EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012JC0036

KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Li tappoġġa l-kooperazzjoni aktar mill-qrib u l-integrazzjoni reġjonali fil-Magreb: l-Alġerija, il-Libja, il-Mawritanja, il-Marokk u t-Tuneżija

/* JOIN/2012/036 final */

52012JC0036

KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Li tappoġġa l-kooperazzjoni aktar mill-qrib u l-integrazzjoni reġjonali fil-Magreb: l-Alġerija, il-Libja, il-Mawritanja, il-Marokk u t-Tuneżija /* JOIN/2012/036 final */


KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Li tappoġġa l-kooperazzjoni aktar mill-qrib u l-integrazzjoni reġjonali fil-Magreb: l-Alġerija, il-Libja, il-Mawritanja, il-Marokk u t-Tuneżija

I.            Introduzzjoni

1.           Il-popli tal-Magreb kienu fuq quddiem tal-avvenimenti storiċi tal-2011. Aktar minn kwalunkwe reġjun ieħor fid-dinja Għarbija, il-pajjiżi tal-Magreb bdew proċess twil ta’ bidla u riforma. L-Unjoni Ewropea għandha interess prinċipali fis-suċċess ta’ dan il-proċess ta’ demokratizzazzjoni u mmodernizzar.

2.           Barra minn hekk, matul l-aħħar sena, kien hemm rieda mġedda mill-pajjiżi tal-Magreb lejn kooperazzjoni aktar mill-qrib bejniethom. Dan il-moviment – li għadu tentattiv u li għadu jrid jissarraf f’passi komprensivi – hu bbażat fuq ir-rikonoxximent li l-għanijiet ta’ tkattir tal-prosperità, l-istabbiltà u t-trasformazzjoni demokratika fil-livell nazzjonali ma jistgħux jinkisbu bis-sħiħ fin-nuqqas ta’ relazzjonijiet aktar profondi bejn il-pajjiżi tal-Magreb.

3.           L-għan ewlieni ta’ din il-Komunikazzjoni hu li tistabbilixxi modi ta’ kif l-Unjoni Ewropea tista’ tappoġġa l-kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-pajjiżi tal-Magreb, billi tibbaża fuq l-esperjenza estensiva tagħha ta’ integrazzjoni u minħabba l-interess tagħha fir-reġjun bħala ġar u msieħba ewlenija għall-ħames pajjiżi kkonċernati. Permezz ta’ dan, il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentat Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (“ir-Rappreżentat Għoli”) iridu jinkoraġġixxu l-isforzi li qed isiru mill-imsieħba tal-Magreb biex tikber il-kooperazzjoni fil-livell tal-Magreb u jakkumpanjawhom f’dan il-proċess. Magreb aktar b’saħħtu u aktar magħqud se jgħin biex jiġu indirizzati sfidi komuni, bħan-nuqqas ta’ stabbiltà fis-Saħel, is-sigurtà tal-enerġija, il-ħtieġa li jinħolqu l-impjiegi u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Dawn jirrappreżentaw opportunitajiet storiċi sabiex napprofondixxu s-sħubija tagħna.

4.           Din il-Komunikazzjoni hi parti mir-rispons globali tal-UE għall-bidliet fil-viċinat tan-nofsinhar. Il-proposti stipulati fiha huma maħsuba biex jikkomplementaw, mhux jissostitwixxu, il-firxa ta’ miżuri li l-UE żviluppat fil-Komunikazzjonijiet[1] adottati mill-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli fl-2011 li stabbilixxew Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperità Komuni u stipulaw approċċ imġedded għall-Politika Ewropea tal-Viċinat. Dawn iż-żewġ Komunikazzjonijiet enfasizzaw l-importanza ta’ integrazzjoni akbar bejn in-nofsinhar (u subreġjonali) bħala komplimentari għal inizjattivi bilaterali u reġjonali oħra. Il-Komunikazzjoni preżenti tibni wkoll fuq l-“Aġenda għall-Bidla”, il-politika riveduta ta’ Kummissjoni għal użu orjentat lejn ir-riżultati tal-fondi għall-assistenza esterna[2].

5.           Il-proposti huma konformi mal-wegħdiet tal-UE biex twieġeb b’mod pożittiv għall-inizjattivi għar-riforma mnedija mill-pajjiżi msieħba tagħha fil-viċinat u ġew żviluppati b’konsultazzjoni magħhom. Ħafna mill-miżuri stabbiliti hawn taħt huma ġodda. F’xi każijiet issir referenza wkoll għal inizjattivi reġjonali eżistenti fejn l-isforzi ta’ integrazzjoni jistgħu jittejbu permezz tal-użu tal-għodod eżistenti għalkemm mill-perspettiva tal-Magreb, kif ukoll attivitajiet bilaterali, fejn dawn jikkontribwixxu għal koeżjoni akbar fir-reġjun.

6.           Fl-istess ħin, il-Komunikazzjoni timmira biex tirrifletti r-relazzjonijiet importanti żviluppati bejn il-pajjiżi tal-Magreb u l-Afrika Sub-Saħarjana fuq naħa u l-UE u l-Afrika Sub-Saħarjana fuq in-naħa l-oħra. F’dan il-kuntest, l-appoġġ tal-UE għall-integrazzjoni fil-Magreb għandu jkun artikolat b’mod ċar permezz tar-relazzjonijiet aktar wiesgħa tal-UE fil-kontinent Afrikan kif stabbilit fl-Istrateġija Konġunta Afrika-UE[3]. Dan jinkludi b’mod partikolari s-Sħubija għall-Paċi u s-Sigurtà tematika tagħha fejn il-pajjiżi tal-Magreb qed jipparteċipaw direttament jew qed isegwu mill-qrib. Il-Komunikazzjoni tikkunsidra wkoll il-karattru doppju partikolari tal-Mawritanja, ikkonferit lilha mill-pożizzjoni ġeografika tagħha bejn il-Magreb Għarbi u l-Afrika Sub-Saħarjana.

7.           Ir-rieda għall-bidla u d-deċiżjonijiet dwar kif l-aħjar tista’ tinkiseb l-integrazzjoni huma biss tal-pajjiżi tal-Magreb infushom. Konsegwentement, l-offerta stabbilita f’din il-Komunikazzjoni qed issir fi spirtu ta’ solidarjetà u sħubija f’mument kritiku fid-dibattitu li għaddej fi ħdan il-Magreb dwar ir-ritmu u l-profondità tal-integrazzjoni fil-livell sub-reġjonali. Madankollu, filwaqt li dawn il-proposti jistgħu jġibu benefiċċji għan-nies tar-reġjun tal-Magreb kollu, huma jistgħu jkunu wkoll ta’ benefiċċju jekk jiġu żviluppati fuq bażi bilaterali aktar limitata jew f’mod assimetriku fost ir-reġjun.

II.          L-isfidi li qed jiffaċċja l-Magreb

8.           Il-Magreb hu reġjun b’potenzjal ta’ żvilupp sinjur ħafna. Ippożizzjonat bejn l-Afrika Sub-Saħarjana u l-Unjoni Ewropea min-naħa l-waħda, u l-Lvant tal-Mediterran min-naħa l-oħra, hu għandu l-vantaġġi ta’ aċċess kemm tal-kosti tal-Atlantiku u tal-Mediterran u kemm tar-rotot potenzjali ta’ trasport fuq l-art ta’ bejn il-pajjiżi. Hu jgawdi wkoll minn riżorsi naturali u umani konsiderevoli, kif ukoll minn rabtiet komuni kulturali u lingwistiċi.

9.           Madankollu, il-Magreb jibqa’ wieħed mir-reġjuni l-anqas integrati fid-dinja. Bħala riżultat, il-potenzjal għall-iżvilupp tiegħu baqa’ ġeneralment maqful. Mill-lat ekonomiku l-ispiża tan-“non-Magreb” ġiet varjament stmata bejn 1-2% tal-PDG. Madankollu l-ispiża reali tan-nuqqas ta’ integrazzjoni tmur lil hinn mit-tkabbir ekonomiku biex tinkludi s-sigurtà, u l-iżvilupp uman usa’ fir-reġjun.

10.         L-isfidi li qed jiffaċċja r-reġjun ġew iddokumentati sew. Dawn jinkludu:

Ir-Riformi Demokratiċi

(a) Il-pajjiżi kollha tal-Magreb għaddejjin minn proċessi ta’ riforma politika. Fl-isfera politika l-aspettattivi tal-pubbliku huma għoljin fir-rigward tal-parteċipazzjoni fil-ħajja pubblika, ir-responsabbiltà, l-aċċess għall-informazzjoni, il-libertà tal-espressjoni u l-aċċess għall-ġustizzja. Is-soċjetà ċivili kibret fl-istatura u hi aktar kapaċi taqdi r-rwol tagħha bħala sieħeb leġittimu tal-gvern lokali fl-iżvilupp ta’ soċjetajiet aktar inklużivi. Titjib tal-proċessi elettorali żiedu r-responsabbiltà fir-reġjun. Il-parlamenti għandhom il-potenzjal li jiżviluppaw bħala atturi prinċipali bħalma għandhom id-diversi partiti/movimenti politiċi li ħarġu sa issa. Fl-istess ħin l-istituzzjonijiet meħtieġa biex jipproteġu l-valuri demokratiċi, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem huma dgħajfa. F’dan l-ambjent, il-kompitu biex jiġu kkonsolidati u ppromovuti r-riformi demokratiċi li jirrispettaw bis-sħiħ in-normi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem jibqa’ sfida.

