Help Print this page 
Title and reference
Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 tat- 18 ta' Diċembru 2013 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-istabbiliment ta' simboli tal-Unjoni għal denominazzjonijiet protetti tal-oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi protetti u speċjalitajiet tradizzjonali ggarantiti u fir-rigward ta' ċerti regoli dwar il-ksib, ċerti regoli proċedurali u ċerti regoli tranżitorji oħrajn

OJ L 179, 19.6.2014, p. 17–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Languages, formats and link to OJ
BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA HR IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
HTML html BG html ES html CS html DA html DE html ET html EL html EN html FR html HR html IT html LV html LT html HU html MT html NL html PL html PT html RO html SK html SL html FI html SV
PDF pdf BG pdf ES pdf CS pdf DA pdf DE pdf ET pdf EL pdf EN pdf FR pdf HR pdf IT pdf LV pdf LT pdf HU pdf MT pdf NL pdf PL pdf PT pdf RO pdf SK pdf SL pdf FI pdf SV
Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal
 To see if this document has been published in an e-OJ with legal value, click on the icon above (For OJs published before 1st July 2013, only the paper version has legal value).
Multilingual display
Text

19.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 179/17


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 664/2014

tat-18 ta' Diċembru 2013

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-istabbiliment ta' simboli tal-Unjoni għal denominazzjonijiet protetti tal-oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi protetti u speċjalitajiet tradizzjonali ggarantiti u fir-rigward ta' ċerti regoli dwar il-ksib, ċerti regoli proċedurali u ċerti regoli tranżitorji oħrajn

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi ta' kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 5(4), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(7), l-Artikolu 16(2), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(2), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23(4), l-Artikolu 25(3), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 49(7), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 51(6), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(3), u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 54(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 irrevoka u ħa post ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006 tal-20 ta' Marzu 2006 dwar prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel bħala speċjalitajiet tradizzjonali ggarantiti (2) u (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta' Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (3). Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti delegati u ta' implimentazzjoni. Sabiex ikun żgurat il-funzjonament bla xkiel ta' skemi ta' kwalità għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel fil-qafas legali l-ġdid, ċerti regoli għandhom ikunu adottati permezz ta' atti ta' din ix-xorta. Ir-regoli l-ġodda għandhom jissostitwixxu r-regoli ta' implimentazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 509/2006 u (KE) Nru 510/2006, li kienu ġew stabbiliti permezz tar-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1898/2006 tal-14 ta' Diċembru 2006 li jistipula regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (4) u (KE) Nru 1216/2007 tat-18 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006 dwar prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel bħala speċjalitajiet tradizzjonali ggarantiti (5), rispettivament.

(2)

Sabiex jitqiesu l-karattru speċifiku, u b'mod partikolari l-limitazzjonijiet fiżiċi u materjali, għall-produzzjoni ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali li l-isem tagħhom huwa rreġistrat bħala denominazzjoni tal-oriġini protetta, għandhom jingħataw derogi fir-rigward tas-sors tal-għalf fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta' prodotti bħal dawn. Dawk id-derogi ma għandhom bl-ebda mod jaffettwaw ir-rabta bejn l-ambjent ġeografiku u l-kwalità speċifika jew il-karatteristiċi li dak il-prodott ikollu essenzjalment jew esklussivament minħabba dak l-ambjent.

(3)

Sabiex titqies in-natura speċifika ta' ċerti prodotti, restrizzjonijiet fir-rigward tal-għejjun tal-materji prima għal indikazzjonijiet ġeografiċi protetti għandhom ikunu permessi fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott f'każijiet ta' prodotti bħal dawn. Dawk ir-restrizzjonijiet għandhom ikunu ġustifikati fid-dawl ta' kriterji oġġettivi li jkunu konformi mal-prinċipji ġenerali tal-iskema tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti u li jkomplu jtejbu l-konsistenza tal-prodotti mal-għanijiet tal-iskema.

