Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE - il-ġlieda kontra l-frodi

Sa mill-1995, kien hemm fis-seħħ konvenzjoni li tfittex li tħares, taħt il-liġi kriminali, l-interessi finanzjarji tal-UE u tal-kontribwenti tagħha. Matul is-snin, il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej kienet issupplimentata minn serje ta’ protokolli.

ATT

Att tal-Kunsill tas-26 ta' Lulju 1995 li jfassal il-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU C 316, 27.11.1995, p. 48-57)

SOMMARJU

Sa mill-1995, kien hemm fis-seħħ konvenzjoni li tfittex li tħares, taħt il-liġi kriminali, l-interessi finanzjarji tal-UE u tal-kontribwenti tagħha. Matul is-snin, il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej kienet issupplimentata minn serje ta’ protokolli.

X’TAGĦMEL IL-KONVENZJONI?

Il-Konvenzjoni u l-protokolli tagħha

PUNTI EWLENIN

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jintroduċu pieni kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi sabiex jittrattaw il-frodi li jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE.

Il-Konvenzjoni tagħmel differenza bejn frodi fir-rigward tal-infiq u dak fir-rigward tad-dħul.

F’każijiet ta’ frodi serji, dawn il-pieni għandhom jinkludu sentenzi ta’ kustodja li, f’ċerti każijiet, jistgħu jwasslu għal estradizzjoni.

L-ewwel Protokoll għall-Konvenzjoni, li ġie adottat fl-1996, jagħmel differenza bejn korruzzjoni “attiva” * u “passiva” * tal-uffiċjali pubbliċi. Huwa jiddefinixxi wkoll “uffiċjal” (kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll tal-UE) u jarmonizza l-pieni għal reati ta’ korruzzjoni.

Ir-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi

Kull pajjiż tal-UE għandu jippromulga l-leġiżlazzjoni sabiex jippermetti lill-kapijiet tan-negozji jew lil kwalunkwe persuni li għandhom is-setgħa li jieħdu deċiżjonijiet jew jeżerċitaw kontroll fi ħdan negozju (jiġifieri persuni ġuridiċi) ikunu ddikjarati bħala kriminalment responsabbli. It-Tieni Protokoll, li ġie adottat fl-1997, ikkjarifika wkoll il-Konvenzjoni fir-rigward tal-kwistjonijiet tar-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi, il-konfiska u l-ħasil tal-flus.

Il-qrati nazzjonali

Fl-1996, ġie adottat Protokoll li jikkonferixxi ġurisdizzjoni interpretattiva fuq il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (ECJ). Dan il-protokoll jippermetti lill-qrati nazzjonali, meta jkollhom dubju dwar kif għandhom jinterpretaw il-Konvenzjoni u l-Protokolli tagħha, sabiex iressqu petizzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għal deċiżjonijiet preliminari.

Kull pajjiż tal-UE għandu jieħu l-passi meħtieġa sabiex jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tiegħu fuq ir-reati li jkun stabbilixxa b’konformità mal-obbligi tiegħu skont il-konvenzjoni.

Każijiet ta’ frodi li jinvolvu 2 pajjiżi jew aktar

Jekk frodi jkun jikkostitwixxi reat kriminali u jikkonċerna mill-inqas 2 pajjiżi tal-UE, dawk il-pajjiżi għandhom jikkooperaw b’mod effettiv fl-investigazzjoni, fil-prosekuzzjoni u fl-infurzar tal-pieni imposti permezz ta’, pereżempju, assistenza legali reċiproka, estradizzjoni, trasferiment tal-proċedimenti jew infurzar tas-sentenzi mogħtija f’pajjiż ieħor tal-UE.

Tilwimiet bejn il-pajjiżi tal-UE

Meta jinqalgħu tilwimiet rigward l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni, il-każ għandu l-ewwel jiġi eżaminat mill-Kunsill. Jekk il-Kunsill ma jsibx soluzzjoni fi żmien 6 xhur, parti involuta fit-tilwima tista’ tressaq petizzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Il-Qorti tal-Ġustizzja wkoll għandha ġurisdizzjoni fuq it-tilwimiet bejn il-pajjiżi tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea.

MINN META BDIET TAPPLIKA L-KONVENZJONI?

Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fis-17 ta' Ottubru 2002, flimkien mal-ewwel protokoll tagħha u l-protokoll dwar l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja. It-tieni protokoll daħal fis-seħħ fid-19 ta' Mejju 2009.

Il-konvenzjoni u l-protokolli tagħha huma miftuħa sabiex jiġu ffirmati minn kwalunkwe pajjiż li jissieħeb fl-UE.

Għal aktar informazzjoni, ara l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi.

TERMINI EWLENIN

* Korruzzjoni attiva: reat kommess minn uffiċjal pubbliku li jagħti jew iwiegħed tixħima.

* Korruzzjoni passiva: reat kommess minn uffiċjal li jirċievi tixħima.

ATTI RELATATI

Att tal-Kunsill tas-27 ta' Settembru 1996 li jfassal Protokoll għall-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU C 313, 23.10.1996, p. 1-10)

Att tal-Kunsill tad-29 ta' Novembru 1996 li jfassal, fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Protokoll dwar l-interpretazzjoni, permezz ta’ deċiżjonijiet preliminari, mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU C 151, 20.5.1997, p. 1-14)

Att tal-Kunsill tad-19 ta' Ġunju 1997 li jfassal it-Tieni Protokoll tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU C 221, 19.7.1997, p. 11-22)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/40/ĠAI tas-6 ta' Diċembru 2007 dwar l-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija mal-Konvenzjoni, imfassla abbażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, mal-Protokoll tas-27 ta' Settembru 1996, mal-Protokoll tad-29 ta' Novembru 1996 u mat-Tieni Protokoll tad-19 ta' Ġunju 1997 (ĠU L 9, 12.1.2008, p. 23-24)

l-aħħar aġġornament 24.08.2015