Konservazzjoni u sfruttament tar-riżorsi tal-baħar

Ir-Regolament Nru 2371/2002 iniedi l-bażi tal-politika komuni tas-sajd (PKS) li l-objettiv tagħha huwa li tiggarantixxi sfruttament sostenibbli tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin fuq livell ekonomiku, ambjentali u soċjali. Il-miżuri adottati fil-qafas ta’ dan ir-regolament huma bbażati fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' prekawzjoni u fuq pariri xjentifiċi fondati. Dawn jirrigwardaw il-konservazzjoni u l-ħarsien tal-istokks tal-ħut u tal-ekosistemi tal-baħar, l-aċċess għall-ilmijiet u għar-riżorsi, il-flotta, il-kontroll tal-attivitajiet, it-teħid ta' deċiżjonijiet kif ukoll il-parteċipazzjoni tal-partijiet involuti fl-istadji kollha tal-politika.

ATT

Regolament (KE) Nru 2371/2002 tal-Kunsill dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd [Ara l-att(i) emendatorju(i)].

SINTEŻI

Il-politika komuni tas-sajd tkopri l-konservazzjoni, il-ġestjoni u l-isfruttament tar-riżorsi tal-baħar kif ukoll l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura. Din tipprevedi miżuri koerenti li jirrigwardaw:

Il-konservazzjoni u s-sostenibbiltà

L-Unjoni Ewropea (UE) tieħu l-miżuri meħtieġa biex tirregola l-aċċess għaż-żoni tas-sajd u għar-riżorsi, u biex tiggarantixxi t-twettiq sostenibbli tal-attivitajiet tas-sajd. Dawn il-miżuri japplikaw għal kull stokk ta’ ħut jew għal gruppi ta’ stokks. Huma mmirati biex jillimitaw il-mortalità mis-sajd u l-effett fuq l-ambjent tal-attivitajiet tas-sajd permezz ta’:

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri ta’ urġenza f’każ ta' theddida serja għall-ekosistema jew għall-konservazzjoni tar-riżorsi għal perjodi ta’ bejn 3 sa 6 xhur. Id-deċiżjoni tal-Istati Membri tikkonċerna biss l-ilmijiet li fuqhom huma jeżerċitaw is-sovranità tagħhom. Huma għandhom ukoll il-possibbiltà, fil-limitu ta’ 12-il mil nawtiku, li jieħdu miżuri mhux diskriminatorji ta’ konservazzjoni biex jippreżervaw l-ekosistema. Jekk dawk il-miżuri jkunu jikkonċernaw bastimenti ta’ Stati Membri oħrajn, il-Kummissjoni, l-Istati u l-kunsilli konsultattivi reġjonali kkonċernati jridu jkunu ġew ikkonsultati. L-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jadottaw għall-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom miżuri oħrajn ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni bil-kundizzjoni li dawn jirrispettaw l-objettivi tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS).

Adattament tal-kapaċità tas-sajd

L-Istati Membri għandhom l-obbligu li jadattaw il-kapaċità tas-sajd tagħhom sabiex jibbilanċjaw il-kapaċità u l-opportunitajiet tas-sajd. Minħabba s-sitwazzjoni kritika ta’ numru kbir ta’ stokks fl-ilmijiet Ewropej, il-kapaċità totali tal-flotta Komunitarja hija “ffriżata” sa mill-31 ta’ Diċembru 2002. B’hekk, id-dħul ta’ bastiment tas-sajd ġdid huwa possibbli biss wara li jiġi rtirat bastiment ieħor tal-istess kapaċità (imkejjel skont it-tunnellaġġ “GT” u l-qawwa tal-magna f’“kW”) tal-flotta Komunitarja. Sa mill-ewwel ta’ Jannar 2003, l-uniċi żidiet fit-tunnellaġġ possibbli mingħajr irtirar assoċjat huma l-konverżjonijiet ta’ bastimenti bil-għan li tittejjeb is-sigurtà abbord, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-iġjene u l-kwalità tal-prodotti.

It-tnaqqis fil-kapaċità meħtieġa jagħmlu parti mill-pjanijiet ta’ ġestjoni u ta’ tkattir mill-ġdid. Kull irtirar ta’ bastiment b’sussidju pubbliku (tal-Istat Membru u/jew tal-Komunità) huwa definittiv, u l-bastiment irtirat ma jistax jiġi ssostitwit. Il-Kummissjoni tibgħat kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sinteżi tar-riżultati tal-isforzi li jkunu saru mill-Istati Membri biex jilħqu bilanċ sostenibbli bejn il-kapaċità u l-opportunitajiet tas-sajd, ibbażata fuq ir-rapporti annwali tal-Istati Membri. Hija tamministra wkoll reġistru tal-flotta tas-sajd Komunitarja li jikkonsisti fid-dejta kollha dwar il-karatteristiċi u l-attivitajiet tal-bastimenti meħtieġa sabiex tiġi applikata b’mod korrett il-PKS.