Ir-Riformi Soċjoekonomiċi

(b) It-tkabbir fil-Magreb xorta jibqa’ dgħajjef wisq biex jassorbi l-flussi kbar tal-popolazzjoni fis-suq tax-xogħol, inaqqas il-faqar u l-qgħad (bejn 10% u 18% fl-Alġerija, il-Marokk u t-Tuneżija u ’l fuq minn 30% fil-Mawritanja fl-2011). Ir-Rapport dwar L-Isfidi għall-Iżvilupp Għarbi tal-2011 tal-UNDP jistima li anki f’xenarju konservattiv (jiġifieri ż-żamma tar-rati tal-qgħad u r-rati tal-parteċipazzjoni fil-forza tax-xogħol attwali), il-pajjiżi tal-Magreb jeħtieġu li joħolqu 1,8 miljun impjieg sal-2015, u 7,8 miljun sal-2030. Barra minn hekk in-nuqqas li jiġu ġġenerati opportunitajiet ta’ impjieg suffiċjenti jista’ fl-aħħar mill-aħħar iwassal għal aktar tfaqqir jekk il-kapital uman irrappreżentat miż-żgħażagħ jitħalla ma jiġix sfruttat. Mingħajr żieda fit-tkabbir, u fin-nuqqas ta’ politiki effettivi favur l-impjiegi (inkluż l-investiment fil-kapital uman u l-promozzjoni tax-xogħol diċenti), il-livelli għoljin ta’ qgħad se jippersistu fost iż-żgħażagħ u s-settur informali se jkompli jirrappreżenta proporzjon sinifikanti tal-ekonomija reali. Min-naħa tagħhom dawn il-fatturi se jkomplu joħolqu riskji sinifikanti għall-istabbiltà soċjali tal-ġejjieni u għall-proċess ta’ tranżizzjoni lejn id-demokrazija.

(c) It-tkabbir fl-agrikoltura f’ħafna pajjiżi tal-Magreb kien imfixkel minħabba problemi strutturali bħal investiment limitat, id-disponibbiltà tal-ilma, id-degradazzjoni tal-art, it-tibdil fil-klima u l-aċċess limitat għas-servizzi bażiċi. Is-settur agrikolu qed jiffaċċja l-isfida ta’ aktar produzzjoni u aħjar jiġifieri li tiżdied il-produttività agrikola, jimxi lejn metodi ta’ produzzjoni sostenibbli u jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien f’żoni rurali fuq il-bażi ta’ strateġiji fit-tul.

(d) Sa issa, il-potenzjal għall-iżvilupp ta’ ekonomiji ġenwinament diversifikati bbażati fuq il-ħolqien ta’ settur privat attiv għadu ’l bogħod milli jinkiseb. Sa issa l-Magreb għadu ma rnexxilux joħloq swieq reġjonali tal-konsumaturi, jisfrutta l-ekonomiji ta’ skala u jisfrutta bis-sħiħ il-viċinanza favorevoli tiegħu mal-Ewropa u ma’ rotot tal-baħar interkontinentali maġġuri biex jiżviluppa r-rabtiet tal-produzzjoni reġjonali, isir parti mill-katina tal-valur miżjud globali u b’hekk ikun aktar attraenti għall-investiment. Ħafna drabi, iż-żamma tal-ekonomiji magħluqa ppermetta lil ftit intrapriżi domestiċi iffavoriti biex jistagħnew minn fuq komportament ta’ tiftix ta’ renta, u biex jiġu stabbiliti setgħat ta’ monopolju. Barra minn hekk, il-korruzzjoni ġiet identifikata bħala ostaklu ewlieni għall-investiment u n-negozju.

(e) Fil-kuntest tal-iżvilupp soċjali u uman, minkejja l-kisbiet sinifikanti f’xi oqsma notevolment fl-edukazzjoni u l-istennija tal-ħajja, parti sinifikanti tal-popolazzjoni għadha mingħajr impjieg, ħarsien soċjali jew drittijiet soċjali adegwati[4]. Barra minn hekk, f’ħafna pajjiżi tal-Magreb, għadhom jippersistu differenzi soċjali interni konsiderevoli fejn il-ġid jiġi kkonċentrat f’ċerti oqsma magħżula. Bħala riżultat il-pajjiżi tal-Magreb jibqgħu pajjiżi tal-emigrazzjoni l-aktar immirata lejn l-Ewropa, b’eċċezzjoni ġenerali tal-Libja. Dawn huma ugwalment pajjiżi ta’ tranżitu għall-migrazzjoni irregolari lejn l-Ewropa. L-iżvilupp sostenibbli jista’ jintlaħaq biss jekk il-ġenerazzjoni żagħżugħa jkollha ċerta edukazzjoni u tkun tista’ tipparteċipa fil-ħajja soċjali u ekonomika f’pajjiżhom. Popolazzjoni edukata sew hi bażi għall-istabbiltà u tista’ tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ soċjetà demokratika. L-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla huma atturi ewlenin fit-tranżizzjoni demokratika billi huma responsabbli għat-taħriġ ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ mexxejja u edukaturi. Barra minn hekk, il-kwistjoni ta’ riforma tal-politika kulturali kisbet importanza speċjali wara r-Rebbiegħa Għarbija.

It-Theddid Globali

(f) Il-kwistjonijiet tat-terroriżmu u l-kriminalità internazzjonali huma ta’ importanza kbira fir-reġjun u lil hinn fil-viċinat tan-nofsinhar aktar wiesgħa kif ukoll fis-Saħel. L-Al Qaida fil-Magreb Iżlamiku (AQMI) ġabet flimkien netwerk ta’ terroriżmu notevolment fil-Magreb u fil-Mali. Is-sitwazzjoni marret għall-agħar wara l-kunflitt fil-Libja, b’aktar ttraffikar ta’ armi, nies u drogi u l-preżenza ta’ ġellieda tal-ġiħad li pparteċipaw fil-kunflitt, li tagħmel ir-reġjun Saħelo-Saħarjan żona ta’ instabbiltà. Din wasslet ukoll għar-rebelljoni tat-Touareg fit-Tramuntana ta’ Mali li ppermettiet lill-AQMI biex testendi l-influwenza tagħha aktar. Sabiex jintlaħqu l-għanijiet stipulati mill-UE fl-Istrateġija tagħha għas-Sigurtà u l-Iżvilupp fis-Saħel[5] (li tkopri l-Alġerija, il-Mawritanja, Mali u n-Niġer iżda li l-implimentazzjoni tagħha hi ffukata fuq it-tliet pajjiżi tal-aħħar) se jkun importanti li ssir ħidma b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-pajjiżi tal-Magreb, li nfushom huma affettwati direttament minn, u wkoll atturi fir-rigward ta’, iż-żona tas-Saħara-Saħel.

L-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima

(g) Il-Magreb hi żona li għandha quddiemha bosta sfidi fl-isfera ambjentali u fl-esplojtazzjoni tar-riżorsi naturali. Hija meħtieġa azzjoni nazzjonali u reġjonali biex jiġu indirizzati kwistjonijiet ambjentali, anke fir-rigward tal-arja, l-ilma, l-ambjent tal-baħar, il-ħamrija u l-bijodiversità. Il-pajjiżi tal-Magreb huma wkoll ferm vulnerabbli għal, u diġà qed ikollhom il-konsegwenzi, tat-tibdil fil-klima b’effetti potenzjalment qawwija fuq setturi ewlenin tal-ekonomija (eż. l-agrikoltura, it-turiżmu, il-prezzijiet tal-ikel). Fl-istess ħin, ir-reġjun joffri opportunitajiet uniċi biex jibda l-iżvilupp b’karbonju baxx, partikolarment permezz ta’ aktar enfasi fuq l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza tal-enerġija, inkluż permezz ta’ proġetti u politiki transkonfinali. Min-naħa tiegħu dan jikkontribwixxi għall-ħolqien tal-impjiegi u biex jiġu attirati l-investimenti fir-reġjun.

III.         L-Unjoni tal-Magreb Għarbi, Unjoni għall-Mediterran, 5+5 - Approċċ flessibbli u prammatiku.

11.         L-UE hi impenjata favur l-approfondiment tar-relazzjonijiet bilaterali tagħha mal-pajjiżi tal-Magreb. Fl-istess ħin, hi temmen li hemm ħtieġa biex id-diversi organizzazzjonijiet reġjonali u strutturi li jeżistu diġà jiġu mogħtija spinta ’l quddiem mill-ġdid sabiex jilħqu l-isfidi komuni. L-UE hi lesta li żżid l-appoġġ tagħha kif ukoll tiżviluppa sinerġiji u ttejjeb il-koordinazzjoni ma’ inizjattivi eżistenti fuq livell bilaterali.