(4)

Sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni xierqa tiġi kkomunikata lill-konsumatur, għandhom jiġu stabbiliti simboli tal-Unjoni maħsubin biex jagħmlu reklam tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini, l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti u l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti.

(5)

Sabiex ikun żgurat li l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott għall-ispeċjalitajiet tradizzjonali ggarantiti jipprovdu biss informazzjoni rilevanti u konċiża, u sabiex jiġu evitati applikazzjonijiet voluminużi għar-reġistrazzjoni jew għall-approvazzjoni ta' emenda għal speċifikazzjoni ta' prodott ta' speċjalità tradizzjonali ggarantita, għandu jiġi stabbilit limitu għat-tul tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

(6)

Biex jiġi faċilitat il-proċess tal-applikazzjoni, regoli addizzjonali dwar proċeduri nazzjonali ta' oppożizzjoni fil-każ ta' applikazzjonijiet konġunti li għandhom x'jaqsmu ma' iktar minn territorju nazzjonali wieħed għandhom ikunu stabbiliti. Minħabba li d-dritt ta' oppożizzjoni għandu jkun iggarantit fit-territorju kollu tal-Unjoni, l-obbligu li jitwettqu proċeduri nazzjonali ta' oppożizzjoni fl-Istati Membri kollha kkonċernati minn applikazzjonijiet konġunti għandhom jiġu pprovduti.

(7)

Sabiex ikollhom passi ċari fi proċedura ta' oppożizzjoni, huwa meħtieġ li jiġu speċifikati l-obbligi proċedurali tal-applikant f'każ li l-konsultazzjonijiet xierqa wara l-preżentazzjoni ta' dikjarazzjoni raġunata ta' oppożizzjoni jirriżultaw fi ftehim.

(8)

Sabiex ikun iffaċilitat it-trattament tal-applikazzjonijiet għal emenda għal speċifikazzjoni ta' prodott, għandhom jiġi stabbiliti regoli akkompanjanti li jikkonċernaw l-iskrutinju tal-applikazzjonijiet għall-emenda u li jikkonċernaw is-sottomissjoni u l-evalwazzjoni ta' emendi minuri. Minħabba n-natura temporanja ta' emerġenza tagħhom, l-emendi għandhom jiġu eżentati mill-proċedura standard u ma għandhomx ikunu suġġetti għal approvazzjoni formali mill-Kummissjoni. Madankollu, il-Kummissjoni għandha tinżamm infurmata bis-sħiħ dwar il-kontenut u l-ġustifikazzjonijiet ta' dawn l-emendi.

(9)

Sabiex jiġi żgurat li l-partijiet kollha jkollhom l-opportunità li jiddefendu d-drittijiet u l-interessi leġittimi tagħhom, għandhom jiġu stabbiliti regoli dwar il-proċess ta' kanċellazzjoni. Il-proċess ta' kanċellazzjoni għandu jiġu allinjat mal-proċedura standard għar-reġistrazzjoni stipulata fl-Artikoli minn 49 sa 52 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. Għandu jiġi ċċarat ukoll li l-Istati Membri huma fost il-persuni ġuridiċi li jista' jkollhom interess leġittimu fis-sottomissjoni tat-talba għall-kanċellazzjoni skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 54(1) ta' dak ir-Regolament.

(10)

Sabiex jiġu mħarsal-interessi leġittimi tal-produtturi jew tal-partijiet interessati kkonċernati, għandu xorta jkun possibbli li dokumenti uniċi dwar denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti rreġistrati qabel il-31 ta' Marzu 2006, u li għalihom ma nħariġx dokument uniku, jiġu ppubblikati fuq talba tal-Istati Membri kkonċernati.

