EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32013R1408
Commission Regulation (EU) No 1408/2013 of 18 December 2013 on the application of Articles 107 and 108 of the Treaty on the Functioning of the European Union to de minimis aid in the agriculture sector
Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1408/2013 tat- 18 ta’ Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tal-agrikoltura
Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1408/2013 tat- 18 ta’ Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tal-agrikoltura
OJ L 352, 24.12.2013, p. 9–17
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 25/10/2023
24.12.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 352/9 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1408/2013
tat-18 ta’ Diċembru 2013
dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tal-agrikoltura
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 108(4) tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta’ Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat orizzontali (1),
Wara li ppubblikat abbozz ta’ dan ir-Regolament (2),
Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv dwar l-Għajnuna mill-Istat,
Billi:
(1) |
Il-finanzjament tal-Istat li jissodisfa l-kriterji fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u jeħtieġ li jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat. Madanakollu, skont l-Artikolu 109 tat-Trattat, il-Kunsill jista’ jiddetermina kategoriji ta’ għajnuna li huma eżentati minn dan ir-rekwiżit ta’ notifika. F’konformità mal-Artikolu 108(4) tat-Trattat il-Kummissjoni tista’ tadotta regolamenti rigward dawk il-kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat. Bis-saħħa tar-Regolament (KE) Nru 994/98 il-Kunsill iddeċieda, f’konformità mal-Artikolu 109 tat-Trattat, li l-għajnuna de minimis tista’ tikkostitwixxi kategorija ta’ dak it-tip. Fuq dik il-bażi, hu meqjus li l-għajnuna de minimis, li hija għajnuna mogħtija lil impriża unika fuq perjodu mogħti ta’ żmien u li ma tkunx iktar minn ammont fiss, li ma tissodisfax il-kriterji kollha stipulati fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat u għalhekk mhix soġġetta għall-proċedura ta’ notifika. |
(2) |
Il-Kummissjoni, f’diversi Deċiżjonijet, ikkjarifikat il-kunċett ta’ għajnuna, fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Il-Kummissjoni stqarret ukoll il-politika tagħha rigward limitu de minimis li taħtu l-Artikolu 107(1) tat-Trattat jista’ jitqies li ma japplikax, għall-ewwel fl-avviż tagħha dwar ir-regola de minimis għall-għajnuna mill-Istat (3) u sussegwentement fir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 69/2001 (4) u (KE) Nru 1998/2006 (5). Fid-dawl tar-regoli speċjali li japplikaw fis-settur agrikolu u tar-riskju li anki livelli baxxi ta’ għajnuna jistgħu jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat, is-settur agrikolu jew partijiet minnu ġew esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawk ir-Regolamenti. Il-Kummissjoni diġà adottat għadd ta’ Regolamenti li jipprovdu regoli dwar l-għajnuna de minimis mogħtija fis-settur tal-agrikoltura, li l-aħħar wieħed minnhom kien ir-Regolament (KE) Nru 1535/2007 (6). Fid-dawl tal-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1535/2007, huwa xieraq li jiġu riveduti xi wħud mill-kundizzjonijiet stipulati f’dak ir-Regolament u li jiġi sostitwit. |
(3) |
Fid-dawl tal-esperjenza tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1535/2007, l-ammont massimu ta’ għajnuna għal impriża waħda fuq perjodu ta’ tliet snin għandu jiżdied għal EUR 15 000 u l-limitu nazzjonali għandu jiżdied għal 1 % tal-produzzjoni annwali. Dawk il-limiti massimi ġodda jibqgħu meħtieġa sabiex jiżguraw li kwalunkwe miżura li taqa’ fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament tista’ titqies li ma għandha l-ebda effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li ma tfixkilx jew ma tkunx ta’ theddida li tfixkel il-kompetizzjoni. |
(4) |
Għall-iskopijiet tar-regoli dwar il-kompetizzjoni stabbiliti fit-Trattat, impriża hija entità involuta f’attività ekonomika, indipendentement mill-istat legali tagħha u mill-mod ta’ kif hija ffinanzjata (7). Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet li l-entitajiet kollha li huma kkontrollati (fuq bażi legali jew fuq bażi de facto) mill-istess entità għandhom jitqiesu bħala impriża unika (8). Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u biex jitnaqqas il-piż amministrattiv, dan ir-Regolament għandu jipprovdi lista eżawrjenti ta’ kriterji ċari li permezz tagħhom jiġi ddeterminat meta żewġ intrapriżi jew aktar fl-istess Stat Membru għandhom jitqiesu bħala impriża waħda. Il-Kummissjoni għażlet, minn fost il-kriterji stipulati sew li jiddefinixxu “intrapriżi marbuta” fid-definizzjoni ta’ intrapriżi żgħar jew ta’ daqs medju (SMEs) fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Nru 2003/361/KE (9) u fl-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 (10), dawk il-kriterji li huma xierqa għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament. Il-kriterji huma diġà familjari mal-awtoritajiet pubbliċi u għandhom ikunu