12.         Is-Samit propost li ġej tal-Unjoni tal-Magreb Għarbi (UMA) se jkun avveniment importanti biex tingħata spinta ġdida lill-integrazzjoni tal-Magreb. Il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli jilqgħu d-djalogu żviluppat sa issa mal-UMA u huma impenjati biex isaħħu dan u biex jiżviluppaw oqsma ġodda ta’ kooperazzjoni, li jibnu b’mod partikolari fuq ix-xogħol tekniku li sar diġà mal-UMA.

13.         Ċerti oqfsa internazzjonali jistgħu jintużaw biex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni akbar u mtejba fost il-pajjiżi tal-Magreb kif ukoll mal-ġirien tagħhom tat-tramuntana u tan-nofsinhar. L-Unjoni għall-Mediterran (UaM) tista’ tuża l-flessibbiltà tagħha sabiex tippromwovi l-proġetti ta’ koperazzjoni subreġjonali favur il-pajjiżi tal-Magreb. Ir-raggruppament ta’ ħames pajjiżi tal-UE fin-Nofsinhar tal-Mediterran u tal-Magreb, (l-hekk imsejħa “5+5”[6]) hu ta’ valur għax iwaqqaf kooperazzjoni bejn il-pajjiżi kkonċernati fuq il-bażi ta’ interessi u għanijiet komuni li f’xi każijiet it-twettiq tagħhom jista’ jiġi appoġġat mill-UE, pereżempju permezz ta’ studji dwar il-possibbiltà ta’ fondi jew it-tħejjija ta’ proġetti. L-inizjattiva tal-“pays du champ” (l-Alġerija, Mali, il-Mawritanja, in-Niġer), bl-għan li tindirizza d-dimensjoni tas-Saħara-Saħel flimkien mal-Istrateġija tal-UE għas-Saħel jipprovdu wkoll oqsfa għal kollaborazzjoni mill-qrib mal-Magreb.

14.         Id-dimensjoni kontinentali Afrikana għandha tiġi kkunsidrata wkoll: ir-reġjun tal-Magreb se jkompli jkun assoċjat ma’ inizjattivi transreġjonali u kontinentali fil-qafas tal-Istrateġija Konġunta tal-Afrika u l-UE, b’mod partikolari bl-appoġġ tal-Programm Pan-Afrikan, jekk maħluqa.

IV.         Lejn aktar kooperazzjoni u integrazzjoni fil-Magreb; Il-possibbiltà ta’ kontribuzzjoni tal-UE.

15.         Il-benefiċċji ta’ integrazzjoni aktar mill-qrib fil-Magreb jitgawdew mhux biss miċ-ċittadini tal-ħames pajjiżi kkonċernati. Dawn ikunu wkoll maqsuma mal-ġirien tagħhom inkluża l-Unjoni Ewropea. Għall-UE l-iżvilupp ta’ żona ta’ stabbiltà u prosperità imsejsa fuq ir-responsabbiltà demokratika u l-istat tad-dritt fil-Magreb hu għan ewlieni tar-relazzjonijiet bilaterali tagħna u jistgħu jiġu mtejba biss permezz ta’ approċċ reġjonali. Iż-żewġ naħat tal-Mediterran huma f’pożizzjoni li jaħsdu l-benefiċċji ta’ żieda fl-istabbiltà, swieq iktar integrati, aktar kuntatti bejn in-nies u skambji intellettwali, ekonomiċi u kulturali aktar fil-fond.

F’dan il-kuntest, l-UE tista’ tappoġġa numru ta’ inizjattivi fl-oqsma elenkati hawn taħt, timmobilizza strumenti differenti, li jvarjaw minn djalogu politiku mtejjeb għal assistenza teknika u proġetti speċifiċi.

A.           Ir-Riformi Demokratiċi

16.         L-UE diġà qiegħda tappoġġa r-riformi demokratiċi fl-Istati tal-Magreb u qed tqis l-iżviluppi speċifiċi f’kull pajjiż ikkonċernat. Flimkien ma’ dawn l-azzjonijiet, l-UE tista’:

Ø tappoġġa inizjattivi reġjonali u sottoreġjonali mmirati li jsaħħu l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u n-netwerks biex tippromwovi aktar involoviment fil-governanza demokratika, responsabbiltà u djalogu politiku[7]. Dan jistà jsir billi timmobilizza l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija inkluż il-Faċilità tas-Soċjetà Ċivili fil-Viċinat tan-Nofsinhar, l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem u l-programm tal-Atturi Mhux Statali u l-Awtoritajiet Lokali. Dan jista’ jinkludi l-organizzazzjoni u l-appoġġ ta’ inizjattivi sottoreġjonali bħall-Forum Soċjali tal-Magreb, il-Forum Sindikali Magrebin, in-netwerks tas-soċjetà ċivili, eċċ...

Ø tappoġġa aktar kooperazzjoni u skambji bejn il-parlamenti tal-Magreb u dawk fl-Istati Membri tal-UE u l-Parlament Ewropew;

Ø tkompli tappoġġa l-isforzi tal-pajjiżi sħab tal-Magreb biex jimmodernizzaw is-sistemi tal-ġustizzja tagħhom inkluż l-aċċess aħjar għall-ġustizzja, l-indipendenza tal-ġudikatura u r-rispett tal-istat tad-dritt;

Ø issaħħaħ il-kapaċità istituzzjonali tal-awtoritajiet lokali fil-governanza lokali u t-teħid tad-deċiżjoni u fl-għoti tas-servizz notevolment fir-rigward tat-trasparenza, r-riformi deċentralizzati u l-għoti ta’ servizzi ta’ kwalità lill-popolazzjoni permezz ta’ kooperazzjoni bejn il-pari tal-awtoritajiet lokali tal-UE;

Ø tniedi programm ġdid biex issaħħaħ ir-rwol tal-midja u l-kultura fil-Magreb bħala aspetti kruċjali għad-demokratizzazzjoni, l-appoġġ għal-libertà tal-espressjoni, u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti. Fost l-attivitajiet tiegħu, dan il-programm ikun jiffavorixxi l-kooperazzjoni peer-to-peer fil-livell subreġjonali biex jappoġġa l-proċess ta’ trasformazzjoni tal-midja tal-istat f’midja orjentata lejn is-servizz pubbliku.

B.           It-Theddid Globali

17.         Il-pajjiżi tal-Magreb għandhom ir-responsabbiltà primarja fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u t-traffikar illegali. Is-suċċess f’dan il-qasam jiddependi fuq il-koordinazzjoni mill-qrib u konsegwentement l-UE tappoġġa l-isforzi kollha biex jippromwovu l-kooperazzjoni aktar b’saħħitha bejn il-pajjiżi tal-Magreb kollha f’dan ir-rigward. Kunflitti mhux solvuti li ilhom għaddejjin, kif ukoll tensjonijiet li għadhom għaddejjin li rriżultaw minn kunflitti aktar riċenti jirrappreżentaw aktar theddid potenzjali għas-sigurtà u ostakoli għal aktar integrazzjoni. Mill-perspettiva tal-UE l-instabbiltà fir-reġjun tas-Saħara-Saħel tista’ thedded ukoll is-sigurtà proprja tagħha u għalhekk hi wkoll teħtieġ li tapprofondixxi d-djalogu tagħha billi żżid l-isforzi tagħha ta’ kooperazzjoni mal-pajjiżi tar-reġjun. Barra minn hekk, l-isforzi biex jiġi indirizzat it-traffikar illeċitu ta’ materjal kimiku, bijoloġiku, radjoattiv u nukleari (CBRN) għandhom jiżdiedu.

18.         F’dan il-kuntest, l-UE tista’:

Ø tistabbilixxi kuntatti regolari bejn l-Istat Maġġur tal-UE, iċ-Ċentru ta’ Analiżi tal-Intelliġenza tal-UE, il-Europol u l-awtoritajiet kompetenti fil-pajjiżi tal-Magreb sabiex tiżgura skambji mtejba tal-informazzjoni;

Ø kif xieraq, tipprovdi pariri tekniċi lill-awtoritajiet kompetenti fil-pajjiżi tal-Magreb u lill-istrutturi attivi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u t-traffikar;

Ø tipparteċipa f’attivitajiet dwar is-sigurtà fil-qafas tal-“5+5”, kif ukoll tappoġġa l-iżvilupp tagħhom, b’mod partikolari meta dawn jinkludu kontribuzzjonijiet ċivili u militari għall-ġestjoni tal-ajru, tal-baħar u tal-fruntieri;

Ø tappoġġa l-iskejjel/iċ-ċentri ta’ taħriġ militari, tal-pulizija u l-ġudikatura fl-istati tal-Magreb meta tkun qed tiżviluppa programmi ta’ taħriġ miftuħa għal parteċipanti reġjonali u Afrikani billi tipprovdi, kif xieraq, pariri tekniċi;

Ø tappoġġa l-miżuri ta’ bini tal-kapaċità, l-iskambji tekniċi u l-qsim tal-aħjar prattika mal-UE biex tindirizza l-kundizzjonijiet li jwasslu biex jinfirex it-terroriżmu u trawwem ir-reżiljenza tas-soċjetà kontra l-inċitament, ir-reklutaġġ u r-radikalizzazzjoni vjolenti, partikolarment taż-żgħażagħ;

Ø tħaffef l-isforzi fil-qafas taċ-Ċentri ta’ Eċċellenza tal-UE għall-Inizjattivi ta’ Mitigazzjoni tar-Riskju tas-CBRN;

Ø f’konformità mal-Komunikazzjonijiet Konġunti mill-2011[8] tappoġġa l-isforzi fir-riżoluzzjoni u r-rikonċiljazzjoni tal-kunflitti b’mod partikolari permezz ta’ miżuri ta’ bini ta’ fiduċja, jekk tiġi mistiedna biex tagħmel dan minn dawk ikkonċernati.

