Id-diviżjoni ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata fl-istess pajjiż tal-UE

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 82/891/KEE — diviżjoni ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata fl-istess pajjiż tal-UE

SOMMARJU

X’TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

Din id-direttiva (is-sitt Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpanniji) tindirizza d-diviżjoni ta’ kumpanniji b’responsabbiltà pubblika limitata* f’pajjiż tal-UE wieħed. Hija tkopri l-protezzjoni tal-azzjonisti, il-kredituri u l-impjegati.

PUNTI EWLENIN

Id-direttiva tindirizza l-modi differenti kif jistgħu jiġu diviżi l-kumpanniji.

Fir-rigward tad-diviżjoni permezz ta’ akkwist u d-diviżjoni permezz tal-formazzjoni ta’ kumpanniji ġodda, l-abbozz ta’ kundizzjonijiet ta’ diviżjoni mħejji mill-bord amministrattiv jew tat-tmexxija għandu jinkludi informazzjoni speċifika, inkluż:

it-tip, l-isem u l-uffiċċju rreġistrat tal-kumpanniji;

il-proporzjon tal-kambju tal-ishma (l-għadd ta’ ishma ġodda li l-azzjonisti eżistenti jirċievu ta' kumpannija li nxtrat jew ingħaqdet ma’ oħra meta jċedu l-ishma oriġinali tagħhom);

kundizzjonijiet relatati mal-allokazzjoni tal-ishma;

id-drittijiet mgħoddija mill-kumpannija li qed takkwista.

id-data li minnha l-azzjonisti jistgħu jipparteċipaw fil-profitti.

Diviżjoni teħtieġ mill-inqas l-approvazzjoni ta’ laqgħa ġenerali ta’ kull waħda mill-kumpanniji involuti fid-diviżjoni.

Il-korpi amministrattivi jew tat-tmexxija ta’ kull waħda mill-kumpanniji involuti fid-diviżjoni għandhom ifasslu rapport bil-miktub iddettaljat li jispjega l-abbozz ta’ kundizzjonijiet tad-diviżjoni, inklużi r-raġunijiet legali u ekonomiċi għalihom.

L-esperti indipendenti huma meħtieġa jeżaminaw l-abbozz ta’ kundizzjonijiet tad-diviżjoni u jħejju rapport bil-miktub għall-azzjonisti. L-azzjonisti huma intitolati jispezzjonaw id-dokumenti rilevanti, inklużi l-abbozz ta’ kundizzjonijiet tad-diviżjoni u l-kontijiet annwali tal-kumpanniji involuti, u jiksbu kopji tad-dokumenti fuq talba.

Il-pajjiżi tal-UE huma meħtieġa jipproteġu lill-kredituri tal-kumpanniji involuti. Pereżempju, il-pajjiżi tal-UE jistgħu jipprovdu li l-kumpanniji reċipjenti huma responsabbli flimkien u separatament għall-obbligazzjonijiet tal-kumpannija li tkun qed tiġi diviża.

Id-diviżjoni tal-kumpanniji tista’ tkun ukoll issorveljata minn awtorità ġudizzjarja (eż. qorti). Sakemm ma tiġi kkawżata l-ebda ħsara lill-azzjonisti jew lill-kredituri, dik l-awtorità ġudizzjarja tista’ teżenta lill-kumpanniji involuti milli japplikaw ċerti regoli li normalment huma applikabbli għad-diviżjonijiet permezz ta' akkwist jew il-formazzjoni ta’ kumpanniji ġodda.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Hija daħlet fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 1982. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fid-dritt nazzjonali sal-1 ta’ Jannar 1986.

SFOND

Il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-liġi tal-kumpanniji

TERMINI EWLENIN

* Kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata hija kumpannija li tkun offriet ishma lill-pubbliku ġenerali u li l-azzjonisti tagħha għandhom responsabbiltà limitata, normalment b’rabta mal-ammont imħallas għall-ishma tagħhom biss.

ATT

Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE tas-17 ta’ Diċembru 1982 ibbażata fuq l-Artikolu 54 (3) (ġ) tat-Trattat dwar id-diviżjoni ta’ kumpanniji b`responsabbilta pubblika limitata (ĠU L 378, 31.12.1982, p. 47–54)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 82/891/KEE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija biss ta’ valur dokumentarju.

l-aħħar aġġornament 11.11.2015