Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat tar-Reġjuni

Il-Kumitat tar-Reġjuni (KtR) huwa entità konsultattiva tal-Unjoni Ewropea (UE). L-Artikolu 306 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jikkonferixxi lill-KtR id-dritt li jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu stess.

ATT

Il-Kumitat tar-Reġjuni - Regoli ta’ Proċedura.

SOMMARJU

Il-Kumitat tar-Reġjuni (KtR) huwa entità konsultattiva tal-Unjoni Ewropea (UE). L-Artikolu 306 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jikkonferixxi lill-KtR id-dritt li jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu stess.

X’JAGĦMLU R-REGOLI TA’ PROĊEDURA?

Huma jirregolaw l-operat u l-organizzazzjoni tal-KtR.

PUNTI EWLENIN

Kompożizzjoni

Il-KtR jinkludi fi ħdanu 350 membru u numru ugwali ta’ membri sostituti li jinħatru għal 5 snin. Il-membri - li huma rappreżentanti tal-entitajiet lokali u reġjonali - jiġu nnominati minn pajjiżhom. Il-Kunsill jadotta l-lista tal-membri u tal-membri sostituti permezz ta’ maġġoranza kkwalifikata.

Skont id-Deċiżjoni 2014/930/UE, is-siġġijiet huma distribwiti kif ġej:

24: Il-Ġermanja, Franza, l-Italja u r-Renju Unit;

21: Spanja u l-Polonja;

15: Ir-Rumanija;

12: Il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Greċja, l-Ungerija, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Portugall u l-Iżvezja;

9: Id-Danimarka, l-Irlanda, il-Kroazja, il-Litwanja, is-Slovakkja u l-Finlandja;

7: Il-Latvja u s-Slovenja;

6: L-Estonja;

5: Ċipru, il-Lussemburgu u Malta.

Konsultazzjoni

Il-KtR għandu jiġi kkonsultat, bħala parti mill-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, fl-oqsma li ġejjin:

il-koeżjoni soċjali u ekonomika,

is-saħħa, l-edukazzjoni u l-kultura,

politika dwar il-qgħad,

politika soċjali,

l-ambjent

taħriġ

trasport.

Il-membri tal-KtR għandhom ikunu kompletament indipendenti meta jiġu biex iwettqu d-doveri tagħhom, li huma fl-interess ġenerali tal-UE.

Il-membri u l-membri sostituti minn kull pajjiż jifformaw delegazzjonijiet nazzjonali.

Huma jifformaw ukoll gruppi li jirriflettu l-fehmiet politiċi tagħhom. Il-gruppi għandhom jikkomprendu mill-inqas 18-il membru li jkunu jirrappreżentaw mill-inqas wieħed minn kull ħamsa tal-pajjiżi tal-UE. Mill-inqas nofs grupp għandu jikkomprendi membri sħaħ.

L-assemblea plenarja

Il-KtR jiltaqa’ bħala assemblea plenarja sabiex:

jadotta opinjonijiet, rapporti u riżoluzzjonijiet;

jadotta l-abbozz ta’ estimi tal-infiq u d-dħul;

jadotta l-programm politiku tiegħu fil-bidu ta’ kull terminu ta’ ħames snin;

jeleġġi l-president, l-ewwel viċi president u membri oħrajn tal-bureau;

jistabbilixxi kummissjonijiet;

jadotta u jirrevedi r-Regoli ta’ Proċedura;

jiddeċiedi li jressaq azzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

L-assemblea plenarja tiltaqa’ mill-inqas darba kull tliet xhur. Fuq talba ta’ mill-inqas kwart tal-membri, il-president għandu jlaqqa’ sessjoni plenarja straordinarja.

Is-sessjonijiet huma miftuħa għall-pubbliku sakemm l-assemblea plenarja ma tiddeċidix mod ieħor.

Jista’ jkun hemm kworum (jiġifieri n-numru minimu ta’ membri li għandhom ikunu preżenti sabiex ikunu jistgħu jittieħdu d-deċiżjonijiet) waqt sessjoni plenarja jekk ikunu preżenti l-maġġoranza tal-membri.

L-assemblea plenarja tiddeċiedi permezz ta’ maġġoranza tal-voti mitfugħa, sakemm ir-Regoli ta’ Proċedura ma jipprovdux mod ieħor.

Il-bureau

Il-bureau jirrifletti l-kompożizzjoni ġenerali tal-KtR. Huwa jikkonsisti mill-President, l-ewwel Viċi President u Viċi President wieħed għal kull pajjiż tal-UE, 28 membru ieħor u ċ-chairpersons tal-gruppi politiċi. L-Assemblea Plenarja teleġġi l-Bureau għal terminu ta’ sentejn u nofs. Minbarra l-President, l-ewwel Viċi President u ċ-chairpersons tal-5 gruppi politiċi, is-siġġijiet huma allokati kif ġej:

3 siġġijiet: Il-Ġermanja, ir-Renju Unit, Franza, l-Italja, Spanja u l-Polonja;

2 siġġijiet: in-Netherlands, il-Greċja, ir-Repubblika Ċeka, il-Belġju, l-Ungerija, il-Portugall, l-Iżvezja, l-Awstrija, is-Slovakkja, id-Danimarka, il-Finlandja, l-Irlanda, il-Kroazja, il-Litwanja, il-Bulgarija u r-Rumanija;

Siġġu 1: Il-Latvia, is-Slovenja, l-Estonja, Ċipru, il-Lussemburgu u Malta.