C.           L-Appoġġ tal-Iżvilupp Ekonomiku Inklusiv

19.         Il-problemi strutturali tal-qgħad għoli, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u tas-suq tax-xogħol dgħajfa, is-settur privat dgħajjef, u l-livelli baxxi tal-integrazzjoni kummerċjali u ekonomika huma interkonnessi. Mingħajr settur privat kompetittiv, ftit se jinħolqu impjiegi deċenti. Mingħajr sforzi għar-riforma tal-politika tal-edukazzjoni u tax-xogħol, is-settur privat mhux se jkun jista’ jikber, u mingħajr ekonomiji miftuħa u integrati, il-kompetizzjoni se tibqa’ limitata, is-swieq jibqgħu mhux sfruttati, u l-investiment meħtieġ biex jinħolqu l-impjiegi mhux se jkun disponibbli[9].

L-isfida tal-impjiegi

20.         L-edukazzjoni u t-taħriġ huma fatturi ewlenin fil-kuntest tal-ħolqien tal-impjiegi u l-impjegabbiltà. Fil-Magreb, is-sistemi edukattivi nazzjonali jeħtieġu li jżidu aktar l-attenzjoni tagħhom fuq l-impjegabbiltà, filwaqt li jippromwovu b’mod partikolari l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali ta’ kwalità għolja (ETV) u ż-żieda fl-użu ta’ opportunitajiet bħal dawn. Fl-istess waqt il-proċess ta’ modernizzazzjoni tas-sistemi ta’ edukazzjoni ogħla jeħtieġ li jkompli jikkonċentra fuq it-titjib tal-kwalità u r-rilevanza tagħhom għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. B’mod parallel, il-miżuri tas-suq tax-xogħol fuq in-naħa tad-domanda għandhom jiġu kkumplimentati minn djalogu soċjali effettiv.

21.         Il-politiki tal-edukazzjoni u l-impjiegi nazzjonali jistgħu jiġu kkomplimentati b’mod utli minn inizjattivi reġjonali. F’dan ir-rigward l-UE tista’:

Ø tappoġġa l-ħolqien ta’ netwerks mifruxa mal-Magreb fost l-imsieħba rilevanti tal-edukazzjoni/impjiegi (istituzzjonijiet edukattivi, u l-imsieħba soċjali);

Ø tassisti fit-tisħiħ tal-iskambji tekniċi dwar kwistjonijiet tal-ETV u ta’ impjiegi fir-reġjun tal-Magreb, inklużi s-servizzi tal-impjiegi pubbliċi;

Ø tesplora l-possibbiltà ta’ skambji tekniċi f’format tal-Magreb fuq it-temi magħżula fi ħdan il-kuntest tal-Qafas tal-Marrakexx għall-Azzjonijiet li jiffukaw fuq l-impjiegi, l-impjegabbiltà u x-xogħol deċenti;

Ø tkompli tappoġġa l-modernizzazzjoni tas-sistemi ta’ edukazzjoni għolja fil-pajjiżi tal-Magreb permezz ta’ Tempus, Erasmus MUNDUS u l-programmi suċċessuri tagħhom. Dawn l-għodod se jkomplu jintużaw biex tiġi appoġġata l-konverġenza volontarja tas-sistemi tal-edukazzjoni għolja tal-pajjiżi msieħba mal-iżviluppi fl-UE skont il-qafas tal-proċess ta’ Bolonja.

L-iżvilupp tas-settur privat

22.         Rappreżentanti tas-settur privat fil-Magreb identifikaw l-iżvilupp tal-ħiliet, il-kwalità tal-produzzjoni, l-aċċess għall-finanzi, l-aċċess għas-swieq (kemm ġewwa u kemm barra r-reġjun), l-iżvilupp rurali u l-iżvilupp tas-settur agroalimentari, u l-iktar importanti t-trasparenza tar-regolamenti u sigurtà legali bħala rekwiżiti prinċipali għall-iżvilupp tas-settur privat.

23.         Il-gvernijiet jeħtieġu li joħolqu spazju għall-iżvilupp tal-intraprenditorija, l-innovazzjoni u l-SMEs, jiżguraw kundizzjonijiet indaqs għall-operaturi kollha, u jnaqsu l-ineffiċjenza u l-korruzzjoni fi ħdan l-amministrazzjoni pubblika. Aċċess ġust u sempliċi għas-suq tal-akkwisti pubbliċi hu ta’ importanza partikolari f’dan ir-rigward. Netwerks ta’ imprendituri, kmamar tal-kummerċ, u partijiet oħra interessati jistgħu jipprovdu opportunitajiet għall-appoġġ bejn il-pari iżda wkoll mekkaniżmi biex jidentifikaw il-klijenti u l-fornituri. Żona li ħaqqa attenzjoni partikolari hi l-promozzjoni tal-intraprenditorija tan-nisa.

24.         Il-pajjiżi tal-Magreb se jkunu sħab tal-UE ewlenin fil-Programm Qafas għar-Riċerka l-ġdid “Horizon 2020” li jinvolvi dimensjoni ta’ kooperazzjoni internazzjonali b’saħħitha. Huma se jkunu involuti fl-elaborazzjoni ta’ Aġenda Komuni tar-Riċerka u l-Innvovazzjoni bejn l-UE u l-Pajjiżi Sħab tal-Mediterran. Il-pajjiżi tal-Magreb se jiżviluppaw sħubiji mal-UE permezz tad-djalogi ta’ politika tax-xjenza, inizjattivi konġunti tar-riċerka li jindirizzaw l-isfidi soċjali komuni relatati mal-ilma, is-sigurtà tal-ikel, is-saħħa, l-ambjent, l-enerġija, kif ukoll permezz tal-bini tal-kapaċità għar-riċerka u l-innovazzjoni.

25.         Billi tibni fuq l-isforzi ta’ assistenza eżistenti tagħha fir-reġjun għall-appoġġ tal-iżvilupp tas-settur privat l-UE tista’:

Ø tappoġġa n-netwerking bejn in-nies tan-negozju tal-Magreb inkluż permezz tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali u tal-ħolqien ta’ avvenimenti;

Ø tappoġġa l-istabbiliment ta’ netwerk li tipprovdi pariri lil intrapriżi tal-Magreb li jkunu qed jippjanaw li jinvestu f’pajjiżi oħra tal-Magreb (l-iżvilupp ta’ pjanijiet ta’ negozju, l-għarfien tal-leġiżlazzjoni lokali eċċ.);

Ø tappoġġa b’mod tekniku lill-banek tal-Magreb li jixtiequ jestendu l-operazzjonijiet tagħhom madwar ir-reġjun (eż. sistemi ta’ ħlas);

Ø tappoġġa lill-pajjiżi msieħba permezz tal-Programm Ewropew tal-Viċinat il-ġdid għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (PEVAŻR), fl-adozzjoni ta’ politiki għal tkabbir aktar b’saħħtu u inklusiv fiż-żoni rurali u fis-settur agroalimentari;

Ø tippromwovi lill-intraprenditorjat femminili inkluż permezz ta’ mentoring, faċilitar tal-aċċess għall-finanzi u l-appoġġ tal-assistenza pubblika għal impriżi li jkunu għadhom qed jibdew;

Ø tipprovdi taħriġ fuq il-post tax-xogħol f’intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) f’pajjiżi oħra sħab għal professjonisti żgħażagħ/intraprendituri ġodda li għandhom l-għan li jistabbilixxu l-kumpanija tagħhom, sabiex tiffaċilita s-suċċess tal-intrapriżi li jkunu għadhom qed jibdew u l-iżvilupp ta’ ideat kummerċjali, u tibni l-kapaċità tal-fornituri tas-servizzi ta’ appoġġ tan-negozju;

Ø wara d-deċiżjoni li żżid il-kapaċità ta’ self tal-Bank Ewropew għall-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp u istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej oħra, iktar għajnuna tista’ tkun disponibbli għall-appoġġ tal-iżvilupp tal-SMEs. F’dan il-qasam tista’ ssir aktar kooperazzjoni mal-Bank tal-Iżvilupp tal-Magreb futur;

Ø testendi n-Netwerk Ewropew tal-Intrapriżi, li hu diġà preżenti fir-reġjun, biex jinkludi dawk il-pajjiżi msieħba li għadhom mhumiex koperti minnha[10] u jiġu integrati n-netwerks tal-intrapriżi l-oħra fil-pjattaformi ta’ kollaborazzjoni Ewropea;

26.         Il-kultura għandha kontribut partikolarment importanti x’tofri għall-iżvilupp sostenibbli uman, soċjali u ekonomiku.

