Id-drittijiet tat-tfal u l-kunflitti armati

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Linji gwida tal-UE dwar it-tfal u l-kunflitti armati

SOMMARJU

X’JAGĦMLU DAWN IL-LINJI GWIDA?

Dawn jorbtu lill-UE biex tindirizza l-impatti għall-perijodu qasir, medju u twil tal-kunflitti armati fuq it-tfal.

Għandhom l-għan li jikkonvinċu lill-gvernijiet u lill-organizzazzjonijiet madwar id-dinja sabiex japplikaw il-liġi umanitarja u d-drittijiet tal-bniedem li jħarsu t-tfal mill-effetti tal-kunflitti armati.

Għandhom ukoll l-għan li jwaqqfu r-reklutaġġ tat-tfal fil-forzi armati u l-impunità għar-reati kontra t-tfal.

PUNTI EWLENIN

SFOND

Skont il-UNICEF, wieħed minn kull għaxart itfal fid-dinja joqgħod f’żoni milquta mill-kunflitti armati, li jheddu s-sopravvivenza, l-iżvilupp u l-opportunitajiet tul il-ħajja tagħhom. Kien hawn leġiżlazzjoni internazzjonali biex tiġi indirizzata din il-problema, inkluża l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal (CRC), li fiha l-Protokoll Fakultattiv għandu l-għan li jiġġieled sitwazzjonijiet fejn it-tfal huma milquta mill-konflitti armati.

L-UE u l-pajjiżi tagħha għandhom l-għan li jikkunsidraw u jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom ma’ korpi oħrajn, bħar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għat-Tfal u l-Kunflitti Armati, u l-Grupp ta’ Ħdima tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar it-Tfal u l-Kunflitti Armati, sabiex jimmassimizzaw l-impatt tagħhom. Standards oħra rilevanti dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja li jiggwidaw lill-UE sabiex tipproteġi t-tfal milquta mill-kunflitti armati jinsabu elenkati fl-anness għal dawn il-linji gwida.

ATT

Aġġornament tal-Linji gwida ta’ l-UE dwar it-tfal u l-kunflitti armati. Kunsill Affarijiet Ġenerali tas-16 ta’ Ġunju 2008

l-aħħar aġġornament 25.09.2015