applikabbli, minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, kemm għall-SMEs kif ukoll għal impriżi kbar. Dawk il-kriterji għandhom jiżguraw li grupp ta’ intrapriżi marbuta huwa meqjus bħala impriża unika għall-applikazzjoni tar-regola de minimis, iżda li intrapriżi li mhumiex relatati ħlief għal fatt li kull waħda minnhom għandha rabta diretta mal-istess korp jew korpi pubbliċi, ma jiġux ittrattati bħala relatati. Għaldaqstant, is-sitwazzjoni speċifika tal-intrapriżi kkontrollati mill-istess korp jew korpi pubbliċi, li jistgħu jkollhom is-setgħa li jiddeċiedu b’mod indipendenti, qed tiġi kkunsidrata. Bl-istess mod, dawn il-kriterji għandhom jiżguraw li l-membri individwali ta’ persuna ġuridika jew grupp ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi ma jkunux, għal dik ir-raġuni biss, meqjusa bħala relatati meta l-liġi nazzjonali tipprevedi li dawk il-membri individwali jassumu d-drittijiet u l-obbligi li jistgħu jitqabblu ma’ dawk tal-bdiewa individwali li għandhom l-istatus ta’ kap tal-azjenda, b’mod partikolari fir-rigward tal-istatus ekonomiku, soċjali u tat-taxxa tagħhom u meta dawk il-membri individwali jkunu taw sehem biex isaħħu l-istrutturi agrikoli tal-persuni ġuridiċi jew gruppi kkonċernati. |
(5) |
Meta jitqies ix-xebħ bejn l-ipproċessar u t-tqegħid fis-suq tal-prodotti agrikoli u l-prodotti mhux agrikoli, l-ipproċessar u t-tqegħid fis-suq tal-prodotti agrikoli ġew inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 (11). |
(6) |
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea stabbilixxiet li, ladarba l-Unjoni lleġiżlat favur it-twaqqif ta’ organizzazzjoni komuni tas-suq f’settur partikolari tal-agrikoltura, l-Istati Membri huma obbligati li jastjenu milli jieħdu kwalunkwe miżura li tista’ ddgħajjifha jew toħloq eċċezzjonijiet għaliha (12). Għal dik ir-raġuni, dan ir-Regolament ma għandux japplika għal għajnuna li l-ammont tagħha huwa stabbilit fuq il-bażi tal-prezz jew il-kwantità tal-prodotti mixtrija jew imqiegħda fis-suq. Anqas ma għandu japplika għal appoġġ marbut ma’ obbligu ta’ kondiviżjoni ta’ għajnuna ma’ produtturi primarji. |
(7) |
Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal għajnuna għall-esportazzjoni jew għajnuna suġġetta għall-użu ta’ prodotti domestiċi fuq dawk importati. B’mod partikolari, ma għandux japplika għal għajnuna li tiffinanzja t-twaqqif u t-tħaddim ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni f’pajjiżi terzi jew Stati Membri oħra. Għajnuna għall-spejjeż ta’ parteċipazzjoni f’fieri kummerċjali, jew ta’ studji jew servizzi ta’ konsulenza meħtieġa għat-tnedija ta’ prodott ġdid jew li diġà jeżisti f’suq ġdid fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz ma titqiesx li hija għajnuna għall-esportazzjoni. |
(8) |
Il-perjodu ta’ tliet snin, li għandu jiġi kkunsidrat għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, għandu jiġi vvalutat fuq bażi ta’ rotazzjoni b’tali mod li, għal kull għotja ta’ għajnuna de minimis, l-ammont totali ta’ għajnuna de minimis li jingħata fis-sena fiskali kkonċernata u matul is-sentejn fiskali ta’ qabel jeħtieġ li jittieħed inkonsiderazzjoni. |
(9) |
Fejn impriża tkun attiva fil-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli u hi ukoll attiva f’setturi oħra jew għandha attivitajiet oħra li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1407/2013, id-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament għandhom japplikaw għall-għajnuna mogħtija fir-rigward ta’ dawk is-setturi jew l-attivitajiet oħra, dejjem jekk l-Istat Membru kkonċernat jiżgura b’mezzi xierqa bħas-separazzjoni tal-attivitajiet jew id-distinzjoni tal-ispejjeż, li l-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli ma tibbenefikax mill-għajnuna de minimis mogħtija skont dak ir-Regolament. |
(10) |
Fejn impriża tkun attiva fil-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli kif ukoll fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 875/2007 (13) għandu japplika għall-għajnuna mogħtija fir-rigward tas-settur tal-aħħar, dejjem jekk l-Istati Membri kkonċernati jiżguraw, b’mezzi xierqa bħas-separazzjoni tal-attivitajiet jew id-distinzjoni bejn l-ispejjeż, li l-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli ma tibbenefikax mill-għajnuna de minimis mogħtija skont dak ir-Regolament. |
(11) |
Dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi regoli li jiżguraw li ma jkunx possibbli li jiġu evitati l-intensitajiet massimi tal-għajnuna stipulati f’Regolamenti speċifiċi jew f’deċiżjonijiet tal-Kummissjoni. Għandu jistipula wkoll regoli ċari dwar l-akkumulazzjoni li huma faċli biex jiġu applikati. |
(12) |
Dan ir-Regolament ma jeskludix il-possibbiltà li miżura tista’ ma titqiesx bħala għajnuna mill-Istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat minħabba raġunijiet oħra minn dawk stipulati f’dan ir-Regolament, pereżempju minħabba li l-miżura tikkonforma mal-prinċipju tal-operatur tal-ekonomija tas-suq jew minħabba li l-miżura ma tinvolvix trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat. B’mod partikulari, aktar finanzjament tal-Unjoni amministrat ċentralment mill-Kummissjoni u li mhux direttament jew indirettament taħt il-kontroll tal-Istat Membru, ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat u ma għandux jittieħed inkonsiderazzjoni meta jiġi ddeterminat jekk il-limitu massimu rilevanti jew il-limitu nazzjonali hux qed jiġi rispettat. |
