Ħtif mit-terroristi — kondiviżjoni ta’ informazzjoni
SOMMARJU TAD-DOKUMENT:
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar ħtif mit-terroristi
SOMMARJU
X’TAGĦMEL DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI?
-
Din tistabbilixxi proċedura għall-iskambju tal-esperjenzi bejn il-pajjiżi tal-UE sabiex tgħin biex jiġu riżolti sitwazzjonijiet ta’ ħtif mit-terroristi.
PUNTI EWLENIN
-
Il-ħtif mit-terroristi huwa ta’ sfida enormi għall-pajjiżi tal-UE. Sabiex sitwazzjonijiet bħal dawn jiġu riżolti b’suċċess, il-pajjiżi jeħtieġu informazzjoni ta’ sfond sabiex jistabbilixxu kuntatti u jibdew diskussjonijiet kunfidenzjali. Il-kondiviżjoni tal-informazzjoni tista’ tidentifika malajr jekk pajjiż tal-UE għandux diġà esperjenza li tkun ta’ għajnuna b’rabta mal-ħtif fl-istess reġjun, mill-istess grupp terrorista jew f’ċirkustanzi simili.
-
Biex jinkiseb dan, kull pajjiż tal-UE huwa rakkomandat jiċċirkola paġni ta’ dejta lil pajjiżi tal-UE oħrajn dwar kwalunkwe ħtif mit-terroristi, wara li jkun ġie riżolt l-inċident.
-
Din l-informazzjoni għandha tinkludi:
-
il-pajjiż u r-reġjun fejn ikun seħħ il-ħtif;
-
in-numru u n-nazzjonalitajiet tal-ostaġġi;
-
il-ħin u d-data tal-ħtif u t-tmiem tiegħu;
-
il-grupp terrorista jew l-awtur responsabbli;
-
il-metodu tal-ħtif;
-
ir-raġuni għall-ħtif;
-
kwalunkwe involviment ta’ medjatur;
-
persuna ta’ kuntatt fil-pajjiż tal-UE kkonċernat.
-
L-informazzjoni addizzjonali segwenti wkoll trid tingħata fejn xieraq:
-
ir-raġuni għaliex l-ostaġġi kienu fil-pajjiż, il-kapaċitajiet lingwistiċi u s-sess tagħhom;
-
l-ideoloġija, in-nazzjonalità, u l-kapaċitajiet lingwistiċi tal-awturi;
-
il-mezzi użati mill-awturi biex jindirizzaw lill-pubbliku;
-
dettalji dwar il-modus operandi tal-awturi.
-
L-annessi għar-rakkomandazzjoni jipproponu format standard għal din l-informazzjoni, kif ukoll suġġerimenti għal informazzjoni addizzjonali li għandha tingħata, bħall-istrateġija ta’ negozjar, it-tattiki ta’ dewmien u jekk kinux involuti riskatti jew talbiet politiċi.
-
Aktar informazzjoni u esperjenza għandhom jiġu kondiviżi bilateralment b’konformità mal-liġi nazzjonali. Il-maniġġ tad-dejta personali għandu jsir b’konformità mal-liġi nazzjonali.
-
Kull pajjiż tal-UE għandu jiġbor informazzjoni dwar kwalunkwe inċident li jseħħ mill-1 ta’ Jannar 2002 u jipprovdi sommarju lil pajjiżi tal-UE oħrajn. Lista ta’ persuni ta’ kuntatt għandha wkoll tiċċirkola sabiex tiġi faċilitata l-komunikazzjoni diretta.
-
L-informazzjoni għandha tiġi kondiviża permezz tan-netwerk ta’ konnessjoni bidirezzjonali għall-iskambju ta’ informazzjoni mal-UE kollha dwar inċidenti terroristiċi (ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI). L-informazzjoni għandha tiġi kondiviża wkoll mal-Europol, b’reviżjoni wara 12-il xahar sabiex jiġi ddeterminat jekk l-ammont u t-tip ta’ data jeħtieġux bażi tad-data.
SFOND
Għal aktar informazzjoni, ara:
ATT
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2007 dwar l-iskambju ta’ informazzjoni dwar ħtif mit-terroristi (ĠU L 214, 17.8.2007, p. 9-12)
ATTI RELATATI
Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar l-iskambju ta’ informazzjoni u l-koperazzjoni fir-rigward ta’ reati terroristiċi (ĠU L 253, 29.9.2005, p. 22-24)
l-aħħar aġġornament 03.05.2016