Linji gwida tal-UE dwar id-djalogi rigward id-drittijiet tal-bniedem ma’ pajjiżi terzi
SOMMARJU TAD-DOKUMENT:
Djalogi rigward id-drittijiet tal-bniedem ma’ pajjiżi terzi — linji gwida
SOMMARJU
X’JAGĦMLU DAWN IL-LINJI GWIDA?
Huma jistabbilixxu l-approċċ tal-UE għat-tnedija u t-twettiq ta’ djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem ma’ pajjiżi terzi. Tali djalogi għandhom l-għan li jintegraw il-kwistjonijiet li jikkonċernaw id-drittijiet tal-bniedem fl-oqsma kollha tal-politika esterna tal-UE.
PUNTI EWLENIN
-
L-UE tagħmel djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem ma’ aktar minn 40 pajjiż terz. Xi djalogi jkunu ta’ natura ġenerali bbażati fuq trattati, ftehimiet u konvenzjonijiet, filwaqt li oħrajn ikunu strutturati biex jiffokaw esklussivament fuq id-drittijiet tal-bniedem. Isiru wkoll djalogi ad hoc li jestendu għal suġġetti relatati mal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni u djalogi fil-kuntest tar-relazzjoni speċjali kondiviża fuq opinjonijiet konverġenti b’mod wiesa’.
-
L-għanijiet ta’ dawn id-djalogi huma definiti fuq bażi ta’ każ b’każ. L-għanijiet jistgħu jinkludu d-diskussjoni u l-kooperazzjoni fuq kwistjonijiet li jikkonċernaw id-drittijiet tal-bniedem f’organizzazzjonijiet multinazzjonali, bħan-Nazzjonijiet Uniti, jew il-ġbir ta’ informazzjoni dwar u r-reġistrazzjoni ta’ tħassib għall-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem.
-
Il-kwistjonijiet ta’ prijorità li għandhom jiġu diskussi fid-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem huma: l-implimentazzjoni tal-istrumenti internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem; il-ġlieda kontra l-piena tal-mewt, it-tortura u trattament krudili ieħor u kull forma ta’ diskriminazzjoni; id-drittijiet tat-tfal (b’mod partikolari f’kunflitti armati); id-drittijiet tan-nisa; il-libertà tal-espressjoni; ir-rwol tas-soċjetà ċivili u l-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; il-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tal-ġustizzja internazzjonali (speċjalment mal-Qorti Kriminali Internazzjonali); il-promozzjoni tad-demokratizzazzjoni u tal-governanza tajba; u l-prevenzjoni tal-kunflitti u l-istat tad-dritt.
-
Id-deċiżjoni li jingħata bidu għal djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem ma’ pajjiż terz tittieħed mill-Kunsill, fejn il-Grupp ta’ Ħidma dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (COHOM) għandu rwol ċentrali. L-ewwelnett, id-deċiżjoni tirrikjedi valutazzjoni bbażata fuq ir-rapporti tas-sitwazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż ikkonċernat. Il-valutazzjoni tieħu f’kunsiderazzjoni bosta fatturi (eż. l-attitudni tal-gvern tal-pajjiż ikkonċernat lejn id-drittijiet tal-bniedem u s-soċjetà ċivili).
-
Fejn u kemm ta’ spiss isir djalogu u l-livell ta’ rappreżentanza jiġu ddeterminati fuq bażi ta’ każ b’każ. Normalment, id-djalogi jsiru fil-pajjiż ikkonċernat (jew fi Brussell jekk l-iskop primarju jkun li jiġu diskussi kwistjonijiet ta’ interess reċiproku jew li tissaħħaħ il-kooperazzjoni) u jdumu għaddejjin għal mill-inqas ġurnata sħiħa.
-
Matul id-djalogu, l-UE tista’ tirreferi każijiet individwali lill-pajjiż terz flimkien ma’ talbiet għal rispons u għar-rilaxx tal-persuni miżmuma. Fi tmiem id-djalogu, l-UE tista’ tippubblika stqarrija għall-istampa, indipendentement jew flimkien mal-pajjiż terz ikkonċernat.
-
Id-djalogi kollha dwar id-drittijiet tal-bniedem ma’ pajjiżi terzi għandhom jiġu vvalutati kull sena, billi jiġi kkunsidrat kemm qegħdin jintlaħqu l-għanijiet. Għandu jiġi eżaminat ukoll il-progress li sar fl-oqsma ta’ prijorità tad-djalogu u kemm l-attivitajiet tal-UE kkontribwixxew għal dak il-progress. Skont il-valutazzjoni, li ssir mill-Presidenza tal-UE bl-għajnuna tas-COHOM, id-djalogu jitkompla jew inkella jiġi fi tmiemu.
SFOND
Id-djalogi rigward id-drittijiet tal-bniedem tal-UE
ATT
Linji gwida tal-UE dwar id-djalogi rigward id-drittijiet tal-bniedem ma’ pajjiżi terzi — Aġġornament
l-aħħar aġġornament 20.10.2015