(13) |
Għall-iskopijiet ta’ trasparenza, trattament ugwali u monitoraġġ effettiv, dan ir-Regolament għandu japplika biss għall-għajnuna de minimis li għaliha jkun possibbli li tiġi kkalkulata bi preċiżjoni l-għotja grossa ekwivalenti ex ante mingħajr il-ħtieġa li ssir valutazzjoni tar-riskju (“għajnuna trasparenti”). Kalkolu preċiż bħal dan, pereżempju, jista’ isir għal għotjiet, sussidji fuq ir-rata tal-imgħax, eżenzjonijiet limitati tat-taxxa jew strumenti oħra li jiffissaw limitu li jiżgura li l-limitu rilevanti ma jinqabiżx. L-iffissar ta’ limitu jimplika li sakemm l-ammont preċiż tal-għajnuna mhuwiex magħruf jew għadu mhux magħruf, l-Istat Membru jkollu jassumi li l-ammont huwa daqs il-limitu sabiex ikun żgurat li bosta miżuri ta’ għajnuna flimkien ma jaqbżux il-limitu stabbilit f’dan ir-Regolament u li jiġu applikati r-regoli dwar l-akkumulazzjoni. |
(14) |
L-Istati Membri kollha għandhom japplikaw l-istess metodu ta’ kalkolu, sabiex ikun hemm trasparenza, trattament ugwali u applikazzjoni korretta tal-limitu de minimis. Biex jiġi ffaċilitat il-kalkolu, jeħtieġ li l-ammont tal-għajnuna mogħtija mhux skont fil-forma ta’ għotja ta’ flus kontanti jkun konvertit fl-ekwivalenti ta’ għotja grossa ekwivalenti. Il-kalkolu tal-għotja grossa ekwivalenti fir-rigward ta’ tipi trasparenti ta’ għajnuna barra minn għotjiet jew ta’ għajnuna li tkun pagabbli f’għadd ta’ pagamenti jeħtieġ li jiġu użati ta’ rati ta’ imgħax tas-suq li jkunu qed jintużaw fil-mument li tkun ingħatat tali għajnuna. Bil-għan li jkun hemm applikazzjoni uniformi, trasparenti u sempliċi tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament ir-rati tal-imgħax tas-suq applikabbli għandhom ikunu r-rati ta’ referenza, kif stipulat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta’ referenza u ta’ skont (14). |
(15) |
L-għajnuna fil-forma ta’ self, inkluż l-għajnuna għal finanzjament ta’ riskju de minimis li tieħu l-forma ta’ self għandha titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti jekk l-għotja grossa ekwivalenti tkun ġiet ikkalkulata abbażi ta’ rati attwali ta’ imgħax tas-suq fil-mument li fih tingħata l-għotja. Bil-għan li l-ipproċessar ta’ self żgħir fuq tul ta’ żmien qasir jiġi ssimplifikat, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi regola ċara li tiġi faċilment applikata u li tqis kemm l-ammont tas-self kif ukoll it-tul ta’ żmien tiegħu. Fuq il-bażi tal-esperjenza tal-Kummissjoni, self assikurat b’garanzija li tkopri mill-inqas 50 % tas-self u li ma jkunx iktar minn ’ EUR 75 000 fuq perjodu ta’ ħames snin jew EUR 37 500 fuq perjodu ta’ għaxar snin, jista’ jitqies li l-għotja grossa ekwivalenti tiegħu ma tkunx iktar mil-limitu de minimis massimu. Minħabba d-diffikultajiet biex tiġi kkalkulata l-għotja grossa ekwivalenti tal-għajnuna mogħtija lil impriżi li jistgħu ma jkunux f’pożizzjoni li jħallsu lura s-self, din ir-regola m’għandhiex tapplika għal dawk l-impriżi. |
(16) |
L-għajnuna inkluża f’injezzjonijiet ta’ kapital ma għandhiex titqies għajnuna de minimis trasparenti, ħlief jekk l-ammont totali ta’ injezzjoni pubblika ma jaqbiżx il-limitu de minimis. Għajnuna inkluża f’miżuri ta’ finanzjament ta’ riskju li jieħdu l-forma ta’ investimenti f’ ishma jew fi quasi-ishma, kif imsemmi fil-linji gwida dwar finanzjament ta’ riskju (15), ma għandhiex titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti, ħlief jekk il-kapital ipprovdut mill miżura kkonċernata ma jaqbiżx il-limitu de minimis. |
(17) |
Għajnuna li tikkonsisti f’garanziji, inkluż l-għajnuna de minimis għal finanzjament ta’ riskju li tikkonsisti f’garanziji, għandha titqies li tkun trasparenti jekk l-għotja grossa ekwivalenti tkun ġiet ikkalkulata fuq il-bażi ta’ primjums eżentati stipulati f’Avviż tal-Garanzija (16). Bil-għan li l-ipproċessar ta’ garanziji fuq tul ta’ żmien qasir li jiggarantixxi sa 80 % ta’ self relattivament żgħir jiġi ssimplifikat, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi regola ċara li tiġi faċilment applikata u li tqis kemm l-ammont tal-garanziji kif ukoll it-tul ta’ żmien tiegħu. Din ir-regola m’għandhiex tapplika għal dawk il-garanziji fuq tranżazzjonijiet sottostanti li mhumiex self, bħal garanziji għal tranżazzjonijiet ta’ ishma. Fejn il-garanzija ma tkunx iktar minn 80 % tas-self sottostanti, l-ammont garantit ma tkunx iktar minn EUR 112 500 u t-tul ta’ żmien tal-garanziji ma jkunx iktar minn ħames snin il-garanzija tista’ tiġi kkunsidrata li għandha għotja grossa ekwivalenti li ma taqbiżx il-limitu de minimis. L-istess japplika fejn il-garanzija ma tkunx iktar minn 80 % tas-self sottostanti, l-ammont garantit ma jkunx iktar minn EUR 56 250 u t-tul ta’ żmien tal-garanzija ma jkunx iktar minn għaxar snin. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jużaw metodoloġija biex jikkalkulaw l-għotja grossa ekwivalenti tal-garanziji li jkunu ġew innotifikati lill-Kummissjoni bis-saħħa ta’ Regolament ieħor tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat applikabbli f’dak iż-żmien, li l-Kummissjoni tkun aċċettatu bħala konformi mal-Avviż dwar il-Garanziji, jew skont kwalunkwe avviż suċċessiv, sakemm il-metodoloġija aċċettata tindirizza b’mod espliċitu t-tip ta’ garanzija u t-tip ta’ tranżazzjoni sottostanti trattati fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Minħabba d-diffikultajiet biex tiġi kkalkulata l-għotja grossa ekwivalenti tal-għajnuna mogħtija lil impriżi li jistgħu ma jkunux f’pożizzjoni li jħallsu lura s-self, din ir-regola m’għandhiex tapplika għal dawk l-impriżi. |