Fir-reġjun tal-Magreb, l-UE tista’:

Ø tappoġġa l-iżvilupp tal-qasam kulturali bħala mezz għall-iżvilupp sostenibbli tar-reġjun, permezz tar-riforma tal-politika kulturali u t-tisħiħ tal-kapaċità ta’ dawk li jfasslu l-politika kulturali u l-appoġġ għall-promozzjoni tal-investiment, tas-settur privat u tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet tan-negozju tal-operaturi kulturali, speċjalment fuq livell tal-Magreb.

Il-kummerċ

27.         L-integrazzjoni tal-kummerċ reġjonali aktar b’saħħtu fost il-pajjiżi tal-Magreb, flimkien mat-twaqqif ta’ żoni ta’ kummerċ ħieles profondi u komprensivi bejn l-imsieħba tal-Magreb u l-UE, jkun ta’ ġid reċiproku. Il-kumpaniji u l-investituri tal-UE jistgħu jibbenefikaw minn aktar żvilupp u integrazzjoni tas-suq, li jwasslu mhux biss għall-ftuħ ta’ swieq tal-esportazzjoni akbar, iżda wkoll jintegraw ir-reġjun fin-netwerks tal-produzzjoni tagħhom. It-tneħħija tal-ostakoli għall-kummerċ, il-ftuħ tal-fruntieri (inkluż il-fruntiera ta’ bejn l-Alġerija u l-Marokk) u l-integrazzjoni tar-reġjun fil-katini tal-forniment globali u n-netwerks tal-produzzjoni, jistgħu jirrilaxxaw potenzjal ekonomiku konsiderevoli. Madankollu, dawn l-iżviluppi jiddependu fuq ir-rieda politika tal-pajjiżi msieħba.

28.         Sabiex tinkoraġġixxi kummerċ u integrazzjoni ekonomika aktar fil-fond fil-Magreb, l-UE iffokat l-appoġġ tagħha fuq integrazzjoni kummerċjali nofsinhar-nofsinhar diversifikata u msaħħa kif ukoll fuq il-promozzjoni tal-investiment. Fuq il-livell bilaterali, l-UE sa issa ffokat l-isforzi fuq dawk il-pajjiżi li għad iridu jaderixxu mad-WTO (l-Alġerija u l-Libja), u fuq it-tmexxija lejn l-istabbiliment ta’ żoni ta’ kummerċ ħieles profondi u komprensivi (il-Marokk u t-Tuneżija). Finalment, it-twaqqif ta’ netwerk ta’ ftehimiet bħal dawn bejn l-UE u l-Magreb, u wkoll fost is-sħab infushom tal-Magreb, ikun jikkontribwixxi għat-twettiq tal-viżjoni ta’ komunità ekonomika bejn l-UE u l-imsieħba tagħha tal-PEV.

29.         Billi tibni fuq ir-relazzjonijiet kummerċjali eżistenti bejn l-UE u l-pajjizi tal-Magreb, l-UE tista’:

Ø tappoġġa aktar l-iżvilupp ta’ rabtiet ta’ produzzjoni reġjonali billi tisfrutta, u bis-sensibilizzazzjoni, tal-possibbiltajiet għal akkumulazzjoni ta’ oriġini fost il-membri taż-Żona Pan-Ewro-Mediterranja flimkien mal-promozzjoni ta’ regoli ġodda mistennija adattati għall-esportaturi (ta’ importanza partikolari għall-industriji tat-tessuti, iżda wkoll rilevanti għal industriji ta’ valur miżjud ogħla);

Ø tkompli l-għoti ta’ appoġġ u għarfien espert tagħha biex takkumpanja l-proċessi ta’ integrazzjoni kummerċjali u ekonomika fil-qafas tal-Unjoni tal-Magreb Għarbi u l-Ftehim ta’ Agadir;

Ø tappoġġa inizjattivi fost l-imsieħba tal-Magreb biex titqajjem kuxjenza tal-kundizzjonijiet kummerċjali u tal-investiment, pereżempju permezz tal-Mekkaniżmu ta’ Faċilità ta’ Kummerċ u Investiment Ewro-Mediterranju, biex jonqsu l-ostakoli mhux tariffarji għall-kummerċ, u biex jitjiebu u jiġu aġġornati l-proċeduri u l-faċilitajiet doganali biex jitrawwem il-kummerċ intrareġjonali;

Ø tiffaċilita l-kummerċ ta’ prodotti industrijali billi tiffinalizza preparazzjonijiet għall-bidu ta’ negozjati ta’ Ftehim dwar il-Valutazzjoni tal-Konformità u l-Aċċettazzjoni (FVKA) ma’ kull wieħed mill-pajjiżi tal-Magreb;

Ø ittejjeb il-kooperazzjoni mal-komunità tan-negozju tal-Magreb sabiex tippermetti lin-negozju jwassal aħjar l-interessi u t-tħassib tiegħu fir-rigward tal-inizjattivi kummerċjali u tal-investiment fir-reġjun. L-istabbiliment ta’ forum tan-negozju tal-Magreb u tal-UE jista’ jkun l-ewwel pass f’dan ir-rigward.

D.          Is-Setturi tal-Infrastruttura u tan-Netwerk

30.         Sabiex l-integrazzjoni kummerċjali u ekonomika reġjonali tkun effettiva, rabtiet infrastrutturali reġjonali u loġistika huma meħtieġa, kif ukoll ambjent favorevoli għall-kummerċjanti. L-inizjattivi infrastrutturali jeħtieġu li jsiru flimkien ma’ riformi mmirati li jippromovu l-faċilitazzjoni tal-kummerċ, sistema regolatorja aħjar u aktar ġusta kif ukoll il-liberalizzazzjoni u l-integrazzjoni tas-setturi tas-servizzi reġjonali (is-servizzi tat-trasport u tat-telekomunikazzjoni, eċċ …).

It-trasport

31.         Fil-qasam tat-trasport, l-iżvilupp tan-netwerk Trans-Magreb jibqa’ prijorità. Dan in-netwerk se jagħmel parti min-Netwerk tat-Trasport Trans-Mediterranju tal-futur żviluppat fi ħdan il-kooperazzjoni Ewro-Mediterranja (EuroMed). Dan se jikkostitwixxi l-istruttura ewlenija meħtieġa għall-iżvilupp tal-kummerċ intra-reġjonali u se jipprovdi lill-operaturi ekonomiċi u liċ-ċittadini fuq iż-żewġt ixtut tal-Mediterran b’konnessjonijiet multipli. Il-ftuħ tal-fruntiera tal-art bejn l-Alġerija u l-Marokk tkun kruċjali biex jitlestew it-toroq Trans-Magreb u b’hekk jiġu żviluppati l-kummerċ u l-kuntatti bejn in-nies.

32.         Sabiex jitħaffef il-progress fl-iżvilupp tan-netwerks tat-trasport, sforzi kkoordinati ta’ netwerks u strutturi reġjonali u subreġjonali bħall-EuroMed, il-Grupp tal-Ministri tat-Trasport tal-Mediterran tal-Punent (GTMO 5+5), l-UMA, l-UaM kif ukoll tal-istituzzjonijiet finanzjarji huma indispensabbli.

33.         Fis-settur tal-avjazzjoni, l-integrazzjoni akbar mal-ġirien tal-UE qed tiġi żviluppata bl-għan li jinħoloq Spazju Komuni Ewropew għall-Avjazzjoni. L-offerta biex jinħoloq spazju tal-ajru Mediterranju komuni hi indirizzata wkoll lejn il-pajjiżi tal-Maghreb.

34.         L-UE tista’:

Ø tappoġġa t-tħejjija ta’ studji u proġetti bankabbli kif ukoll ta’ programmi ta’ assistenza teknika u tippromwovi l-koordinazzjoni aktar mill-qrib bejn l-atturi rilevanti rigward l-iżvilupp tan-Netwerk Trans-Magreb, ir-rabtiet marittimi UE-Magreb u l-ispazju tal-ajru Mediterranju komuni;

Ø tippromwovi l-iżvilupp ta’ konnessjonijiet bil-baħar skont il-kunċett tal-“Awtostradi tal-Baħar” sabiex ittejjeb aktar il-konnessjonijiet tat-trasport bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Magreb u fi ħdan ir-reġjun tal-Magreb innifsu permezz ta’ konnessjoni aħjar tan-Netwerk tat-Trasport Trans-Ewropew u n-netwerks Trans-Magreb;

Ø tiżviluppa l-ECAA permezz ta’ negozjati ta’ ftehimiet dwar is-servizzi tal-ajru ma’ xi pajjiżi tal-Magreb kif diġà kien il-każ mal-Marokk;

Ø tkompli tuża l-Faċilità tal-Investiment tal-Viċinat biex timmobilizza finanzjament addizzjonali biex jiġu koperti l-bżonnijiet ta’ investiment reġjonali relatati mal-infrastruttura tat-trasport b’mod partikolari billi timmobilizza l-assistenza teknika u l-finanzjament biex jitlestew il-konnessjonijiet neqsin tal-awtostradi Trans-Magreb, notevolment il-punti tal-qsim tal-fruntiera;

Ø tkompli tappoġġa l-użu, l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta’ Sistemi Intelliġenti tat-Trasport interoperabbli;

Ø tinkoraġġixxi l-aġenziji Ewropej involuti fit-trasport, kif diġà hu l-każ għall-avjazzjoni, fi ħdan il-mandati tagħhom, biex tipprovdi appoġġ tekniku, inkluż permezz ta’ aktar skambju ta’ esperjenza bejn il-pajjiżi tal-Magreb.

