Programm qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) (2007-2013)

Kif tagħmel l-istrateġija ta’ Lisbona, il-programm qafas jappoġġja azzjonijiet favur il-kompetittività u l-kapaċità ta’ innovazzjoni fl-Unjoni Ewropea (UE) fuq il-perjodu 2007-2013. Huwa jħeġġeġ b’mod partikolari l-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni, tat-teknoloġiji ekoloġiċi u tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

ATT

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1639/2006/KE tal-24 ta’ Ottubru 2006 li tistabbilixxi Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007-2013) [Ara l-att(i) emendatorju(i)].

SINTEŻI

Il-programm-qafas għall-kompetittività u l-innovazzjoni (CIP) jipproponi qafas konsistenti għat-titjib tal-kompetittività * u l-potenzjal ta’ innovazzjoni * fi ħdan l-Unjoni Ewropea (UE). L-azzjonijiet appoġġjati mill-programm-qafas jappoġġjaw l-iżvilupp tas-soċjetà tal-għarfien kif ukoll l-iżvilupp sostenibbli bbażat fuq tkabbir ekonomiku bilanċjat.

Il-programm qafas jinkludi programmi ta’ appoġġ Komunitarji speċifiċi, azzjonijiet ġodda kif ukoll sinerġiji ma’ programmi oħrajn. B’hekk jilħaq l-għanijiet tal-bidu ġdid tal-istrateġija ta’ Lisbona favur azzjoni Komunitarja aktar sempliċi, aktar viżibbli u aktar immirata.

Programmi speċifiċi

Sabiex jirrifletti d-diversità tal-għanijiet tiegħu u jiżgura l-viżibbiltà tagħhom, is-CIP huwa magħmul minn tliet sub-programmi speċifiċi. L-interessi tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u l-innovazzjoni ekoloġika huma prijoritajiet trasversali u huma riflessi fil-programm qafas kollu.

Implimentazzjoni

L-implimentazzjoni tas-CIP hija bbażata fuq diversi strumenti (strumenti finanzjarji, proġetti, netwerks, azzjonijiet ta’ analiżi, eċċ.) li jistgħu jkunu applikati għal kull programm speċifiku. Dan “is-sett ta’ għodda” komuni għad-diversi programmi jissimplifika t-tħaddim tal-programm qafas għall-utenti. Is-CIP jibbaża mhux biss fuq azzjonijiet ittestjati u ppruvati, iżda jintroduċi wkoll strumenti ġodda.

Diversi strumenti finanzjarji Komunitarji jipparteċipaw fl-appoġġ lill-impriżi. Il-mekkaniżmu favur l-SMEs innovattivi b’rata għolja ta’ tkabbir (GIF) jippromwovi l-provvista ta’ kapital għall-bidu u t-tluq għall-SMEs fl-istadju inizjali u, element ġdid introdott mis-CIP, il-provvista ta’ kapital “ta’ segwitu” waqt il-fażi ta’ espansjoni. Il-mekkaniżmu ta’ garanzija tal-SMEs, min-naħa tiegħu, jiffaċilita l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament permezz tad-dejn (self jew kiri), għall-mikrokreditu u għall-fondi proprji jew kważi fondi proprji. Dan il-mekkaniżmu jinkludi ukoll strument ġdid ta’ titolizzazzjoni tal-portafolli ta’ self bankarju, li jimmobilizza sorsi addizzjonali ta’ finanzjament permezz ta’ self lill-SMEs.

Is-CIP isaħħaħ u jiżviluppa s-servizzi ta’ appoġġ favur l-impriżi u l-innovazzjoni. Dawn tal-aħħar iqassmu lill-impriżi tagħrif dwar il-politiki, il-liġi u l-programmi Komunitarji, li jirrigwardaw b’mod speċjali s-suq intern u l-programmi qafas għar-riċerka. Dawn is-servizzi joffru wkoll lill-impriżi tagħrif dwar it-trasferiment tal-innovazzjoni, tat-teknoloġiji u tal-għarfien. Barra minn hekk jiġbru informazzjoni dwar reazzjonijiet mill-impriżi għall-finijiet tal-valutazzjonijiet tal-impatt u l-iżvilupp tal-politiki.

Mezz ġdid jappoġġja wkoll il-kooperazzjoni bejn il-programmi nazzjonali u reġjonali ta’ promozzjoni tal-innovazzjoni fl-impriżi, biex b’hekk joffri lill-impriżi aktar mezzi kif jibbenefikaw mill-ideat, l-esperjenza u l-opportunitajiet ta’ suq f’reġjuni oħrajn Ewropej.

Il-programm qafas jappoġġja ukoll proġetti pilota tal-ewwel applikazzjoni kummerċjali. L-għan tagħhom huwa li jippromwovu t-tqegħid fis-suq u l-isfruttar ekonomiku effettiv tat-tekniki jew il-prodotti innovattivi jew eko-innovattivi li l-prova teknika tagħhom diġà twettqet b’suċċess, iżda li jkunu għadhom ma ġewx ikkumerċjalizzati b’mod sinifikanti. Dawn il-proġetti huma implimentati permezz ta’ sħubija pubblika-privata.