Aċċess għall-ilmijiet u għar-riżorsi

Il-bastimenti Komunitarji lkoll igawdu mill-istess libertà ta’ aċċess għall-ilmijiet u għar-riżorsi, ħlief fiż-żona ta’ 12-il mil mill-kosta li taqa’ taħt is-sovranità tal-Istati Membri (Anness I). Japplikaw regoli partikolari għaż-żona ta’ Shetlands (Shetland Box) (Anness II). Kull sena jiġu ffissati totali ta’ qbid permissibbli (TAC) mill-Kunsill u l-opportunitajiet tas-sajd jitqassmu bejn l-Istati Membri waqt li tingħata attenzjoni biex kull wieħed minnhom ikollu stabilità relattiva fl-attivitajiet tas-sajd għal kull stokk jew żona tas-sajd. L-Istati Membri b’hekk huma liberi li jallokaw dawk l-opportunitajiet lill-bastimenti tagħhom u jistgħu jiskambjaw l-opportunitajiet li għalihom huma intitolati. Il-Kunsill jiddeċiedi wkoll dwar l-opportunitajiet tas-sajd tal-pajjiżi terzi li għandhom aċċess għall-ilmijiet Komunitarji.

Kontroll u twettiq

Sistema Ewropea ta’ kontroll tas-sajd hija stabbilita biex jiġi żgurat il-ħarsien tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd (PKS) f’kull stadju fil-katina tal-produzzjoni, jiġifieri mid-dgħajsa sal-bejjiegħ tal-ħut. Il-kontrolli dejjem isiru fuq il-baħar, iżda huma rrafforzati fil-portijiet, matul it-trasport, fil-fabbriki tal-ipproċessar, fis-swieq, eċċ., sabiex jiġi vverifikat li l-ħut ikun inqabad legalment.

Is-sistema ta’ kontroll tapplika għall-attivitajiet kollha tas-sajd fl-ilmijiet Komunitarji, kif ukoll għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti Komunitarji u taċ-ċittadini tal-UE, fl-ilmijiet Komunitarji u mhux Komunitarji. Tapplika wkoll għall-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd, għas-sajd ta’ delizzju għal stokks sensittivi u għall-akkwakultura.

Teħid ta’ deċiżjonijiet u konsultazzjoni

Id-deċiżjonijiet dwar is-sajd jittieħdu mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni u wara konsultazzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni. F’ċerti każijiet, id-deċiżjoni tittieħed wara qbil mill-kumitat konsultattiv tas-sajd u l-akkwakultura, skont il-proċedura ddefinita mid-Deċiżjoni 1999/468/KE li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni hija assistita mill-Kumitat Konsultattiv tas-Sajd u tal-Akkwakultura (CCPA) li nħoloq fl-1971. Il-KKSA huwa forum ta’ djalogu permanenti mal-industrija. Il-21 membru tiegħu jirrappreżentaw il-fergħat prinċipali tal-industrija tas-sajd u tal-akkwakultura (il-produzzjoni, l-ipproċessar u l-kummerċ) kif ukoll il-gruppi u organizzazzjonijiet tal-konsumaturi li jieħdu ħsieb il-ħarsien tal-ambjent u l-iżvilupp. Il-KKSA jikkonsisti f’erba’ gruppi ta’ ħidma inkarigati biex iħejju l-pariri tiegħu:

Il-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali (KKR) huma stabbiliti biex iżidu l-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tas-settur tas-sajd u ta’ rappreżentanti oħrajn tas-setturi kkonċernati mill-PKS, bħal fl-oqsma tal-ħarsien tal-ambjent jew tal-konsumaturi. Huma jkopru ż-żoni marittimi li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ mill-inqas żewġ Stati Membri. Ix-xjentisti jieħdu wkoll sehem fil-ħidma tal-kunsilli konsultattivi reġjonali. Dawn tal-aħħar jistgħu jiġu kkonsultati mill-Kummissjoni, pereżempju dwar l-implimentazzjoni u l-elaborazzjoni ta' pjanijiet ta’ ġestjoni jew ta’ tkattir mill-ġdid. Huma jissottomettu wkoll, fuq l-inizjattiva tagħhom, rakkomandazzjonijiet u jinfurmaw lill-Kummissjoni jew lill-Istati Membri dwar problemi fl-implimentazzjoni tal-PKS.

Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku tas-Sajd (STCEF), li huwa kompost minn esperti xjentifiċi bi kwalifiki għoljin, jiġi kkonsultat regolarment dwar kwistjonijiet relatati mal-konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin. Il-Kummissjoni tieħu l-pariri tiegħu f’kunsiderazzjoni meta tifformula proposti dwar il-ġestjoni tas-sajd.

Rapport dwar il-konservazzjoni u s-sostenibbiltà kif ukoll dwar l-adattament tal-kapaċità tas-sajd ser jiġi ppreżentat mill-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill qabel it-tmiem tal-2012.