Is-setturi tas-Soċjetà tal-Informazzjoni/tan-Netwerk

35.         Minkejja l-użu mifrux ta’ għodod ta’ informazzjoni popolari matul ir-revoluzzjonijiet Għarbin, il-Magreb hu reġjun fejn l-aċċess għall-internet xorta għadu jvarja minn 5.5% għal 34% fil-Libja/it-Tuneżija (li għadu baxx skont standards internazzjonali). Nuqqas fl-infrastrutturi tal-ICT u l-oqfsa regolatorji jfixkel lill-pajjiżi milli jaħsdu bis-sħiħ il-benefiċċji tas-soċjetà tal-informazzjoni u l-potenzjal tal-produttività tal-ICT. Barra minn hekk, dewmien fil-liberalizzazzjoni tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni jista’ joħloq ostakli serji għal aktar integrazzjoni tal-kummerċ reġjonali.

36.         L-UE tista’:

Ø tipprovdi assistenza teknika mmirata lejn il-ħtiġijiet speċifiċi tal-Magreb fil-qasam tal-approssimazzjoni regolatorja permezz ta’ skambji tal-aħjar prattiki;

Ø tappoġġa l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet regolatorji tal-UE u tal-Magreb;

Ø tappoġġa studji dwar l-impatt ekonomiku u legali tar-reviżjoni tal-qafas regolatorju minn perspettiva nazzjonali u reġjonali għall-komunikazzjonijiet elettroniċi u n-negozju elettroniku;

Ø tikkunsidra azzjonijiet immirati għat-titjib tal-konnettività reġjonali u ta’ appoġġ għall-bini tal-kapaċità tal-komunità tar-riċerka u l-iżvilupp u l-użu ta’ infrastruttura elettronika reġjonali.

L-enerġija

37.         L-UE u l-Magreb huma msieħba antiki fis-settur tal-enerġija (il-kummerċ u l-pajpijiet taż-żejt u tal-gass, l-iżvilupp ta’ idrokarburi pereżempju fl-Alġerija u l-Libja, l-interkonnessjoni sinkronika tal-elettriku, il-flussi tal-elettriku lejn il-Marokk). Permezz ta’ ħolqien ibbażat fuq din il-kooperazzjoni, issa hemm prospett reali biex tiġi żviluppata żona tal-enerġija integrata permezz ta’ sħubija aktar fil-fond li tibda bl-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza tal-enerġija mtejba u l-iżvilupp ta’ suq tal-elettriku integrat, li tibbenefika kemm lill-Magreb u kemm lill-UE. Żona bħal din tista’ tikkontribwixxi lejn l-għanijiet ġenerali ta’ għoti ta’ spinta lill-kummerċ intra-Magreb u UE-Magreb/Mediterran. Din tista’ wkoll tgħin biex jintlaħqu l-għanijiet tal-UE stess f’termini ta’ żvilupp tal-enerġija rinnovabbli wara l-2020[11]. Investimenti fuq skala kbira fl-enerġija rinnovabbli inkluż fil-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ riżerva tal-elettriku mifruxa mal-Magreb iżżid ukoll is-sigurtà tal-enerġija. B’riżultat, investimenti bħal dawn jgħinu għall-ħolqien ta’ aktar xogħol ġdid, fost oħrajn billi jiżviluppaw industriji lokali dwar l-enerġija rinnovabbli, ir-riċerka u l-innovazzjoni, il-kompetittività internazzjonali, il-kwalità tal-arja u s-saħħa. Dawn jikkontribwixxu wkoll għall-isforzi biex tiġi indirizzata l-bidla fil-klima u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji għall-iżvilupp b'emmissjonijiet baxxi. Suq tal-enerġija tal-Magreb, dejjem aktar fornit minn sorsi li jiġġeddu, jkun jirriżulta b’mod progressiv fi tnaqqis tal-prezz tal-importazzjoni għall-importaturi tal-enerġija u joħloq flessibbiltà addizzjonali għall-produtturi tal-idrokarburi biex jagħmlu użu mir-riservi tagħhom.

38.         Il-Magreb bħala subreġjun jista’ jirriżulta bħala minn ta’ quddiem fiż-żona tal-Mediterran filwaqt li tinżamm konsitenza mal-approċi usa’ (eż. l-Unjoni għall-Mediterran, il-Pjan Solari Mediterranju eċċ…). F’dan il-kuntest, jistgħu jkunu previsti għadd ta’ passi konkreti lejn l-iżvilupp ta’ żona tal-elettriku fil-Mediterran tal-Punent sal-2020-2025:

Ø fuq il-bażi ta’ sett ta’ regoli tekniċi komuni, strutturi ta’ kooperazzjoni reġjonali (MEDREG għar-regolaturi u MED-TSO għall-operaturi ta’ sistemi ta’ trażmissjoni) huma lesti biex jassistu iktar fl-iżvilupp ta’ kodiċijiet tan-netwerk komuni li jistgħu jintużaw bħala proġett pilota fil-Magreb;

Ø għandhom jiġu definiti passi gradwali lejn l-integrazzjoni tas-suq – ibbażati b’mod partikolari fuq il-pjan direzzjonali tal-Algiers. Dan jinkludi elementi bħal: l-allokazzjoni ta’ kapaċità bilaterali bbażata fuq prinċipji komuni sal-2014, l-allokazzjoni kkoordinata ta’ kapaċità sal-2016, l-istabbiliment ta’ pjattaforma tal-kummerċ reġjonali tal-elettriku sal-2016-2020, eċċ...;

Ø jista’ jiġi pprovdut appoġġ imsaħħaħ għar-riformi fis-settur tal-enerġija, inkluż għall-kooperazzjoni reġjonali u l-organizzazzjonijiet reġjonali (eż. it-twaqqif ta’ regolaturi tal-enerġija fil-Marokk u fit-Tuneżija sal-2014, fil-Libja sal-2016 u Operaturi tas-Sistemi ta’ Trażmissjoni funzjonali u indipendenti fil-pajjiżi tal-Magreb sal-2015, eċċ.);

Ø għandha tiżdied il-kooperazzjoni dwar l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza tal-enerġija inkluż permezz tal-involviment aktar mill-qrib ta’ pajjiżi sħab fid-diskussjonijiet ta’ politika u l-istrumenti dwar l-Enerġija Rinnovabbli tal-UE. Dan għandu jkompli fuq operazzjonijiet ta’ appoġġ eżistenti permezz tal-Faċilità ta’ Investiment tal-Viċinat (FIV) u l-istituzzjonijiet tal-finanzi u l-iżvilupp Ewropej permezz tal-għoti tal-fondi, l-assistenza teknika u l-operazzjonijiet tal-kapital tar-riskju. Jistgħu jiġu mnedija sejħiet konġunti għall-proġetti ta’ innovazzjoni. Jistgħu jiġu miftiehma prinċipji għall-investiment u l-kummerċ fl-enerġija rinnovabbli;

Ø fil-każ tal-Mawritanja, bħal fil-każ tal-pajjiżi Sub-Saħarjani l-oħra, l-Inizjattiva Enerġija Sostenibbli għal Kulħadd (SE4ALL) tista’ tintuża biex tappoġġa l-kooperazzjoni dwar l-enerġija permezz tal-istrumenti finanzjarji xierqa.

39          Il-prospetti tal-elettriku fir-reġjun għall-2020 jeħtieġu investimenti sinifikanti fil-kapaċità tal-ġenerazzjoni (prinċipalment konvenzjonali iżda b’sehem dejjem akbar tal-enerġiji rinnovabbli) u l-infrastrutturi tan-netwerk. Billi jinħolqu opportunitajiet ġodda għal flussi tal-elettriku fir-reġjun il-każ għat-tlestija taċ-ċirkwit tal-elettriku fil-Mediterran tal-Punent fuq żewġ passaġġi (l-Alġerija-il-Marokk-Spanja-Franza u l-Alġerija/il-Libja-it-Tuneżija-l-Italja) hu msaħħaħ.

40          Filwaqt li jeżistu diġà studji tekniċi dwar il-vijabbiltà, il-mudell regolatorju u finanzjarju għal interkonnessjonijiet ġodda jkun jirrikjedi attenzjoni speċifika u probabbilment qafas legali speċifiku (ftehim intergovernattiv). Approċċ tal-passaġġi hu bżonjuż u se jkunu meħtieġa attivitajiet konsiderevoli ta’ koordinazzjoni. Konsegwentement l-UE tipproponi li taħtar Koordinatur Speċjali bi ftehim komuni mal-pajjiżi kkonċernati.

