Rakkomandazzjonijiet relatati mal-ICT sabiex jgħinu lill-UE ssir ekonomija aktar effiċjenti fl-enerġija, u b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju

Il-Kummissjoni Ewropea stabbilixxiet firxa ta’ rakkomandazzjonijiet għall-industrija tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT) u għall-Istati Membri tal-UE sabiex jindirizzaw lill-UE lejn li ssir ekonomija aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija, u b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju.

ATT

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Ottubru 2009 dwar il-mobilizzazzjoni tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni għal ekonomija b'użu effiċjenti tal-enerġija u b’livell baxx ta' karbonju (2013/105/KE).

SOMMARJU

Il-Kummissjoni Ewropea pproduċiet żewġ settijiet ta’ rakkomandazzjonijiet, wieħed għas-settur tal-ICT u l-ieħor għall-Istati Membri, sabiex jindirizzaw lill-UE lejn ekonomija aktar effiċjenti fl-enerġija, u b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju.

Rakkomandazzjonijiet għas-settur tal-ICT

Għan ġenerali għas-settur tal-ICT huwa li juri tnaqqis li jitkejjel u li jista’ jiġi vverfikat fl-intensità tal-enerġija u fl-emissjonijiet ta’ karbonju fil-proċessi kollha involuti fil-produzzjoni, trasport u bejgħ ta’ apparat u l-partijiet tal-ICT.

Eżempju ta’ rakkomandazzjoni huwa li s-settur tal-ICT jidentifika soluzzjonijiet ta’ ICT sabiex titjieb il-prestazzjoni ambjentali ta’ bini ġdid u eżistenti kif ukoll sabiex jitjiebu prattiċi ta’ kostruzzjoni u rinnovazzjoni.

Eżempju ieħor huwa li s-settur tal-ICT jidentifika soluzzjonijiet tal-ICT flimkien mas-settur tat-trasport u tal-loġistika sabiex titjieb il-prestazzjoni ambjentali u tal-enerġija ta' dawn is-servizzi.

Il-Kummissjoni stiednet ukoll lis-settur tal-ICT sabiex jiftiehem fuq metodoloġiji komuni għall-kejl tal-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet tal-karbonju sal-2020.

Rakkomandazzjonijiet għall-Istati Membri tal-UE

Fost affarijiet oħrajn, il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri sabiex jużaw soluzzjonijiet ibbażati fuq l-ICT sabiex itejbu l-effiċjenza tal-enerġija

Miters intelliġenti

Grilji intelliġenti u sistemi ta’ miters intelliġenti jistgħu itejbu l-effiċjenza u l-kontroll tal-produzzjoni, u d-distribuzzjoni u l-konsum tal-enerġija. L-Istati Membri tal-UE kellhom sal-aħħar tal-2010 sabiex jaqblu fuq speċifikazzjoni komuni għal miters intelliġenti sabiex jipprovdu lill-konsumaturi b’informazzjoni aħjar u jgħinuhom jamministraw il-konsum tagħhom tal-enerġija. Eżempju, b’miters intelliġenti fid-djar tagħhom, il-konsumaturi jistgħu jnaqqsu l-konsum tagħhom tal-enerġija b’sa 10%. Fl-2012, il-Kummissjoni pproduċietinventarju ta’ proġetti ta’ grilji u miters intelliġenti fl-Ewropa. Dan jinkludi 281 proġett ta’ grilji intelliġenti u madwar 90 pilota ta’ miters intelliġenti u tnedijiet minn 30 pajjiż Ewropew.

L-użu tal-ICT għas-simulazzjoni u mmudellar tal-enerġija

Amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri tal-UE fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali huma mħeġġin jagħmlu użu aħjar mill-għodod tal-ICT għall-istimular tal-enerġija u l-immudellar, inkluż fit-taħriġ ta' professjonisti fis-setturi tal-bini, trasport u loġistika.

Suġġeriment ieħor għall-Istati Membri tal-UE huwa li jitħeġġeġ l-użu ta' teknoloġija aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija billi din issir parti minn programmi ta' akkwisti pubbliċi.

Kuntest

F'Diċembru 2008, l-Unjoni kkonfermat l-impenn tagħha li tikseb tnaqqis ta' 20% fl-emissjonijiet tal-karbonju tagħha sal-2020. Il-kriżi ekonomika u finanzjarja saħħet ir-rieda tagħha li ssegwi dawn l-objettivi u li tibni ekonomija aktar sostenibbli fuq perjodu ta' żmien twil.

ICTs għandhom rwol maġġuri sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi minħabba li huma preżenti f'tista' tgħid il-partijiet kollha tal-ekonomija u jistgħu jikkontribwixxu għaż-żieda fil-produttivita' b'aktar minn 40%.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

L-iskadenza għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Ġurnal Uffiċjali

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/105/KE

-

-

ĠU L 51 tat-23.2.2013

DOKUMENTI LI SSIR REFERENZA GĦALIHOM

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-mobilizzazzjoni tat-Teknoloġiji tal-Informatika u l-Komunikazzjoni biex tiġi ffaċilitata t-transizzjoni għal ekonomija b'użu effiċjenti tal-enerġija u b'livell baxx ta' karbonju (COM(2009) 111 finali - Mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

l-aħħar aġġornament 05.02.2014