(11)

L-Artikolu 12(3) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 jipprevedu li għall-prodotti li joriġinaw fl-Unjoni li jiġu kkummerċjalizzati taħt denominazzjoni ta' oriġini protetta, indikazzjoni ġeografika protetta jew speċjalità tradizzjonali ggarantita, is-simboli tal-Unjoni assoċjati ma' dawk il-prodotti jridu jidhru fuq it-tikkettar, u jipprevedu wkoll li l-indikazzjonijiet jew abbrevjazzjonijiet rilevanti jkunu jistgħu jidhru fuq it-tikketta. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(3) jipprevedi li s-simbolu huwa obbligatorju fuq it-tikketta ta' speċjalitajiet tradizzjonali ggarantiti li huma prodotti barra l-Unjoni. Dawk id-dispożizzjonijiet se jkunu applikabbli biss mill-4 ta' Jannar 2016. Madankollu, ir-Regolamenti (KE) Nru 509/2006 u (KE) Nru 510/2006, li kienu abrogati mir-Regolament (UE) Nru 1151/2012, ipprevedew l-obbligu li jqiegħdu fuq it-tikkettar ta' prodotti li joriġinaw fl-Unjoni jew is-simbolu inkella indikazzjoni kompluta, u taw l-għażla li tintuża l-indikazzjoni “speċjalità tradizzjonali ggarantita” fuq it-tikketta ta' speċjalitajiet tradizzjonali ggarantiti li huma prodotti barra l-Unjoni. Għal raġunijiet ta' kontinwità bejn iż-żewġ Regolamenti mħassra u r-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-obbligu li jitqiegħdu fuq it-tikkettar ta' prodotti li joriġinaw fl-Unjoni jew is-simboli tal-Unjoni inkella indikazzjoni rispettiva, u l-għażla li tintuża l-indikazzjoni “speċjalità tradizzjonali ggarantita” fuq it-tikketta ta' speċjalitajiet tradizzjonali ggarantiti li huma prodotti barra l-Unjoni, għandhom jitqiesu impliċitament stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012, u għandhom jitqiesu diġà applikabbli. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, u biex jitħarsu d-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-produtturi jew tal-partijiet interessati kkonċernati, il-kondizzjonijiet tal-użu ta' simboli u indikazzjonijiet fuq it-tikketta, kif stabbilit fir-Regolamenti (KE) Nru 509/2006 u (KE) Nru 510/2006, għandhom ikomplu jiġu applikati sat-3 ta' Jannar 2016.

(12)

Għall-fini taċ-ċarezza u taċ-ċertezza legali, ir-Regolamenti (KE) Nru 1898/2006 u (KE) Nru 1216/2007 għandhom jitħassru,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Regoli speċifiċi dwar is-sorsi tal-għalf u materja prima

1.   Għall-fini tal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-għalf għandu jkollu l-bidu tiegħu kompletament miż-żona ġeografika ddefinita fir-rigward ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali li isimhom huwa rreġistrat bħala denominazzjoni protetta tal-oriġini.

Sa fejn ma jkunx teknikament prattikabbli li s-sors ikun kompletament miż-żona ġeografika ddefinita, għalf li joriġina minn barra dik iż-żona jista' jiġi miżjud, dment li l-kwalità tal-prodott jew il-karatteristiċi li essenzjalment ikollu minħabba l-ambjent ġeografiku ma jiġux affettwati. L-għalf li jkun ġej minn barra ż-żona ġeografika ddefinita ma għandu fl-ebda każ ikun ta' aktar minn 50 % tal-materja niexfa fuq bażi annwali.

2.   Kull restrizzjoni fuq l-oriġini tal-materja prima li tingħata fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta' prodott li ismu huwa rreġistrat bħala indikazzjoni ġeografika protetta għandha tkun iġġustifikata b'relazzjoni mar-rabta msemmija fil-punt (f)(ii) tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

Artikolu 2

Simboli tal-Unjoni

Is-simboli tal-Unjoni msemmija fl-Artikoli 12(2) u 23(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 huma stabbiliti kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Limitazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tal-prodotti għal speċjalitajiet tradizzjonali ggarantiti

L-ispeċifikazzjoni tal-prodott imsemmija fl-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 għandha tkun konċiża u ma għandhiex taqbeż il-5 000 kelma, ħlief f'każijiet iġġustifikati kif jixraq.