41.         Barra minn hekk:

Ø sabiex tinżamm l-ispinta l-ġdida pprovduta mil-laqgħa Ministerjali dwar l-Enerġija fl-Algiers ta’ Ġunju 2010, hu propost li jissejjaħ Kunsill dwar l-Enerġija UE-Magreb annwali, fejn li jmiss iseħħ fl-ewwel semestru tal-2013;

Ø l-UE tipproponi li tniedi djalogu tekniku fil-fond mal-partijiet interessati kollha biex jiġu diskussi l-passi suċċessivi kollha lejn l-integrazzjoni tas-suq. Forum dwar l-Elettriku, simili għall-Forum ta’ Firenze fl-UE, jista’ jiġi organizzat fl-2013;

Ø xogħol tekniku dwar l-integrazzjoni reġjonali qed iseħħ minn istituzzjonijiet reġjonali bħall-MEDREG u l-MED-TSO. Dan jista’ jiġi kkomplementat u appoġġat minn proġett tal-assistenza teknika speċifiku li jibda fl-2013 (organizzazzjoni u preparazzjoni ta’ inputs għall-forum tal-elettriku, is-sostenn għax-xogħol tekniku, kompiti speċifiċi għall-MEDREG u l-MED-TSO dwar il-Magreb, appoġġ loġistiku għal laqgħat Ministerjali annwali, eċċ).          

E.           L-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima, il-Protezzjoni Ċivili,

L-ambjent u t-tibdil fil-klima

42.         L-UE diġà qiegħda tappoġġa l-pajjiżi tal-Magreb u l-imsieħba l-oħra tan-Nofsinhar tal-Mediterran biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-ambjent u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima permezz ta’ numru ta’ miżuri bilaterali kif ukoll permezz tal-inizjattiva Horizon 2020 dwar it-tnaqqis tat-tniġġis fil-Baħar Mediterran.

43.         Fuq livell tal-Magreb, l-UE tista’:

Ø skont is-Samit Rio+20, tiżviluppa aktar attivitajiet dwar l-Ekonomija Ekoloġika mal-Magreb, pereżempju bit-tisħiħ ta’ komponent subreġjonali jew transnazzjonali tal-proġett iffinanzjat mill-UE eżistenti dwar mudelli ta’ konsum u produzzjoni sostenibbli;

Ø tkompli tuża l-Faċilità tal-Investiment tal-Viċinat sabiex jiġi mmobilizzat finanzjament addizzjonali biex jiġu koperti l-bżonnijiet ta’ investiment tar-reġjun biex jindirizza t-tibdil fil-klima u jiżviluppa proġetti ta’ infrastruttura relatati mal-ambjent;

Ø bl-appoġġ tas-Segretarjat tal-UaM, IFIs rilevanti u l-involviment ta’ pajjiżi tal-Magreb, timpenja ruħha aktar fl-implimentazzjoni ta’ proġetti tal-investiment transnazzjonali jew subreġjonali, jew proġetti nazzjonali li jaqgħu fi ħdan l-oqfsa jew l-inizjattivi miftiehma, b’mod partikolari l-Inizjattiva Horizon 2020 għat-tnaqqis tat-tniġġis tal-Mediterran;

Ø fil-qafas tal-Politika Marittima Integrata fil-Mediterran, il-pajjiżi tal-Magreb jistgħu jkomplu jiġu mħeġġa jiżviluppaw inizjattivi subreġjonali jew transnazzjonali li jindirizzaw kwistjonijiet transversali relatati mal-baħar bħas-sorveljanza u s-sigurtà marittimi, l-awtostradi marittimi, l-għarfien dwar l-ibħra jew l-ippjanar spazjali biex tisfrutta l-potenzjal għat-“tkabbir blu”;

Ø issaħħaħ il-kooperazzjoni fil-preservazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Magreb b’mod partikolari fi ħdan il-qafas tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran u l-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku. Din il-kooperazzjoni tista’ tiffaċilita l-użu ta’ mezzi xjentifiċi sabiex issir evalwazzjoni aħjar tal-ammonti u jkunu ġestiti r-riżorsi b’mod sostenibbli;

Ø tappoġġa lis-sħab tal-Magreb biex issaħħu l-kapaċità li jfasslu u jimplimentaw il-politiki u l-istrateġiji dwar it-tibdil fil-klima, jiġi appoġġat l-iżvilupp b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju, tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-klima u jittejjeb l-aċċess għall-informazzjoni;

Ø fil-kuntest tat-tisħiħ tad-djalogu politiku bejn l-UE u n-Nofsinhar tal-Mediterran dwar it-tibdil fil-klima, il-Kummissjoni se tkompli tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ proġetti pilota f’pajjiżi interessati li jittestjaw l-implimentazzjoni tal-hekk imsejjaħ Mekkaniżmu Ġdid tas-Suq kif miftiehem fil-kuntest tan-negozjati tal-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima f’Durban. Il-Kummissjoni diġà impenjat ruħha permezz tas-Sħubija tal-Bank Dinji għad-Disponibbiltà tas-Suq u l-Faċilità ta’ Sħubija għall-Karbonju biex tgħin fit-tħejjija għal dan. Dawn u inizjattivi simili jistgħu, basta li l-kondizzjonijiet ikunu tajbin, iwasslu għal ftehimiet bilaterali mal-pajjiżi tal-Magreb li jippermettu l-użu ta’ krediti settorjali maqlugħa minn fuq “azzjoni proprja” sostanzjali fis-settur tal-ġenerazzjoni tal-enerġija. L-għan ikun li jiġi appoġġat l-investiment fl-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza tal-enerġija, u biex jittaffa l-impatt tal-karbonju fis-settur tal-enerġija. Il-Kummissjoni se tibda konsultazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi msieħba dwar prospetti bħal dawn. Jekk il-kundizzjonijiet ikunu tajbin, ikun hemm kapaċità ta’ assorbiment biżżejjed għall-krediti u l-imsieħba tagħna jkunu interessati, f’dak il-każ il-Kummissjoni tħejji t-talbiet għal mandati ta’ negozjar.    

Il-Protezzjoni Ċivili

44.         Ir-reġjun tal-Magreb hu partikolarment vulnerabbli għal diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem li jistgħu jimminaw b’mod sejru l-isforzi tar-reġjun lejn l-iżvilupp sostenibbli. Minħabba l-viċinanza tagħhom, u l-vulnerabbiltà komuni għall-impatti relatati mal-klima, il-pajjiżi tal-Magreb għandhom ħafna x’jiggwadanjaw minn strateġiji ta’ żvilupp reżiljenti għall-klima u minn kooperazzjoni mill-qrib fil-livell reġjonali u mal-UE billi d-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem ma jiqfux fil-fruntieri. Il-protezzjoni ċivili hi strument ewlieni biex tinbena l-kooperazzjoni tajba u tiġi promossa s-solidarjetà bejn il-pajjiżi.

45.         Filwaqt li Atlas tar-Riskji u netwerk effettiv ta’ korrispondenti nazzjonali għall-protezzjoni ċivili jeżistu għar-reġjun tal-Mediterran, il-Magreb jista’ jibbenefika minn kooperazzjoni msaħħa biex iżid il-kapaċità tiegħu għall-prevenzjoni, l-adattament, it-tħejjija u r-rispons għad-diżastri u jikkontribwixxi għall-istabbiltà ekonomika, soċjali u politika fir-reġjun.       Billi tibni fuq il-kooperazzjoni eżistenti f’dan il-qasam (inkluż il-Programm għall-Prevenzjoni, it-Tħejjija u r-Rispons għad-Diżastri Naturali u dawk Ikkawżati mill-Bniedem fin-Nofsinhar) l-UE tista’:

Ø tippromwovi l-iżvilupp ta’ approċċ reġjonali għall-ġestjoni tad-diżastri bbażata fuq il-prevenzjoni u t-tħejjija aktar milli fuq ir-rispons, mal-partijiet interessati ewlenin kollha;

Ø tippromwovi kooperazzjoni interreġjonali msaħħa fil-Magreb permezz tan-netwerk tal-korrispondenti nazzjonali għall-protezzjoni ċivili sabiex tiżgura rispons ikkoordinat għad-diżastri;

Ø tgħin fl-iżvilupp tal-Atlas tar-Riskji għal riskji mhux koperti fl-ewwel verżjoni u li jistgħu jaffettwaw lir-reġjun tal-Magreb b’mod partikolari;

Ø tassisti fl-analiżi taż-żieda ta’ riskji kkawżati mill-klima u f’azzjonijiet rispettivi ta’ prevenzjoni u adattament;

Ø tassisti fil-bini tal-kapaċità u s-sensibilizzazzjoni dwar il-prevenzjoni u t-tħejjija għad-diżastri u tipprovdi assistenza teknika għall-iżvilupp ta’ inizjattivi bħall-istabbiliment ta’ pjattaformi nazzjonali għat-tnaqqis tar-riskji tad-diżastri u ta’ strateġiji għall-protezzjoni ċivili biex isaħħu l-kapaċitajiet fil-pajjiż u l-istrutturi għall-prevenzjoni ad hoc.