(18) |
Fejn tiġi implimentata skema ta’ għajnuna de minimis permezz ta’ intermedjarji finanzjarji, għandu jkun żgurat li dawk tal-aħħar ma jirċevu l-ebda għajnuna mill-Istat. Dan jista’ jiġi żgurat, pereżempju billi l-intermedjarji li jibbenefikaw minn garanzija mill-Istat jintalbu jħallsu primjum li jkun konformi mas-suq jew li jittrasferixxu kompletament kwalunkwe vantaġġ lill-benefiċjarji finali, jew biex jirrispettaw il-limitu de minimis u kundizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament anki fil-livell tal-intermedjarji. |
(19) |
Wara li ssir notifika minn Stat Membru, il-Kummissjoni tista’ teżamina jekk miżura li ma tikkonsistix minn għotja, self, garanzija, injezzjoni ta’ kapital jew miżuri ta’ finanzjament ta’ riskju fil-forma ta’ investiment ta’ ishma jew quais-ishma, twassalx għal għotja grossa ekwivalenti li ma taqbiżx il-limitu de minimis u tista’ għalhekk tidħol fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament. |
(20) |
Il-Kummissjoni għandha d-dover li tiżgura li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat jiġu mħarsa u jkunu konformi mal-prinċipju ta’ koperazzjoni fl-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw it-twettiq ta’ dan il-kompitu billi jistabbilixxu l-għodod meħtieġa sabiex jiżguraw li l-ammont totali tal-għajnuna de minimis mogħtija lill-istess impriża taħt ir-regola de minimis ma jaqbiżx il-limitu massimu kumplessiv permissibbli. Għal dak il-għan, meta jagħtu għajnuna de minimis, l-Istati Membri għandhom jinformaw lill-impriża kkonċernata bl-ammont ta’ għajnuna de minimis mogħtija u l-karattru de minimis tagħha, u għandhom jagħmlu referenza espliċita għal dan ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom jagħmlu monitoraġġ tal-għajnuna mogħtija sabiex jiġi żgurat li l-limiti massimi rilevanti ma jinqabżux u li r-regoli tal-kumulazzjoni jiġu rispettati. Sabiex dik l-obbligazzjoni tiġi rispettata, qabel l-għoti ta’ għajnuna bħal din, l-Istat Membru kkonċernat għandu jikseb dikjarazzjoni mingħand l-impriża dwar għajnuna oħra de minimis koperta minn dan ir-Regolament jew minn regolamenti de minimis oħra li rċeviet matul is-sena fiskali kkonċernata jew is-sentejn fiskali ta’ qabel. Jew inkella għandu jkun possibbli għall-Istati Membri lijistabbilixxi reġistru ċentrali bl-informazzjoni sħiħa dwar l-għajnuna de minimis mogħtija u jivverifikaw li kull għotja ġdida ta’ għajnuna ma taqbiżx il-limitu massimu relevanti. |
(21) |
Qabel ma tingħata għajnuna de minimis ġdida kull Stat Membru għandu jivverifika li f’dak l-Istat Membru la l-limitu massimu de minimis u lanqas il-limitu nazzjonali ma jinqabżux minħabba l-għajnuna de minimis ġdida u li l-kundizzjonijiet l-oħrajn ta’ dan ir-Regolament jiġu rispettati. |
(22) |
Wara li tiġi kkunsidrata l-esperjenza tal-Kummissjoni, u b’mod partikolari l-frekwenza li biha huwa ġeneralment meħtieġ li tiġi riveduta l-politika tal-għajnuna mill-Istat, ikun xieraq li jiġi limitat il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jekk dan ir-Regolament jiskadi mingħajr ma jkun ġie estiż, l-Istati Membri għandu jkollhom perjodu ta’ aġġustament ta’ sitt xhur f’dak li għandu x’jaqsam ma’ għajnuna de minimis koperta minn dan ir-Regolament, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Kamp ta’ applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament japplika għal għajnuna mogħtija lill-impriżi attivi fil-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli, ħlief għal:
(a) |
għajnuna, li l-ammont tagħha huwa ffissat abbażi tal-prezz jew tal-kwantità tal-prodotti mqiegħda fis-suq; |
(b) |
għajnuna għal attivitajiet relatati mal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi jew Stati Membri, l-aktar għajnuna marbuta direttament mal-kwantitajiet esportati, mat-twaqqif u l-operazzjoni ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni jew ma’ nefqa oħra kurrenti marbuta mal-attività ta’ esportazzjoni; |
(c) |
l-għajnuna suġġetta għall-użu tal-prodotti nazzjonali fuq prodotti importati. |
2. Fejn impriża tkun attiva fil-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli u hija attiva wkoll f’settur wieħed jew faktar jew għandha attivitajiet oħra li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1407/2013, dak ir-Regolament japplika għall-għajnuna mogħtija fir-rigward ta’ dawk is-setturi jew attivitajiet, dejjem jekk l-Istat Membru kkonċernat jiżgura li b’mezzi xierqa bħas-separazzjoni tal-attivitajiet jew id-distinzjoni tal-ispejjeż, li l-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli ma tibbenefikax mill-għajnuna de minimis mogħtija skont dak ir-Regolament.
