Id-Direttiva tal-UE dwar is-Servizzi

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Id-Direttiva 2006/123/KE — Id-Direttiva dwar is-Servizzi

SOMMARJU

X'TAGĦMEL DIN ID-DIRETTIVA?

Hija għandha l-għan li tneħħi l-ostakoli għall-kummerċ tas-servizzi fl-UE, billi

tissimplifika l-proċeduri amministrattivi għall-fornituri tas-servizzi,

ittejjeb id-drittijiet tal-konsumaturi u tan-negozji li jirċievu s-servizzi, u

trawwem kooperazzjoni fost il-pajjiżi tal-UE.

PUNTI EWLENIN

Fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, id-Direttiva tkopri firxa wiesgħa ta’ servizzi, li jinkludu

il-kummerċ bl-imnut u bl-ingrossa ta’ prodotti u servizzi,

l-attivitajiet tal-aktar professjonijiet irregolati bħal konsulenti legali u fiskali, periti u inġiniera,

servizzi tal-kostruzzjoni,

servizzi relatati man-negozju bħal manutenzjoni tal-uffiċini, konsulenza fil-livell maniġerjali u organizzazzjoni ta’ avvenimenti, u

servizzi ta’ turiżmu u divertiment.

Ċerti servizzi huma esklużi mid-Direttiva. Dawn jinkludu s-servizzi finanzjarji, ċerti servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, is-servizzi tal-aġenziji tax-xogħol temporanju, is-servizzi tas-sigurtà privata u l-logħob tal-azzard.

Id-Direttiva tagħti ċ-ċans lin-negozji jistabbilixxu ruħhom f’pajjiżi tal-UE minbarra dak tagħhom stess. Sabiex dan iseħħ, il-pajjiżi tal-UE għandhom jieħdu diversi azzjonijiet, inkluż li:

jistabbilixxu punti ta’ kuntatt waħdieni għal informazzjoni u appoġġ fuq il-proċeduri amministrattivi u jiżguraw li dawn il-proċeduri jkunu jistgħu jitwettqu b’mod elettroniku;

jirrevedu u jissimplifikaw l-iskemi ta’ awtorizzazzjoni kollha tagħhom b’rabta mal-aċċess għas-servizzi;

jitolbu lill-pajjiżi tal-UE sabiex jabolixxu r-rekwiżiti diskriminatorji, bħan-nazzjonalità jew ir-residenza, kif ukoll ir-rekwiżiti restrittivi, bħat-testijiet tal-ħtiġijiet eonomiċi li jitolbu lin-negozji sabiex juru lill-awtoritajiet li hemm domanda għas-servizzi tagħhom.

Huma pprovduti garanziji simili għad-drittijiet tal-benefiċjarji tas-servizzi (konsumaturi jew negozju) sabiex tissaħħaħ il-fiduċja tagħhom fis-Suq Uniku. Il-pajjiżi tal-UE huma meħtieġa li:

ineħħu l-ostakoli għall-benefiċjarji li jkunu jridu jużaw is-servizzi fornuti mill-fornituri stabbiliti f’pajjiż ieħor tal-UE, bħall-obbligi li tinkiseb awtorizzazzjoni;

jabolixxu r-rekwiżiti diskriminatorji bbażati fuq in-nazzjonalità jew il-post tar-residenza tal-benefiċjarju;

jagħmlu disponibbli informazzjoni ġenerali u assistenza fuq ir-rekwiżiti legali, b’mod partikolari r-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi, kif ukoll fuq il-proċeduri ta’ rimedju applikabbli f’pajjiżi oħrajn tal-UE.

Id-Direttiva dwar is-Servizzi kellha tiġi inkorporata fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-pajjiżi kollha tal-UE sat-28 ta’ Diċembru 2009. Fl-2012, il-Kummissjoni Ewropea adottat Komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi. Dan ir-rapport:

ħa kont tal-progress miksub mill-pajjiżi tal-UE fit-tneħħija tal-ostakoli mhux ġustifikati għas-Suq Uniku għas-Servizzi,

identifika r-restrizzjonijiet li sa issa għadhom ma ġewx aboliti, bħall-użu tar-rekwiżiti tar-residenza jew tat-testijiet tal-ħtiġijiet ekonomiċi, u

ippropona miżuri maħsuba biex itejbu l-funzjonament tas-Suq Uniku għas-servizzi.

MINN META DAĦLET FIS-SEĦĦ DIN ID-DIRETTIVA?

Mit-28 ta’ Diċembru 2006. Hija kellha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE sat-28 ta’ Diċembru 2009.

SFOND

Id-Direttiva dwar is-Servizzi

ATT

Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, 27.12.2006, pp. 36–68)

ATTI RELATATI

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Lejn funzjonament aħjar tas-Suq Uniku għas-servizzi – nibnu fuq ir-riżultati tal-proċess ta’ evalwazzjoni reċiproka tad-Direttiva dwar is-Servizzi (COM(2011) 20 finali tas-27.1.2011)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/130/UE tal-25 ta’ Frar 2011 li tistabbilixxi rekwiżiti minimi għall-ipproċessar transkonfinali ta’ dokumenti ffirmati elettornikament minn awtoritajiet kompetenti skont id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 53, 26.2.2011, p. 66–72)

L-emendi suċċessivi għad-Deċiżjoni 2011/130/UE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija biss ta’ valur dokumentarju.

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi. Sħubija għal tkabbir ġdid fis-servizzi 2012-2015 (COM(2012) 261 finali tat-8 ta’ Ġunju 2012)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/148/UE tas-17 ta’ Marzu 2014 li temenda d-Deċiżjoni 2011/130/UE li tistabbilixxi rekwiżiti minimi għall-ipproċessar transkonfinali ta’ dokumenti ffirmati elettronikament minn awtoritajiet kompetenti skont id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 80, 19.3.2014, p. 7–9)

l-aħħar aġġornament 09.11.2015