F.           Il-Migrazzjoni u l-Mobbiltà

46.         Il-migrazzjoni u l-mobbiltà għandhom rwol ewlieni fir-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi tal-Magreb. Iż-żewġ naħat qed jiffaċċjaw sfidi sinifikanti u, sa ċertu punt, simili f’dan il-qasam. It-tnejn li huma għandhom interess komuni fil-ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni legali, fil-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari inkluż it-traffikar tal-bnedmin, il-promozzjoni aħjar tal-protezzjoni internazzjonali fir-reġjun u li jiġi mmassimizzat l-impatt tal-migrazzjoni fuq l-iżvilupp.

47.         Fi ħdan il-qafas tal-Approċċ Globali tagħha għall-Migrazzjoni u l-Mobbiltà l-UE hi impenjata li ssaħħaħ il-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ migrazzjoni, u ttejjeb il-mobbiltà taċ-ċittadini f’ambjent sigur. Fuq dik il-bażi, l-UE offriet li tidħol fi djalogi dwar il-Migrazzjoni, il-Mobbiltà u s-Sigurtà ma wħud mill-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran fil-Komunikazzjoni tagħha ta’ Mejju 2011[12], bl-intenzjoni li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet tagħha ma’ kull wieħed minnhom skont il-bżonnijiet, ir-rieda u l-kapaċità tagħhom li jidħlu għall-kooperazzjoni f’dan il-qasam. Bħala riżultat, djalogi bħal dawn ġew uffiċjalment imnedija mal-Marokk u t-Tuneżija bil-għan li jiġu konklużi Sħubiji għall-Mobbiltà fil-ġejjieni qrib.

48.         Minbarra dan, hemm ukoll lok konsiderevoli biex jissaħħaħ l-appoġġ tal-UE għall-kooperazzjoni tal-Magreb intrareġjonali u l-kooperazzjoni Magreb-Afrika Sub-Saħarjana fil-qasam tal-migrazzjoni u l-mobbiltà. Aktar speċifikament l-UE tista’:

Ø tagħmel aktar sforzi lejn l-implimentazzjoni sħiħa tad-dikjarazzjonijiet ministerjali eżistenti u l-pjanijiet ta’ azzjoni fil-qasam tal-migrazzjoni u l-iżvilupp bejn l-atturi rilevanti kollha, notevolment il-Proċess ta’ Migrazzjoni u Żvilupp Ewro-Afrikan (il-“Proċess ta’ Rabat”) u s-Sħubija bejn l-UE u l-Afrika dwar il-Migrazzjoni, il-Mobbiltà u l-Impjiegi;

Ø tappoġġa l-iskemi tal-migrazzjoni legali fost il-pajjiżi tal-Magreb kif ukoll bejn dawn tal-aħħar u l-istati Sub-Saħarjani;

Ø tagħmel użu aktar sistematiku tal-opportunitajiet biex tittejjeb il-mobbiltà offruti mill-Kodiċi tal-UE dwar il-Viżi, inkluż għal kategoriji bħaż-żgħażagħ, l-istudenti jew is-soċjetà ċivili; iżżid l-għarfien permezz ta’ skambji ta’ informazzjoni dwar ir-reġimi tal-viżi eżistenti;

Ø issir promozzjoni tal-kooperazzjoni reġjonali fil-qasam tas-sorveljanza tal-fruntieri u l-ġlieda kontra l-migrazzjoni rregolari fir-reġjun tal-Magreb u tas-Sub-Saħara inkluż permezz tal-qsim tal-informazzjoni fil-livell reġjonali, l-analiżi tar-riskju komuni, il-ġestjoni u s-sorveljanza konġunti tal-fruntieri u l-kooperazzjoni tal-pulizija inkluż dwar it-traffikar tal-bnedmin u d-drogi;

Ø tippromwovi l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tar-reġjun fi kwistjonijiet ta’ riammissjoni, kemm dwar ir-riammissjoni fost il-pajjiżi tal-Magreb kif ukoll minn pajjiżi tal-Magreb lejn il-pajjiżi tas-Sub-Saħara fir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali tal-migranti;

Ø tkompli tassisti lill-pajjiżi tal-Magreb fil-qasam tal-ażil u l-protezzjoni internazzjonali, permezz ta’ miżuri ta’ bini tal-kapaċità skont il-Programm ta’ Protezzjoni Reġjonali tal-Afrika tat-Tramuntana, jew billi tikkunsidra l-għażliet possibbli ta’ risistemazzjoni;

Ø kif xieraq, tipprovdi informazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-assistenza u l-protezzjoni konsulari tal-UE, kif ukoll tiżviluppa għarfien komuni f’dan il-qasam li hu dejjem iktar importanti kemm għall-Istati Membri tal-UE u kemm għall-pajjizi tal-Magreb. 

Konklużjoni

49.         Il-proposti stipulati hawn fuq juru l-appoġġ tal-UE għal, kif ukoll l-interess dirett fl-integrazzjoni aktar mill-qrib fil-Magreb. Il-progress fl-integrazzjoni jkun jiddependi l-ewwel u qabel kollox fuq l-isforzi domestiċi tal-pajjiżi msieħba. It-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Magreb jista’ jappoġġa dan l-għan – anke jekk indirettament – permezz ta’ konverġenza akbar tan-normi, regolamenti u politiki. Madankollu hemm bżonn ta’ sforzi fuq livell tal-Magreb biex tinħoloq spinta reali f’dan il-qasam.

50.         Il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli huma ħerqana biex jiddiskutu dawn il-proposti mal-Istati Membri tal-UE u istituzzjonijiet oħra tal-UE sabiex jiżguraw approċċ konġunt. Huma se jikkonsultaw dwarhom ukoll ma’ dawk interessati Ewropej u tal-Magreb, inkluż ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.

51.         Il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli jipproponu t-tnedija ta’ djalogu ta’ livell għoli bejn l-UE u l-Unjoni tal-Magreb Għarbi dwar dawn il-proposti. Huma jistiednu l-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra, bħall-Parlament Ewropew, biex jissieħbu f’dan id-djalogu mal-imsieħba tal-Magreb. Huma jipproponu wkoll li jkun żgurat li dawn il-kwistjonijiet jiġu indirizzati f’djalogi politiċi regolari li jsiru mal-pajjiżi tal-Magreb. Huma se javviċinaw ukoll lill-partijiet interessati mhux governamentali bħar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u n-negozji. Permezz ta’ dawn l-iskambji l-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli qed jittamaw li jagħmlu kontribuzzjoni kontinwa importanti lejn id-dibattitu li qed jiżviluppa dwar l-integrazzjoni fil-Magreb.

[1]               “Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperità Komuni fin-Nofsinhar tal-Mediterran” (8.3.11) u “Risposti Ġodda għal Viċinat fi Trasformazzjoni: Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat” (25.5.11).

[2]               “Inżidu l-impatt tal-politiki tal-iżvilupp tal-UE: Aġenda għall-Bidla” (13.10.2011)

[3]               “Is-Sħubija Strateġika UE-Afrika. Strateġija Konġunta Afrika-UE”, is-Samit UE-Afrika f’Lisbona, 2007, referenza 16344/07.

[4]               Ara UNDP: Ir-Rapport dwar l-Isfidi għall-Iżvilupp Għarbi tal-2011.

[5]               L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għas-Sigurtà u l-Iżvilupp fis-Saħel, tal-31 ta’ Marzu 2011

[6]               Il-Forum tal-Mediterran tal-Punent jikkonsisti mill-Alġerija, Franza, l-Italja, il-Libja, Malta, il-Marokk, il-Mawritanja, il-Portugall, Spanja u t-Tuneżija.

[7]               F’konformità mal-Komunikazzjoni “L-għeruq ta’ Demokrazija u Żvilupp Sostenibbli: il-Kooperazzjoni tal-Ewropa mas-Soċjetà Ċivili fir-Relazzjonijiet Esterni”, Brussell, it-12.9.2012, COM(2012) 492 finali, u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-UE tal-15 ta’ Ottubru 2012.

[8]               Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 1.

[9]               Ara wkoll: l-Istudju dwar l-Infrastruttura u l-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ Reġjonali għall-Pajjiżi tal-Magreb, tal-20 ta’ Ġunju 2012, tal-Bank Dinji.

[10]             It-Tuneżija hi l-uniku pajjiż diġà kopert min-Netwerk Ewropew tal-Intrapriżi fi ħdan il-Magreb.

[11]             “L-Enerġija Rinnovabbli: attur ewlieni fis-Suq Ewropew tal-Enerġija” COM (2012) 271, is-6 ta’ Ġunju 2012.

[12]             “Djalogu dwar il-migrazzjoni, il-mobilità u s-sigurtà mal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran”, 24.5.2011, COM (2011) 292 Finali.

Top