Esportazzjonijiet ta’ organiżmi ġenetikament modifikati lejn pajjiżi mhux tal-UE

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Regolament (KE) Nru 1946/2003 – il-moviment transkonfinali ta’ organiżmi modifikati ġenetikament

SOMMARJU

X’JAGĦMEL DAN IR-REGOLAMENT?

Dan għandu l-għan li jimplimenta ċerti punti tal-Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-prevenzjoni ta’ riskji bijoteknoloġiċi. Dan minħabba li xi organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM) jista’ jkollhom effetti avversi fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem.

Sabiex jiġi żgurat livell adegwat ta’ protezzjoni, dan joħloq sistema għan-notifika u l-iskambju tal-informazzjoni dwar l-esportazzjoni tal-OĠM lejn pajjiżi mhux tal-UE.

PUNTI EWLENIN

Ir-Regolament jagħmel distinzjoni bejn OĠM maħsuba għar-rilaxx deliberat fl-ambjent (jiġifieri testijiet fuq il-post, jew biex l-OĠM jiġu kkultivati, importati jew trasformati fi prodotti industrijali) u OĠM maħsuba għall-ikel jew l-għalf, jew għall-ipproċessar.

L-esportaturi tal-OĠMs maħsuba għar-rilaxx deliberat fl-ambjent iridu jinnotifikaw lill-awtorità nazzjonali kompetenti dwar il-pajjiż mhux tal-UE li qed jimporta l-OĠM (u jerġgħu jinnotifikawha jekk ma tingħatax risposta). In-notifika trid tinkludi l-informazzjoni speċifikata fl-Anness I għal dan ir-Regolament. L-esportatur irid iżomm din in-notifika u r-rikonoxximent tal-irċevuta għal ħames snin, u jrid jibgħat kopji lill-awtoritajiet fil-pajjiż tal-UE tagħhom u lill-Kummissjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni Ewropea jew il-pajjiż tal-UE li jkun ħa d-deċiżjoni jrid jinnotifika lill-Biosafety Clearing House (BCH) dwar kull deċiżjoni dwar l-użu tal-OĠMs maħsuba għall-ikel jew għall-ipproċessar li jistgħu jiġu trasferiti min-naħa għall-oħra tal-fruntieri internazzjonali. In-notifika trid tinkludi l-informazzjoni speċifikata fl-Anness II għal dan ir-Regolament. Dawn l-OĠM ma jistgħux jiġu mċaqalqa minn naħa għal oħra tal-fruntieri jekk ma jkunux ġew awtorizzati mill-UE.

Jekk pajjiż tal-UE jsir konxju tal-esportazzjoni mhux intenzjonata ta’ OĠM potenzjalment perikolużi, irid jinforma lill-pubbliku, jinnotifika lill-Kummissjoni Ewropea u jikkonsulta lill-pajjiż milqut sabiex ikunu jistgħu jieħdu l-azzjoni ta’ rimedju neċessarja.

Il-pajjiżi tal-UE jridu jippreżentaw rapporti dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament kull tliet snin.

SFOND

Fl-2000, l-UE u l-pajjiżi tagħha ffirmaw il-Protokoll ta’ Kartaġena, li huwa mfassal biex jiżgura li l-movimenti tal-OĠM (speċjalment bejn il-pajjiżi) ma jkunux ta’ riskju għall-ambjent jew għas-saħħa tal-bniedem.

Minn dakinhar 'l hawn, fl-2011, l-UE ffirmat il-Protokoll Supplimentari ta’ Nagoya-Kuala Lumpur. Dan jelabora fuq ir-regoli u l-proċeduri internazzjonali tal-Protokoll ta’ Kartaġena sabiex jirreaġixxi għall-ħsara kkawżata mill-OĠM trasferiti minn naħa għal oħra tal-fruntieri internazzjonali.

TERMINU EWLIENI

* Organiżmi ġenetikament modifikati: organiżmi li fuqhom tkun ġiet applikata t-terapija ġenetika Din tista’ tbiddel il-kompożizzjoni ġenetika tagħhom b’mod artifiċjali, u tagħtihom proprjetajiet ġodda (eż. r-reżistenza ta’ pjanta għan-nixfa, insetti jew mard). Peress li l-impatti fit-tul tal-OĠM fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem jibqgħu fil-biċċa l-kbira mhux magħrufa, l-UE tiegħu l-approċċ kawtelatorju.

ATT

Ir-Regolament (KE) Nru 1946/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2003 dwar il-movimenti transkonfinali ta’ organiżmi modifikati ġenetikament (ĠU L 287, 5.11.2003, p. 1-10)

ATTI RELATATI

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/628/KE tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tall-Protokoll ta’ Cartagena dwar il-Biosigurtà (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 48–49)

Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/86/KE tat-12 ta’ Frar 2013 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll Supplimentari ta’ Nagoya-Kuala Lumpur dwar ir-Responsabbiltà u r-Rimedju għall-Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-Bijosigurtà (ĠU L 46, 19.2.2013, p. 1-3)

l-aħħar aġġornament 24.11.2015