EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52010XC1216(01)
Commission Communication — Guidelines on the labelling of foodstuffs using protected designations of origin (PDOs) or protected geographical indications (PGIs) as ingredients
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Linji gwida dwar it-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel li jużaw denominazzjonijiet protetti ta' oriġini (DPO) u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (IĠP) bħala ingredjenti
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Linji gwida dwar it-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel li jużaw denominazzjonijiet protetti ta' oriġini (DPO) u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (IĠP) bħala ingredjenti
OJ C 341, 16.12.2010, p. 3–4
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
16.12.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 341/3 |
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Linji gwida dwar it-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel li jużaw denominazzjonijiet protetti ta' oriġini (DPO) u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (IĠP) bħala ingredjenti
2010/C 341/03
1. INTRODUZZJONI
1.1. Sfond
L-Unjoni Ewropea ilha mill-1992 tiżviluppa politika speċifika dwar indikazzjonijiet ġeografiċi għal prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (1). Il-metodi tat-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel li għandhom jiġu kkunsinnjati bħala tali lill-konsumatur aħħari kif ukoll il-metodi ta' pubbliċità marbuta ma' dawn il-prodotti huma koperti bid-Direttiva dwar it-Tikkettar (2).
Il-leġiżlazzjoni li tikkonċerna denominazzjonijiet protetti ta' oriġini (DPO) u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (IĠP) tistipula, inter alia, li d-denominazzjonijiet irreġistrati għandhom ikunu protetti kontra kwalunkwe użu kummerċjali, kemm dirett kif ukoll indirett, fir-rigward ta' prodotti mhux koperti mir-reġistrazzjoni safejn dawk il-prodotti huma komparabbli mal-prodott irreġistrat taħt dik l-indikazzjoni ġeografika u safejn tali użu jisfrutta r-reputazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika rreġistrata (3). Fl-istess waqt, id-Direttiva dwar it-Tikkettar tirrikjedi li t-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel u l-pubbliċità relatata ma jistgħux ikunu tali li jqarrqu bil-konsumatur, b'mod partikolari, fir-rigward tal-karatteristiċi, l-identità, il-kwalitajiet u l-kompożizzjoni tal-oġġetti tal-ikel ikkonċernat (4).
F'dan l-isfond, jekk l-inklużjoni ta' prodott li jibbenefika minn DPO jew IĠP f'oġġett tal-ikel tista', naturalment, tipprovdi vantaġġ sinifikanti għal dawn il-prodotti ta' kwalità, għandu, xorta waħda, jiġi żgurat li kwalunkwe referenza għal tali inklużjoni fit-tikkettar ta' oġġett tal-ikel issir f'bona fide u ma għandhiex tqarraq bil-konsumatur.
1.2. Linji gwida
Fil-Komunikazzjoni tagħha fuq il-politika dwar il-kwalità tal-prodotti agrikoli (COM(2009) 234), il-Kummissjoni impenjat ruħha li tistabbilixxi linji gwida rigward it-tikkettar u l-pubbliċità għal prodotti pproċessati li jużaw indikazzjonijiet ġeografiċi bħala ingredjenti.
Dawn il-linji gwida ġew imfassla biex juru d-dispożizzjonijiet legali li japplikaw fir-rigward ta' din il-kwistjoni u biex jgħinu lill-operaturi ekonomiċi jistabbilixxu l-livell ta' flessibbiltà disponibbli. B'mod partikolari, għandhom l-għan li jesponu l-fehma tal-Kummissjoni dwar:
— |
il-kundizzjonijiet għall-użu ta' denominazzjonijiet irreġistrati bħal DPO u IĠP fit-tikkettar, fil-preżentazzjoni u fil-pubbliċità tal-oġġetti tal-ikel li jinkludu tali denominazzjonijiet bħala ingredjenti; |
— |
il-prattiki tajbin li jiżguraw li d-denominazzjonijiet li ġew irreġistrati bħala DPO jew IĠP li jintużaw bħala ingredjenti f'oġġetti tal-ikel, ma jintużawx b'mod abbużiv li jagħmel ħsara lir-reputazzjoni tal-prodott li jibbenefika minn tali denominazzjonijiet, jew li jqarrqu bil-konsumaturi rigward il-kompożizzjoni tal-prodott aħħari. |
L-applikazzjoni ta' dawn il-linji gwida hija volontarja.
L-eżempji msemmija f'dawn il-linji gwida huma pprovduti, esklussivament, għal finijiet illustrattivi u ma jirreflettux sitwazzjonijiet jew każijiet imressqa lill-Kummissjoni għal attenzjoni tagħha.
Dawn il-linji gwida ma għandhomx jitqiesu bħala interpretazzjoni legalment ristrettiva tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar id-DPO u l-IĠP jew id-Direttiva dwar it-Tikkettar. Fil-fatt, interpretazzjoni tali ta' din il-leġiżlazzjoni hija biss kompetenza esklussiva tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea; barra dan, il-kwistjoni dwar jekk it-tikkettar ta' ċerti prodotti jistax iqarraq bix-xerrej jew bil-konsumatur jew id-deċiżjoni dwar il-karatteristika potenzjalment qarrieqa ta' isem kummerċjali huma esklussivament kompetenza tal-qrati nazzjonali (5).
Dawn il-linji gwida jistgħu jkunu soġġetti għal reviżjoni.
