istabbiliment ta' kull ammont unitarju modulat skont dak is-subparagrafu;”

(4)

il-punt (h) jinbidel b'dan li ġej:

“(h)

l-ammont(i) stmat(i) għal kull unità ta' appoġġ ikkalkulat(i) skont it-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 53(2) ta' dan ir-Regolament;”.


Top