Artikolu 4

Proċeduri ta' oppożizzjoni nazzjonali għal applikazzjonijiet konġunti

Fil-każ ta' applikazzjonijiet konġunti kif imsemmija fl-Artikolu 49(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-proċeduri nazzjonali ta' oppożizzjoni relatati għandhom jitwettqu fl-Istati Membri kollha kkonċernati.

Artikolu 5

Obbligu ta' notifika rigward ftehim fi proċedura nazzjonali

Meta l-partijiet interessati jilħqu ftehim wara l-konsultazzjonijiet msemmija fl-Artikolu 51(3) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-awtoritajiet tal-Istat Membru jew tal-pajjiż terz minn fejn ġiet depożitata l-applikazzjoni għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-fatturi kollha li wasslu biex jintlaħaq il-ftehim, inklużi l-opinjonijiet tal-applikant u tal-awtoritajiet ta' Stat Membru jew ta' pajjiż terz jew persuni fiżiċi u ġuridiċi oħrajn li jkunu ressqu l-oppożizzjoni.

Artikolu 6

Emendi tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

1.   L-applikazzjoni għal emenda ta' speċifikazzjoni ta' prodott, kif imsemmi fl-Artikolu 53(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li ma hijiex minuri, għandu jkun fiha deskrizzjoni eżawrjenti bir-raġunijiet speċifiċi għal kull emenda. Id-deskrizzjoni għandha tqabbel fid-dettall, għal kull emenda, l-ispeċifikazzjoni oriġinali tal-prodott u, fejn rilevanti, dokument uniku oriġinali bil-verżjoni emendata proposta.

Dik l-applikazzjoni għandha tkun awtosuffiċjenti. Din għandha tinkludi l-emendi kollha fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott u, fejn rilevanti, għad-dokument uniku li għalih tkun qiegħda titfittex l-approvazzjoni.

Applikazzjoni għal emenda li ma hijiex minuri, u li ma tkunx f'konformità mal-ewwel u t-tieni subparagrafi, ma għandhiex tkun ammissibbli. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-applikant jekk l-applikazzjoni hix meqjusa inammissibbli.

L-approvazzjoni mill-Kummissjoni ta' applikazzjoni għal emenda għal speċifikazzjoni ta' prodott li ma hijiex minuri għandha tkopri biss l-emendi kif inkluż fl-applikazzjoni nnifisha.

2.   L-applikazzjonijiet għal emenda minuri għal speċifikazzjoni ta' prodott dwar denominazzjonijiet protetti tal-oriġini jew indikazzjonijiet ġeografiċi protetti għandhom jitressqu quddiem l-awtoritajiet tal-Istat Membru li ż-żona ġeografika tad-denominazzjoni jew indikazzjoni tirreferi għalih. L-applikazzjonijiet għal emenda minuri tal-ispeċifikazzjoni ta' prodott li għandhom x'jaqsmu mal-ispeċjalitajiet tradizzjonali ggarantiti għandhom ikunu sottomesi lill-awtoritajiet tal-Istat Membru li fih il-grupp huwa stabbilit. Jekk l-applikazzjoni għal emenda minuri tal-ispeċifikazzjoni ta' prodott ma tkunx ġejja minn grupp li ppreżenta applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' isem jew ismijiet li l-ispeċifikazzjoni tal-prodott jirreferu għalihom, l-Istat Membru għandu jagħti lil dak il-grupp l-opportunità li jagħmel kummenti dwar l-applikazzjoni jekk dak il-grupp ikun għadu jeżisti. Jekk l-Istat Membru jqis li r-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 u tad-dispożizzjonijiet adottati bis-saħħa tiegħu jkunu ġew issodisfati, jista' jippreżenta dossier ta' applikazzjoni ta' emenda minuri lill-Kummissjoni. Applikazzjonijiet għal emenda minuri ta' speċifikazzjoni ta' prodott fir-rigward ta' prodotti li joriġinaw f'pajjiżi terzi jistgħu jiġu ppreżentati minn grupp li jkollu interess leġittimu jew direttament lill-Kummissjoni inkella permezz tal-awtoritajiet ta' dak il-pajjiż terz.