L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Enerġija Intelliġenti hija responsabbli mill-implimentazzjoni tal-azzjonijiet tal-programm “Enerġija intelliġenti – Ewropa” u tal-azzjonijiet tal-programm “Impriża u Innovazzjoni”.

Biex jiġi pperfezzjonat il-fluss tal-għarfien u tal-ideat, l-iżvilupp strateġiku tal-politiki Komunitarji għandu jkompli fuq il-bażi tal-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni u jiżdied b’attivitajiet ġodda ta’ ġemellaġġ li jgħinu lill-Istati Membri u lir-reġjuni jibbenefikaw minn eżempji ta’ prattika tajba.

Konsistenza ma’ politiki Komunitarji oħrajn

Is-CIP huwa kkombinat ma’ inizjattivi Komunitarji kbar oħrajn. L-azzjonijiet differenti tagħhom huma implimentati b’mod parallel u jikkomplementaw lil xulxin. Il-programm qafas b’hekk jipparteċipa fit-twettiq tal-għanijiet Komunitarji rigward ir-riċerka, il-koeżjoni, l-ambjent, l-edukazzjoni u t-taħriġ.

Is-CIP jiffaċilita għalhekk l-aċċess għall-finanzjament għall-impriżi li l-attivitajiet tagħhom jiffukaw fuq l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp. Huwa jgħin ukoll lill-impriżi jipparteċipaw fis-7 Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku (FP7 - RTD).

Baġit

Il-programm qafas huwa mifrux fuq perjodu ta’ seba’ snin inkluż bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u l-31 ta’ Diċembru 2013. Huwa għandu baġit ta’ 3.621 biljun euro għat-tul sħiħ tal-programm.

Permezz ta' tqassim indikattiv, 60 % tal-baġit globali (2.170 biljun euro) huwa allokat għall-programm għall-innovazzjoni u l-intraprenditorija. Wieħed minn ħamsa ta’ dak l-ammont (430 miljun euro) huwa ddedikat għall-promozzjoni tal-innovazzjoni ekoloġika. 20 % (730 miljun euro) tal-baġit globali huwa assenjat lill-programm ta’ appoġġ strateġiku għall-ICT u l-aħħar 20 % (730 miljun euro) lill-programm “Enerġija intelliġenti – Ewropa”.

L-ispejjeż eliġibbli taħt diversi strumenti madankollu ma jistgħux ikunu soġġetti għal finanzjament doppju.

Monitoraġġ u evalwazzjoni

Il-Kummissjoni sejra timmonitorja regolarment l-implimentazzjoni tal-Programm Qafas u programmi speċifiċi li huma relevanti. Ta’ kull sena, hija tfassal rapport li fih hija tispjega l-attivitajiet sostnuti permezz ta’ indikaturi li jikkonċernaw l-andament finanzjarju, ir-riżultati miksubin u, meta jkun possibbli, l-impatt tal-azzjonijiet.

Il-programm qafas u l-programmi speċifiċi relevanti għalih huma soġġetti għal evalwazzjoni intermedjarja, u għal evalwazzjoni finali. Dawn l-evalwazzjonijiet jippermettu li jsir eżami ta’ aspetti bħalma huma r-relevanza, il-koerenza u s-sinerġiji, l-effikaċja, l-użu razzjonali tar-riżorsi, id-durabilità, eċċ. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni finali tivverifika, kemm il-programm qafas fit-totalità tiegħu u kull wieħed mill-programmi speċifiċi tiegħu laħqu l-objettivi tagħhom.

Kuntest

Il-proċess ta’ Lisbona, li l-għan tiegħu huwa li jagħmel lill-Ewropa l-ekonomija tal-għarfien l-aktar kompetittiva u l-aktar dinamika fid-dinja, naturalment għamel il-kompetittività waħda mill-preokkupazzjonijiet politiċi ewlenin tal-UE. Sabiex issaħħaħ il-konsistenza bejn id-diversi programmi li qegħdin jipparteċipaw fl-isforz Komunitarju għal kompetittività akbar, u biex tilħaq l-għanijiet tal-istrateġija mġedda ta’ Lisbona, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet programm qafas għall-innovazzjoni u l-kompetittività.

Termini ewlenin tal-Att

Referenza

Att(i)

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Ġurnal Uffiċjali

Deċiżjoni 1639/2006/KE

29.11.2006

ĠU L 310, 9.11.2006

Att(i) emendatorju(i)

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Ġurnal Uffiċjali

Regolament (UE) Nru 670/2012

1.8.2012

ĠU L 204 tal-31.7.2012

L-emendi u l-korrezzjonijiet suċċessivi tad-Deċiżjoni 1639/2006 ġew integrati fit-test bażi. Din il-verżjoni kkonsolidata ma għandha ebda valur dokumentarju.

ATTI RELATATI

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Programm għall-Kompetittività tal-intrapriżi u l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (2014 – 2020) [COM(2011) 834 finali – Mhux ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali].Proċedura ta’ kodeċiżjoni (2011/0394/COD)

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Evalwazzjonijiet tal-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni” [COM(2013) 2 finali – Mhux ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali].

See also

L-aħħar aġġornament: 01.02.2013