Il-kompiti tiegħu jinkludu:

it-tfassil tal-abbozz ta’ programm politiku fil-bidu ta’ kull terminu u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tiegħu;

il-koordinazzjoni tal-ħidma tal-assemblea plenarja u tal-kummissjonijiet;

il-materji finanzjarji, organizzattivi u amministrattivi;

il-ħatra tas-Segretarju Ġenerali u ta’ ċerti kategoriji ta’ uffiċjali u impjegati oħrajn.

Il-bureau jista’ jressaq azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE f’isem il-KtR. Dan iseħħ, pereżempju, jekk liġi tal-UE ma tirrispettax il-prinċipju tas-sussidjarjetà u tikser il-kompetenzi lokali u reġjonali jew jekk id-drittijiet istituzzjonali tal-KtR ma jkunux ġew irrispettati (jiġifieri konsultazzjoni dwar leġiżlazzjoni ta’ rilevanza). L-assemblea plenarja għandha tiddeċiedi fis-sessjoni li jkun imiss jekk iżżommx l-azzjoni inkwistjoni.

Il-president

Il-president jirrappreżenta lill-Kumitat u jidderieġi l-ħidma tiegħu. Hemm viċi president ewlieni u viċi president wieħed għal kull pajjiżi tal-UE.

Kummissjonijiet

Fil-bidu ta’ kull mandat jipu stabbiliti l-kummissjonijiet. Dawn ifasslu l-abbozz ta’ verżjonijiet ta’ opinjonijiet, rapporti u riżoluzzjonijiet li għandhom jiġu adottati mill-Assemblea Plenarja. Hemm sitt kummissjonijiet:

CIVEX: Il-Kummissjoni għaċ-Ċittadinanza, il-Governanza, l-Affarijiet Istituzzjonali u Esterni;

COTER: Il-Kummissjoni għall-Politika tal-Koeżjoni Territorjali u l-Baġit tal-UE;

ECON: Il-Kummissjoni għall-Politika Ekonomika;

ENVE: Il-Kummissjoni għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Enerġija;

NAT: Il-Kummissjoni għar-Riżorsi Naturali;

SEDEC: Il-Kummissjoni għall-Politika Soċjali, l-Edukazzjoni, l-Impjiegi, ir-Riċerka u l-Kultura.

Il-kompożizzjoni tal-kummissjonijiet tirrifletti dik tal-KtR b’mod globali. Kull membru jappartjeni għal mill-inqas kummissjoni waħda, iżda għal mhux aktar minn tnejn. Jistgħu jsiru eċċezzjonijiet għall-membri minn pajjiżi b’inqas membri min-numru ta’ kummissjonijiet. Il-laqgħat tal-kummissjonijiet normalment ikunu miftuħa għall-pubbliku.

Id-dokumenti mfassla mill-Kumitat tar-Reġjuni

Il-KtR ifassal opinjonijiet, rapporti u riżoluzzjonijiet. Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

Huwa jadotta opinjonijiet:

dwar proposti leġiżlattivi u dokumenti politiċi mfassla mill-Kummissjoni, mill-Kunsill u mill-Parlament fil-każijiet previsti għat-trattati tal-UE jew meta waħda minn dawn l-istituzzjonijiet tikkunsidra li għandha tagħmel dan;

fuq inizjattiva tagħha stess;

meta, f’każ li jiġi kkonsultat il-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew, huwa jkun tal-fehma li huma involuti interessi reġjonali speċifiċi.

Is-Segretarjat Ġenerali

Il-KtR għandu Segretarjat Ġenerali ppresedut minn Segretarju Ġenerali. Huwa/hija jiżgura/tiżgura li d-deċiżjonijiet meħuda mill-bureau jew mill-president jitwettqu. Huwa/hija jinħatar/tinħatar mill-bureau permezz ta’ maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu għal perjodu ta’ ħames snin.

SFOND

Fl-2012 ġie adottat protokoll dwar il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-KtR. Dan ifittex li jiżgura li ż-żewġ partijiet jaħdmu flimkien mill-qrib f’oqsma ta’ interess konġunt. Dawn jinkludu aspetti relatati mal-istrateġija Ewropa 2020, il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u, b’mod partikolari, l-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni interreġjonali u transnazzjonali.

Għal aktar tagħrif, ara s-sit elettroniku tal-Kumitat tar-Reġjuni.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

Il-Kumitat tar-Reġjuni - Regoli ta’ Proċedura.

10.1.2010

-

ĠU L 6 tad-9.1.2010, pp. 14-31

ATTI RELATATI

Protokoll dwar il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Kumitat tar-Reġjuni (ĠU C 102, 5.4.2012, pp. 6-10).

Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/930/UE tas-16 ta' Diċembru 2014 li tiddetermina l-kompożizzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (ĠU L 365, 19.12.2014, pp. 143-144).

L-aħħar aġġornament: 22.07.2015