L-applikazzjoni għal emenda minuri għandha tipproponi biss emendi minuri skont it-tifsira tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. Din għandha tiddeskrivi dawk l-emendi minuri, tesprimi fil-qosor ir-raġuni għaliex hija meħtieġa emenda, u turi li l-emendi proposti jikkwalifikaw bħala minuri skont l-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. Din għandha tqabbel, għal kull emenda, l-ispeċifikazzjoni oriġinali tal-prodott u, fejn rilevanti, dokument uniku oriġinali bil-verżjoni emendata proposta. L-applikazzjoni għandha tkun awtosuffiċjenti u għandha tinkludi l-emendi kollha għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott, u fejn rilevanti, għad-dokument uniku li għalihom tkun qiegħda titfittex l-approvazzjoni.

L-emendi minuri msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 għandhom jitqiesu approvati jekk il-Kummissjoni ma tinformax lill-applikant mod ieħor fi żmien tliet xhur mill-wasla tal-applikazzjoni.

Applikazzjoni għal emenda minuri li ma tikkonformax mat-tieni subparagrafu ta' dan il-paragrafu ma għandhiex tkun ammissibbli. L-approvazzjoni taċita msemmija fit-tielet subparagrafu ta' dan il-paragrafu ma għandhiex tapplika għal applikazzjonijiet bħal dawn. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-applikant jekk l-applikazzjoni hix meqjusa bħala inammissibbli fi żmien tliet xhur mill-wasla tal-applikazzjoni.

Il-Kummissjoni għandha tagħmel pubblika l-emenda minuri approvata għal speċifikazzjoni ta' prodott li ma timplikax modifika tal-elementi msemmija fl-Artikolu 50(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

3.   Il-proċedura stabbilita fl-Artikoli minn 49 sa 52 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 ma għandhiex tapplika għal emendi li jikkonċernaw bidla temporanja tal-ispeċifikazzjoni li tirriżulta mill-impożizzjoni ta' miżuri obbligatorji sanitarji jew fitosanitarji mill-awtoritajiet pubbliċi jew marbuta ma' diżastri naturali jew kundizzjonijiet ta' temp avversi formalment rikonoxxuti mill-awtoritajiet kompetenti.