2. RAKKOMANDAZZJONIJIET
Fid-dawl ta' dak imsemmi hawn fuq, il-Kummissjoni tixtieq tfassal sensiela ta' rakkomandazzjonijiet li jikkonċernaw il-modi ta' użu ta' denominazzjoni rreġistrata bħala DPO jew IĠP u r-referenzi, abbrevjazzjonijiet u simboli rilevanti tal-Unjoni Ewropea fit-tikkettar tal-prodotti li jibbenefikaw minn tali denominazzjoni kif ukoll l-ispeċifikazzjonijiet marbuta mad-denominazzjonijiet irreġistrati bħala DPO jew IĠP inklużi bħala ingredjenti fl-oġġetti tal-ikel.
2.1. Rakkomandazzjonijiet dwar l-użu ta' denominazzjoni rreġistrata
1. |
Skont il-Kummissjoni, denominazzjoni rreġistrata bħala DPO jew IĠP tistà tkun inkluża, b'mod leġittimu, fil-lista ta' ingredjenti ta' oġġett tal-ikel. |
2. |
Il-Kummissjoni hija wkoll tal-fehma li denominazzjoni rreġistrata bħala DPO jew IĠP tista' tissemma bħala parti minn jew qrib l-isem kummerċjali ta' oġġett tal-ikel li jinkludi prodotti li jibbenefikaw minn denominazzjoni rreġistrata, kif ukoll fit-tikkettar, il-preżentazzjoni u l-pubbliċità ta' dan l-oġġett tal-ikel, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin.
|
3. |
Ladarba jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stipulati fil-punt (2), il-Kummissjoni hija tal-fehma li r-referenzi, abbrevjazzjonijiet (6) u simboli tal-Unjoni Ewropea li jakkumpanjaw id-denominazzjoni rreġistrata ma għandhomx jintużaw ħlief fit-tikkettar, jew bħala parti mill-isem kummerċjali jew qrib tiegħu jew fil-lista tal-ingredjenti, sakemm tkun ċara li l-oġġett tal-ikel innifsu mhuwiex DPO jew IĠP. Fin-nuqqas ta' dan, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan iwassal għal sfruttar żejjed tar-reputazzjoni tad-DPO jew l-IĠP li jista' jwassal sabiex jiġi mqarraq il-konsumatur. Pereżempju, fil-każ ta' ismijiet kummerċjali “Pizza Roquefort” jew “Pizza magħmula bir-Roquefort DPO”, il-Kummissjoni mhijiex tal-fehma li dawn l-ismijiet qegħdin f'kunflitt ma' xulxin. Min-naħa l-oħra, l-isem kummerċjali “Pizza Roquefort DPO” ma jkunx irrakkomandat peress li isem kummerċjali bħal dan jista' jagħti l-impressjoni li l-pizza nnifisha tibbenefika minn DPO. |
4. |
Il-Kummissjoni hija tal-fehma li jekk ġie inkluż ingredjent komparabbli ma' ingredjent li jibbenefika minn DPO/IĠP fl-oġġett tal-ikel, l-isem irreġistrat bħal DPO jew IĠP għandu jidher biss fil-lista tal-ingredjenti, u l-metodi biex isir dan għandhom ikunu simili għal ingredjenti oħra msemmija. B'mod partikolari, ikun xieraq li jintużaw karattri identiċi, f'termini ta' tipa, daqs, kulur, eċċ. |
2.2. Rakkomandazzjonijiet li jikkonċernaw l-ispeċifikazzjonijiet marbuta mad-denominazzjonijiet irreġistrati bħala DPO jew IĠP inklużi bħala ingredjenti fl-oġġetti tal-ikel
Skont il-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet marbuta mal-użu ta' denominazzjoni rreġistrata bħala DPO jew IĠP fit-tikkettar ta' oġġetti tal-ikel oħra ma għandhomx jiġu inklużi, fil-prinċipju, fl-ispeċifikazzjonijiet ta' dik id-denominazzjoni, il-konformità mal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni min-naħa tal-operaturi ekonomiċi għandha tikkostitwixxi garanzija adegwata. L-oġġetti tal-ikel jistgħu, fuq bażi eċċezzjonali, jiġu elenkati jekk permezz ta' dan tiġi solvuta diffikultà speċifika li ġiet identifikata b'mod ċar u sakemm tikkettar ta' dan it-tip ikun oġġettiv, proporzjonali u mhux diskriminatorju. Fi kwalunkwe każ, kwalunkwe dispożizzjoni elenkata fl-ispeċifikazzjonijiet ma għandhiex tkun intenzjonata li timmodifika l-leġiżlazzjoni fis-seħħ.
(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12) kif ukoll ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1898/2006 tal-14 ta' Diċembru 2006 li jistipula regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (ĠU L 369, 23.12.2006, p. 1).
(2) Id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 Marzu 2000 fuq l-approssimazzjoni ta' liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta' oġġetti tal-ikel (ĠU L 109, 6.5.2000, p. 29).
(3) Hekk jogħġbok irreferi għall-Artikolu 13(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006.
(4) Hekk jogħġbok irreferi għall-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2000/13/KE.
(5) F'dan ir-rigward, hekk jogħġbok, irreferi għas-sentenza tal-Qorti 2009 f'Severi, C-446/07, Ġabra. p. I-8041, punt 60.
(6) Dan fil-każ tar-referenzi “denominazzjoni protetta ta' oriġini” jew “indikazzjoni ġeografika protetta” kif ukoll l-abbrevjazzjonijiet DPO u IĠP.