3. Fejn impriża hija attiva fil-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli kif ukoll fis-settur tas-sajd u l-akkwakultura, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 875/2007 għandhom japplikaw għall-għajnuna mogħtija fir-rigward tas-settur tal-aħħar, dejjem jekk l-Istati Membru kkonċernat jiżgura, b’mezzi xierqa bħas-separazzjoni tal-attivitajiet u d-distinzjoni tal-ispejjeż, li l-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli ma tibbenefikax mill-għajnuna de minimis mogħtija skont dak ir-Regolament.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
1. Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, “prodotti agrikoli” tfisser prodotti elenkati fl-Anness I tat-Trattat, bl-eċċezzjoni tal-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura koperti bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 (17).
2. “Impriża waħda”, għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, tinkludi l-intrapriżi kollha li li jkollhom bejniethom mill-inqas waħda mir-relazzjonijiet li ġejjin:
(a) |
intrapriża waħda li jkollha l-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot tal-azzjonisti jew tal-membri f’intrapriża oħra; |
(b) |
intrapriża waħda li jkollha d-dritt li taħtar jew li tneħħi l-maġġoranza tal-membri tal-korp amministrattiv, ta’ ġestjoni jew regolatorju ta’ intrapriża oħra; |
(c) |
intrapriża waħda li jkollha d-dritt li teżerċita influwenza dominanti fuq intrapriża oħra skont kuntratt li tkun daħlet fih flimkien ma’ dik l-intrapriża jew skont dispożizzjoni fil-memorandum jew l-artikoli ta’ assoċċjazzjoni tagħha; |
(d) |
intrapriża waħda, li hija azzjonist fi jew membru ta’ intrapriża oħra, tikkontrolla waħidha, skont ftehim ma’ azzjonisti oħra fi jew membri ta’ dik l-intrapriża, maġġoranza ta’ drittijiet tal-vot tal-azzjonisti jew il-membri f’dik l-intrapriża. |
L-intrapriżi li jkollhom waħda mir-relazzjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (d) tal-ewwel subparagrafu permezz ta’ intrapriża waħda jew aktar, għandhom ukoll jitqiesu bħala impriża waħda.
Artikolu 3
Għajnuna de minimis
1. Il-miżuri ta’ għajnuna jitqiesu li ma jissodisfawx il-kriterji fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat u għaldaqstant ikunu eżentati mill-ħtieġa tan-notifika fl-Artikolu 108(3) tat-Trattat, jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati f’ dan ir-Regolament.
2. L-ammont totali ta’ għajnuna de minimis mogħtija lil impriża waħda ma għandux jaqbeż EUR 15 000 fuq kwalunkwe perjodu ta’ tliet snin fiskali.
3. L-ammont kumulattiv tal-għajnuna de minimis mogħtija minn kull Stat Membru lill-impriżi attivi fil-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli fuq perjodu ta’ tliet snin fiskali ma għandhiex tkun iktar mill-limitu nazzjonali stipulat fl-Anness.
4. L-għajnuna de minimis għandha titqies li tkun ingħatat fil-mument li l-impriża tingħata d-dritt legali biex tirċievi dik l-għajnuna taħt ir-reġim nazzjonali legali applikabbli, irrispettivament mid-data tal-pagament tal-għajnuna de minimis lill-impriża.
5. Il-limitu stipulat fil-paragrafu 2 u l-limitu nazzjonali msemmi fil-paragrafu 3 għandhom japplikaw indipendentement mit-tip ta’ għajnuna de minimis jew l-għan ta’ dik l-għajnuna, indipendentement minn jekk l-għajnuna mogħtija mill-Istat Membru hijiex iffinanzjata kompletament jew parzjalment minn riżorsi li joriġinaw mill-Unjoni. Il-perjodu ta’ tliet snin fiskali jiġi ddeterminat b’referenza għas-snin fiskali użati mill-impriża fl-Istat Membru kkonċernat.
6. Għar-raġunijiet tal-limitu stipulat fil-paragrafu 2 u l-limitu nazzjonali msemmi fil-paragrafu 3, kull għajnuna għandha tkun espressa bħala għotja ta’ flus. Iċ-ċifri kollha użati għandhom ikunu grossi, jiġifieri, qabel kwalunkwe tnaqqis ta’ taxxa jew ta’ xi tariffi oħra. Fejn għajnuna tingħata f’forma oħra differenti minn għotja, l-ammont ta’ għajnuna għandu jkun l-għotja grossa ekwivalenti tal-għajnuna.
Għajnuna pagabbli f’għadd ta’ pagamenti għandha tiġi skontata għall-valur tagħha fil-mument li tingħata. Ir-rata tal-interessi li tintuża għal skopijiet ta’ skont għandha tkun ir-rata ta’ referenza applikabbli fil-mument tal-għotja.
7. Meta l-limitu massimu applikabbli stabbilit fil-paragrafu 2 jew il-limitu nazzjonali msemmi fil-paragrafu 3 jinqabeż bl-għotja ta’ għajnuna de minimis ġdida, dik l-għotja l-ġdida ma tkunx tista’ tibbenefika minn dan ir-Regolament.