Dawk l-emendi għandhom ikunu kkomunikati lill-Kummissjoni flimkien mar-raġunijiet għalihom sa mhux aktar tard minn ġimgħatejn wara l-approvazzjoni. Emendi temporanji għal speċifikazzjoni ta' prodott dwar deżinjazzjonijiet ta' oriġini protetti jew indikazzjonijiet ġeografiċi protetti għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet tal-Istat Membru taż-żona ġeografika inkonnessjoni mad-deżinjazzjoni jew l-indikazzjoni. Emendi temporanji ta' speċifikazzjoni ta' prodott fir-rigward ta' speċjalitajiet tradizzjonali ggarantiti għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet tal-Istat Membru li fih huwa stabbilit il-grupp. Emendi temporanji li jikkonċernaw prodotti li joriġinaw minn pajjiżi terzi għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni jew minn grupp li jkollu interess leġittimu jew mill-awtoritajiet ta' dak il-pajjiż terz. L-Istati Membri għandhom jippubblikaw emendi termporanji għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott. Fil-komunikazzjonijiet dwar emenda temporanja għal speċifikazzjoni ta' prodott relatata mad-denominazzjoni protetta tal-oriġini jew indikazzjoni ġeografika protetta, l-Istati Membri għandhom jibgħatu biss ir-referenza għall-pubblikazzjoni. Fil-komunikazzjonijiet dwar emenda temporanja għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott li għandhom x'jaqsmu ma' speċjalità tradizzjonali ggarantita, dawn għandhom jibgħatu l-emenda temporanja għal speċifikazzjoni tal-prodott kif ippubblikata. Fil-komunikazzjonijiet li jikkonċernaw prodotti li joriġinaw minn pajjiżi terzi l-emendi termporanji approvati għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott għandhom jintbgħatu lill-Kummissjoni. Evidenza tal-miżuri sanitarji u fitosanitarji u kopja tal-att li jirrikonoxxi diżastri naturali jew kundizzjonijiet ta' temp avversi għandhom jingħataw għall-komunikazzjonijiet kollha rigward emendi temporanji mill-Istati Membri u kemm mill-pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni għandha tagħmel dawn l-emendi pubbliċi.

Artikolu 7

Tħassir

1.   Il-proċedura stabbilita fl-Artikoli minn 49 sa 52 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 għandha tapplika mutatis mutandis għat-tħassir ta' reġistrazzjoni kif imsemmi fl-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 54(1) ta' dak ir-Regolament.

2.   L-Istati Membri għandhom jitħallew iressqu talba għat-tħassir fuq inizjattiva tagħhom skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 54(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

3.   It-talba għat-tħassir għandha tiġi ppubblikata skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 50(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

4.   Id-dikjarazzjonijiet ta' oppożizzjoni rraġunata fir-rigward ta' tħassir għandhom ikunu ammissibbli biss jekk tintwera fiduċja kummerċjali kontinwa minn persuna interessata fuq l-isem irreġistrat.

Artikolu 8

Regoli tranżitorji

1.   Fir-rigward ta' denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti rreġistrati qabel il-31 ta' Marzu 2006, il-Kummissjoni, fuq talba ta' Stat Membru, għandha tippubblika dokument uniku sottomess minn dan l-Istat Membru f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dik il-pubblikazzjoni għandha tkun akkumpanjata mir-referenza tal-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni.

2.   Sat-3 ta' Jannar 2016, għandu japplika t-tibdil li ġej:

(a)

Għall-prodotti li joriġinaw fl-Unjoni, fejn l-isem irreġistrat huwa dak li jiġi użat fuq it-tikkettar, l-isem għandu jkun akkumpanjat jew bis-simbolu rilevanti tal-Unjoni, jew bl-indikazzjoni rilevanti msemmija fl-Artikolu 12(3) jew l-Artikolu 23(3) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012;

(b)

Għall-prodotti li huma prodotti barra l-Unjoni, l-indikazzjoni msemmija fl-Artikolu 23(3) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 ma għandhiex tkun obbligatorja fuq it-tikketta ta' speċjalitajiet tradizzjonali ggarantiti.

Artikolu 9

Revoka

Ir-Regolamenti (KE) Nru 1898/2006 u (KE) Nru 1216/2007 huma mħassrin.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 5 għandu japplika biss għal proċeduri ta' oġġezzjoni li għalihom il-perjodu ta' tliet xhur stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 51(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 ikun għadu ma skadiex fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Diċembru 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 1.

(3)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.

(4)  ĠU L 369, 23.12.2006, p. 1.

(5)  ĠU L 275, 19.10.2007, p. 3.


ANNESS

Is-simbolu tal-Unjoni għal “Denominazzjoni protetta tal-oriġini”

Image

Is-simbolu tal-Unjoni għal “Indikazzjoni ġeografika protetta”

Image

Is-simbolu tal-Unjoni għal “Speċjalità tradizzjonali ggarantita”

Image


Top