Referenzi

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Ġurnal Uffiċjali

Ir-Regolament (KE) Nru 2371/2002

1.1.2003

ĠU L 358, 31.12.2002

DEROGI MILL-ATT

Derogi dwar il-ġestjoni tal-flotot tas-sajd irreġistrati fir-reġjuni l-aktar imbiegħda:Ir-Regolament (KE) Nru 639/2004 [Ġurnal Uffiċjali L 102, 7.4.2004].Emendat mir-:Ir-Regolament (KE) Nru 1646/2006 [Ġurnal Uffiċjali L 309, 9.11.2006];Ir-Regolament (KE) Nru 1207/2008 [Ġurnal Uffiċjali L 327, 5.12.2008]. Minħabba l-importanza tas-settur tas-sajd f’dawn ir-reġjuni, dan ir-regolament jieħu f’kunsiderazzjoni l-qagħda strutturali, soċjali u ekonomika tal-ġestjoni tal-flotot tas-sajd speċifika ta’ dawn ir-reġjuni.

Derogi mogħtija lill-Istati Membri l-ġodda minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 dwar il-livelli ta’ referenza għall-flotot tas-sajd:Regolament (KE) Nru 1242/2004 [Ġurnal Uffiċjali L 236, 7.7.2004];(KE) Nru 783/2007 [Ġurnal Uffiċjali L 175, 5.7.2007]. Dawn ir-regolamenti jipprovdi derogi għall-Istati Membri l-ġodda fir-rigward tal-livelli ta’ referenza għall-għoti ta’ għajnuna għat-tiġdid tal-flotta.

Att(i) li jemenda(w)

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Ġurnal Uffiċjali

Regolament (KE) Nru 865/2007

27.7.2007

ĠU L 192, 24.7.2007

Regolament (KE) Nru 1224/2009

23.12.2009

ĠU L 343, 22.12.2009

Regolament (KE) Nru 1152/2012

21.12.2012

ĠU L 343, 14.12.2012

L-emendi u l-korrezzjonijiet suċċessivi għar-Regolament (KE) nru 2371/2002 ġew integrati fit-test bażiku.

ATTI RELATATI

Possibiltajiet tas-sajd

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 40/2013 tat- 21 ta' Jannar 2013 li jiffissa għall-2013 l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli fl-ilmijiet tal-UE u, għall-bastimenti tal-UE, f’ċerti ilmijiet mhux tal-UE għal ċerti stokkijiet tal-ħut li huma suġġetti għal negozjati [Ġurnal Uffiċjali L 23, 25.1.2013].

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 39/2013 tat- 21 ta’ Jannar 2013 li jiffissa, għall-2013, l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għall-bastimenti tal-UE għal ċerti stokkijiet tal-ħut u għal ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut li mhumiex suġġetti għal negozjati jew ftehimiet internazzjonali [Ġurnal Uffiċjali L 23, 25.1.2013].

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1262/2012 tal- 20 ta’ Diċembru 2012 li jiffissa għall-2013 u l-2014 l-opportunitajiet tas-sajd għall-bastimenti tal-UE għal ċerti stokkijiet ta’ ħut tal-baħar fond [Ġurnal Uffiċjali L 356, 22.12.2012].

Il-flotta

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1013/2010 tal- 10 ta’ Novembru 2010 li jippreskrivi regoli ta’ implimentazzjoni dwar il-Politika tal-Unjoni dwar il-Flotta kif definita fil-Kapitolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 [Ġurnal Uffiċjali L 293, 11.11.2010]. Dan ir-regolament japplika għall-bastimenti Komunitarji kollha ħlief għal dawk li jintużaw esklużivament fl-akkwakultura u dawk irreġistrati fir-reġjuni extra-Ewropej Franċiżi, Spanjoli u Portugiżi. Dan jiddetermina l-formoli li jiffissaw il-livelli ta’ referenza f’termini ta’ tunnellaġġ gross (TG) u ta’ qawwa għal kull Stat Membri fl-ewwel ta’ Jannar 2003. Jiffissa wkoll il-kundizzjonijiet għal eliġibbiltà għal żieda fit-tunnellaġġ. Kull Stat Membru għandu jiġbor l-informazzjoni relatata mal-implimentazzjoni tal-PKS u mal-irtirar (jew is-sostituzzjoni) ta’ bastiment tal-flott tal-Unjoni Ewropea. Kull modernizzar ta’ bastiment li jinvolvi bidla fil-kapaċità tas-sajd tiegħu għandu jiġi nnotifikat ukoll.

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 26/2004 dwar ir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Komunità [Ġurnal Uffiċjali L 5, 9.1.2004]. Dan ir-regolament jistabbilixxi l-informazzjoni minima dwar il-bastimenti li jtajru bandiera ta’ Stat Membru u li trid titniżżel fir-reġistru nazzjonali miżmum minn dak l-Istat. Jiffissa wkoll l-obbligi tal-Istati Membri dwar il-ġbir, il-validazzjoni u t-trasmissjoni ta’ dik l-informazzjoni lill-Kummissjoni kif ukoll l-obbligi tagħha għall-ġestjoni tar-reġistru tal-flotta tas-sajd Komunitarja. Il-bastimenti huma identifikati permezz ta’ numru CFR (Community Fleet Register) uniku li jingħatalhom b’mod definittiv u li ma jistax jingħata lil bastiment ieħor.

Ara verżjoni kkonsolidata

See also

L-aħħar aġġornament: 08.02.2013