8. Fil-każ ta’ amalgamazzjonijiet jew akkwisti, l-għajnuna kollha de minimis mogħtija qabel lil kull waħda mill-impriżi qabel l-amalgamazzjoni għandha titqies meta jiġi ddeterminat jekk kwalunkwe għajnuna de minimis ġdidalill-impriża l-ġdida jew lill-impriża li takkwistaha taqbiżx il-limitu massimu jew il-limitu nazzjonali. Għajnuna de minimis li tkun ingħatat legalment qabel l-amalgamazzjoni jew l-akkwist għandha tibqa’ legali.
9. Jekk impriża waħda tinqasam f’żewġ impriżi separati jew aktar, l-għajnuna de minimis mogħtija qabel il-qsim għandha tkun allokata lill-impriża li bbenefikat minnha, li bi prinċipju hija l-impriża li tieħu ħsieb l-attivitajiet li għalihom tkun ġiet użata l-għajnuna de minimis. Jekk tali allokazzjoni ma tkunx possibbli, l-għajnuna de minimis tiġi allokata proporzjonalment fuq il-bażi tal-valur fil-kontabilità tal-kapital ta’ ishma tal-impriżi l-ġodda fid-data effettiva tal-qsim.
Artikolu 4
Kalkolu tal-għotja grossa ekwivalenti
1. Dan ir-Regolament japplika biss għall-għajnuna li għaliha huwa possibbli li tiġi kkalkulata b’mod preċiż l-għotja grossa ekwivalenti tal-għajnuna ex ante mingħajr il-ħtieġa ta’ valutazzjoni tar-riskju (“għajnuna trasparenti”).
2. L-għajnuna inkluża f’għotjiet jew sussidji tar-rata tal-imgħax għandha titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti.
3. Għajnuna fil-forma ta’ self titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti jekk:
(a) |
il-benefiċjarju ma jkunx suġġett għal proċeduri kollettivi ta’ stralċ u lanqas ma jkun jissodisfa l-kriterji biex, skont il-liġi nazzjonali tiegħu, jinbdew kontrieh proċeduri kollettivi ta’ stralċ fuq talba tal-kredituri tiegħu. F’każ ta’ impriżi kbar, il-benefiċjarju jkun f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ klassifikazzjoni ta’ kreditu ta’ mill-inqas B-; u |
(b) |
is-self ikun assikurat b’garanzija li tkopri mill-inqas 50 % tas-self u s-self ikun ammont ta’ EUR 75 000 fuq t-tul ta’ żmien ta’ ħames snin jew EUR 37 500 fuq tul ta’ żmien ta’ għaxar snin; jekk l-ammont tas-self ikun inqas minn dawk l-ammonti u/jew jingħata għal tul ta’ żmien inqas minn ħames snin jew għaxar snin rispettivament, l-għotja grossa ekwivalenti ta’ dak is-self tiġi kkalkulata bħala proporzjon ekwivalenti għal-limitu massimu stabbilit fl-Artikolu 3(2); jew |
(c) |
l-għotja grossa ekwivalenti tkun ġiet ikkalkulata fuq il-bażi tar-rata ta’ referenza applikabbli fil-mument tal-għotja. |
4. Għajnuna fil-forma ta’ injezzjonijiet ta’ kapital titqies li tkun għajnuna de minimis trasparenti biss jekk l-ammont totali ta’ injezzjoni mill-pubbliku ma jaqbiżx il-limitu massimu de minimis.
5. L-għajnuna inkluża fil-miżuri ta’ finanzjament tar-riskju, li tieħu forma ta’ investimenti f’ ishma jew fi quasi-ishma titqies biss li tkun għajnuna de minimis trasparenti jekk il-kapital ipprovdut lil impriża waħda ma jaqbiżx il-limitu massimu de minimis.
6. L-għajnuna li tikkonsisti f’garanziji għandha titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti jekk:
(a) |
il-benefiċjarju ma jkunx suġġett għal proċeduri kollettivi ta’ stralċ u lanqas ma jkun jissodisfa l-kriterji biex, skont il-liġi nazzjonali tiegħu, jinbdew kontrieh proċeduri kollettivi ta’ stralċ fuq talba tal-kredituri tiegħu. F’każ ta’ impriżi kbar, il-benefiċjarju jkun f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ klassifikazzjoni ta’ kreditu ta’ mill-inqas B-; u |
(b) |
il-garanzija ma taqbiżx 80 % tas-self sottostanti u jew l-ammont garantit hu ta’ EUR 112 500 u t-tul ta’ żmien tal-garanzija hu ta’ ħames snin jew l-ammont garantit hu EUR 56 250 u t-tul ta’ żmien tal-garanzija hu ta’ għaxar snin; jekk l-ammont garantit hu inqas minn dawn l-ammonti u/jew il-garanzija hi għal tul ta’ żmien ta’ inqas minn ħames jew għaxar snin rispettivament, l-għotja grossa ekwivalenti ta’ dik il-garanziji tiġi kkalkulata bħala proporzjon ekwivalenti għal-limitu massimu stabbilit fl-Artikolu 3(2); jew |
(c) |
l-għotja grossa ekwivalenti tkun ġiet ikkalkulata fuq il-bażi ta’ primjums eżentati stipulati f’avviż tal-Kummissjoni; jew |
(d) |
qabel l-implimentazzjoni,
|
7. L-għajnuna inkluża fi strumenti oħra għandha titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti, jekk l-istrument jipprovdi għal amont massimu li jiżgura li l-limitu massimu rilevanti ma jinqabiżx.
Artikolu 5
Akkumulazzjoni
1. Fejn impriża tkun attiva fil-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli u tkun attiva wkoll f’wieħed jew f’aktar mis-setturi jew għandha attivitajiet oħra li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1407/2013 , l-għajnuna de minimis mogħtija għal attivitajiet fis-settur tal-produzzjoni agrikola skont dan ir-Regolament tista’ tiġi akkumulata mal-għajnuna de minimis mogħtija fir-rigward tas-settur jew setturi tal-aħħar (jew attivitajiet sal-limitu massimu rilevanti stabbilit fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) Nru 1407/2013, dejjem jekk l-Istat Membru jiżgura, b’mezzi xierqa bħas-separazzjoni tal-attivitajiet jew id-distinzjoni tal-ispejjeż, li l-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli ma tibbenefikax mill-għajnuna de minimis mogħtija skont ir-Regolament (UE) Nru 1407/2013.
2. Meta impriża tkun attiva fil-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli kif ukoll fis-settur tas-sajd u l-akkwakultura, l-għajnuna de minimis mogħtija għal attivitajiet fis-settur ta’ qabel skont dan ir-Regolament tista’ tiġi akkumulata ma’ għajnuna de minimis għall-attivitajiet fis-settur tal-produzzjoni agrikola skont ir-Regolament (KE) Nru 875/2007 sal-limitu stabbilit f’dak ir-Regolament, dejjem jekk l-Istat Membru kkonċernat, permezz ta’ mezzi xierqa bħas-separazzjoni tal-attivitajiet jew id-distinzjoni tal-ispejjeż, jiżgura li l-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli ma tibbenefikax mill-għajnuna de minimis mogħtija skont ir-Regolament (KE) Nru 875/2007.
3. L-għajnuna de minimis ma għandhiex tiġi akkumulata mal-għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-istess spejjeż eliġibbli jew b’għajnuna mill-Istat għall-istess miżura ta’ finanzjament ta’ riskju jekk akkumulazzjoni bħal dik taqbeż l-għola intensità ta’ għajnuna rilevanti jew ammont ta’ għajnuna ffissat fiċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull każ permezz ta’regolament għal eżenzjoni ġenerali ta’ kategorija jew deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni. L-għajnuna de minimis li ma tingħatax għal spejjeż eliġibbli speċifiċi jew li ma tkunx attribwibbli għal spejjeż ta’ dak it-tip tista’ tiġi akkumulata ma’ għajnuna oħra mill-Istat mogħtija skont eżenzjoni ġenerali ta’ kategorija jew deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni.
Artikolu 6
Monitoraġġ
1. Fejn Stat Membru jkollu l-intenzjoni li jagħti għajnuna de minimis skont dan ir-Regolament lil impriża, huwa jinforma lil dik l-impriża bil-miktub dwar l-ammont tal-għajnuna espressa bħala għotja grossa ekwivalenti u dwar in-natura de minimis tagħha, billi ssir referenza diretta għal dan ir-Regolament, u billi jiġi kkwotat it-titolu tiegħu u r-referenza tal-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Fejn l-għajnuna de minimis tingħata skont dan ir-Regolament lil impriżi differenti abbażi ta’ skema u ammonti differenti ta’ għajnuna individwali jingħataw lil dawk l-impriżi skont dik l-iskema, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jagħżel li jissodisfa dak l-obbligu billi jinforma lill-impriżi dwar is-somma fissa li tikkorrispondi mal-ammont massimu ta’ għajnuna li tkun ser tingħata skont dik l-iskema. F’tali każ, is-somma fissa għandha tintuża biex tiddetermina jekk il-limitu stipulat fl-Artikolu 3(2) intlaħaqx u jekk il-limitu nazzjonali msemmi fl-Artikolu 3(3) ikunx inqabeż. Qabel jagħti l-għajnuna, l-Istat Membru wkoll jikseb dikjarazzjoni mingħand l-impriża kkonċernata, bil-miktub jew f’forma elettronika, dwar kwalunkwe għajnuna de minimis oħra li tkun ingħatatilha skont dan ir-Regolament jew skont regolamenti de minimis oħrajn matul is-sentejn fiskali ta’ qabel u fis-sena fiskali attwali.
2. Fejn Stat Membru jkun ħejja reġistru ċentrali ta’ għajnuna de minimis li jinkludi l-informazzjoni sħiħa dwar l-għajnuna de minimis kollha mogħtija minn kwalunkwe awtorità f’dak l-Istat Membru, il-paragrafu 1 jieqaf japplika mill-mument li r-reġistru jkun ikopri perjodu ta’ tliet snin fiskali.
3. Stat Membru għandu jagħti l-għajnuna de minimis ġdida skont dan ir-Regolament biss wara li jkun ivverifika li dan ma jżidx l-ammont totali tal-għajnuna de minimis mogħtija lil impriża li tipprovdi servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali taħt dan ir-Regolament għal livelli ogħla mil-limitu massimu stipulat fl-Artikolu 3(2) u l-limitu msemmi fl-Artikolu 3(3) u li l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f’ dan ir-Regolament ġew rispettati.
4. L-Istati Membri għandhom iżommu dokumeni li fihom jirreġistraw u jiġbru l-informazzjoni kollha dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Dawk id-dokumenti għandhom jinkludu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jintwera li l-kundizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament ikunu ġew rispettati. Id-dokumenti bl-informazzjoni dwar l-għajnuna de minimis individwali għandha tinżamm għal perjodu ta’ 10 snin fiskali mid-data li fiha tkun ingħatat l-għajnuna. Id-dokumenti bl-informazzjonili jkollhom x’jaqsmu ma’ skema ta’ għajnuna de minimis jinżammu għal perjodu ta’ 10 snin fiskali mid-data li fiha tkun ingħatat l-aħħar għajnuna individwali taħt tali skema.
5. B’talba bil-miktub, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi lill-Kummissjoni, f’perjodu ta’ 20 jum ta’ xogħol, jew tali perjodu itwal hekk kif jista’ jiġi ffissat fit-talba, l-informazzjoni kollha li l-Kummissjoni tqis meħtieġa biex tanalizza jekk il-kundizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament ikunux ġew rispettati, u b’mod partikolari l-ammont totali tal-għajnuna de minimis skont it-tifsira ta’ dan ir-Regolament u ta’ Regolamenti de minimis oħra li tkun irċeviet xi impriża.
Artikolu 7
Disposizzjonijiet tranżitorji
1. Dan ir-Regolament japplika għal għajnuna li tkun ingħatat qabel id-dħul fis-seħħ ta dan ir-Regolament, jekk l-għajnuna tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stipulati f’dan ir-Regolament. Kwalunkwe għanjnuna li ma tissodisfax dawk il-kundizzjonijiet tiġi evalwata mill-Kummissjoni skont l-oqfsa, il-linji gwida, il-komunikazzjonijiet u l-avviżi relevanti.
2. Kwalunkwe għajnuna de minimis individwali li ngħatat bejn it-1 ta’ Jannar 2005 u t-30 ta’ Ġunju 2008, u li tissodisfa l-kundizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1860/2004 titqies li ma tissodisfax il-kriterji kollha fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat u għalhekk tkun eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika kif stabbilit fl-Artikolu 108(3) tat-Trattat.
3. Kull għajnuna individwali de minimis mogħtija bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u t-30 ta’ Ġunju 2014 u li tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1535/2007, għandha titqies li ma tissodisfax il-kriterji kollha fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat u għandha għalhekk tiġi eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika kif stipulat fl-Artikolu 108(3) tat-Trattat.
4. Fi tmiem il-perjodu ta’ validità ta’ dan ir-Regolament, kwalunkwe skema ta’ għajnuna de minimis li tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament tibqa’ koperta minn dan ir-Regolament għal perjodu ulterjuri ta’ sitt xhur.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ u perjodu ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2014.
Huwa japplika sal-31 ta’ Diċembru 2020.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Diċembru 2013.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 142, 14.5.1998, p. 1.
(3) Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-regola de minimis għall-għajnuna mill-Istat (ĠU C 68, 6.3.1996, p. 9).
(4) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 69/2001 tat-12 ta’ Jannar 2001 dwar it-tħaddim tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE dwar għajnuna de minimis (ĠU L 10, 13.1.2001, p. 30).
(5) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 tal-15 ta’ Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE dwar l-għajnuna de minimis (ĠU L 379, 28.12.2006, p. 5).
(6) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1535/2007 tal-20 ta’ Diċembru 2007 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat għall-għajnuna de minimis s-settur tal-produzzjoni tal-prodotti agrikoli (ĠU L 337, 21.12.2007, p. 35).
(7) Il-Każ C-222/04 Ministero dell’Economia e delle Finanze v Cassa di Risparmio di Firenze SpA et al. [2006] ECR I-289.
(8) Il-Każ C-382/99 Il-Pajjiżi l-Baxxi versus il-Kummissjoni [2002] ECR I-5163.
(9) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).
(10) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta’ Awwissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat (ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3).
(11) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 tat-18 ta’ Diċembru 2013, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis (Ara paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(12) Il-Każ C-456/00 France v Commission [2002] I-11949.
(13) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 875/2007 tal-24 ta’ Lulju 2007 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE rigward għajnuna de minimis fis-settur tas-sajd u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1860/2004 (ĠU L 193, 25.7.2007, p. 6).
(14) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta’ referenza u ta’ skont (ĠU C 14, 19.1.2008, p. 6).
(15) Linji gwida tal-Komunità dwar għajnuna tal-Istat għall-promozzjoni ta’ investimenti ta’ kapital ta’ riskju f’intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (ĠU C 194, 18.8.2006, p. 2).
(16) Pereżempju, l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE dwar l-għajnuna mill-Istat f’ forma ta’ garanziji (ĠU C 155, 20.6.2008, p. 10).
(17) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 tas-17 ta’ Diċembru 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura (ĠU L 17, 21.1.2000, p. 22).
ANNESS
L-ammonti massimi totali kumulattivi tal-għajnuniet de minimis mogħtija lill-impriżi fis-settur tal-produzzjoni agrikola lil kull Stat Membru, skont l-Artikolu 3(3)
(EUR) |
|
Stat Membru |
Ammonti massimi ta’ għajnuna de minimis |
Il-Belġju |
76 070 000 |
Il-Bulgarija |
43 490 000 |
Ir-Repubblika Ċeka |
48 340 000 |
Id-Danimarka |
105 750 000 |
Il-Ġermanja |
522 890 000 |
L-Estonja |
8 110 000 |
L-Irlanda |
66 280 000 |
Il-Ġreċja |
109 260 000 |
Spanja |
413 750 000 |
Franza |
722 240 000 |
Il-Kroazja |
28 610 000 |
L-Italja |
475 080 000 |
Ċipru |
7 060 000 |
Il-Latvja |
10 780 000 |
Il-Litwanja |
25 860 000 |
Il-Lussemburgu |
3 520 000 |
L-Ungerija |
77 600 000 |
Malta |
1 290 000 |
Il-Pajjiżi l-Baxxi |
254 330 000 |
L-Awstrija |
71 540 000 |
Il-Polonja |
225 700 000 |
Il-Portugall |
62 980 000 |
Ir-Rumanija |
180 480 000 |
Is-Slovenja |
12 320 000 |
Is-Slovakkja |
22 950 000 |
Il-Finlandja |
46 330 000 |
L-Isvezja |
57 890 000 |
Ir-Renju Unit |
270 170 000 |