Kundizzjonijiet għall-konverġenza ekonomika għas-sħubija fiż-żona tal-euro - Rapport ta’ Konverġenza 2014

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Rapport ta’ Konverġenza 2014 - COM(2014) 326 final

SOMMARJU

Il-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress li sar mill-pajjiżi tal-UE li jkunu għadhom mhux qed jipparteċipaw fiż-żona tal-euro (jiġifieri li qed jibbenefikaw minn “deroga”) fir-rigward tal-issodisfar tal-kundizzjonijiet biex jadottaw il-munita unika. Hija tikkonkludi li l-Litwanja tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet.

X’JAGĦMEL IR-RAPPORT TA’ KONVERĠENZA 2014?

Dan jevalwa kemm huma lesti tmien pajjiżi tal-UE - il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Kroazja, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija u l-Iżvezja - sabiex jadottaw l-euro. Ir-Rapport tal-Kummissjoni sar b’mod parallel mar-Rapport ta’ Konverġenza tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), bħala parti miċ-ċiklu ta’ valutazzjoni regolari ta’ kull sentejn.

Il-pajjiżi kollha, minbarra r-Renju Unit u d-Danimarka, ikkommettew irwieħhom permezz tat-Trattat sabiex jadottaw l-euro ladarba jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa. 18-il pajjiż tal-UE diġà kienu parti miż-żona tal-euro meta sar ir-rapportar. B’hekk kien għad fadal tmien pajjiżi tal-UE bħala soġġetti għal valutazzjoni.

Bl-użu tal-kriterji ta’ konverġenza, ir-Rapport jeżamina l-livell sa fejn dawn it-tmien pajjiżi kisbu grad għoli ta’ konverġenza sostenibbli. Dawn il-kriterji huma relatati mal-aspetti li ġejjin:

l-istabbiltà tal-prezzijiet*

l-istat tal-finanzi pubbliċi*

l-istabbiltà tar-rati tal-kambju*

il-konverġenza ta’ rati tal-imgħax għal żmien twil*.

Matul l-evalwazzjoni, ġew ikkunsidrati wkoll fatturi addizzjonali (eż. il-bilanċi tal-pagamenti u l-integrazzjoni tas-swieq). Dawn jiddeterminaw jekk il-konverġenza ta’ pajjiż partikolari hijiex sostenibbli u jekk is-sħubija tiegħu fiż-żona tal-euro tkunx mingħajr xkiel.

Ir-rapport jevalwa wkoll il-grad sa fejn il-leġiżlazzjoni dwar kwistjonijiet monetarji f’dawn il-pajjiżi tal-UE hija konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati tal-UE dwar l-Unjoni Ekonomika u Monetarja.

PUNTI EWLENIN

Ir-Rapport ta’ Konverġenza 2014 jasal għall-konklużjonijiet segwenti:

Il-Litwanja tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha sabiex tadotta l-euro. L-ekonomija tagħha laħqet grad għoli ta’ konverġenza sostenibbli ma’ dik taż-żona tal-euro u l-leġiżlazzjoni tagħha fil-qasam monteraju hija għalkollox kompatibbli mal-leġiżlazzjoni tal-UE. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill tal-UE jieħu deċiżjoni li permezz tagħha l-Litwanja tadotta l-euro fl-1 ta’ Jannar 2015.

Is-seba’ pajjiżi tal-UE l-oħrajn, jiġifieri l-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Kroazja, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija u l-Iżvezja ma jissodisfawx il-kriterji kollha għall-adozzjoni tal-euro. Il-każijiet tagħhom se jiġu rieżeminati fi żmien sentejn.

Il-konformità ta’ tmien pajjiżi mal-kriterji ta’ konverġenza

L-inflazzjoni: Ir-rata ta’ inflazzjoni medja tal-Litwanja kienet ta’ 0.6 % matul il-perjodu ta’ rieżami ta’ 12-il xahar (li ntemm f’April 2014), ħafna inqas mill-valur referenzjarju, stabbilit għal 1.7 %, u huwa mbassar li se tibqa’ hekk fix-xhur li ġejjin. Il-pajjiżi kollha eżaminati, bl-eċċezzjoni tar-Rumanija, jissodisfaw il-kriterju ta’ stabbiltà tal-prezzijiet.

Finanzi pubbliċi: Il-Litwanja mhijiex soġġetta għal proċedura ta’ defiċit eċċessiv (EDP). Il-Bulgarija, l-Ungerija, ir-Rumanija u l-Iżvezja wkoll jissodisfaw dan il-kriterju. Ir-Repubblika Ċeka tinsab fi triqitha sabiex tissodisfah jekk, kif propost mill-Kummissjoni, il-Kunsill jiddeċiedi li jtemm l-EDP kontriha. Il-Kroazja u l-Polonja għadhom soġġetti għal EDPs u b’hekk ma jissodisfawx dan il-kriterju.

L-istabbiltà tar-rati tal-kambju: il-Litwanja biss tipparteċipa fil-mekkaniżmu tar-rati tal-kambju Ewropew (ERM II). Matul il-perjodu ta’ referenza ta’ sentejn, il-litas (il-munita tal-Litwanja) ma esperjenzat l-ebda tensjoni u ma ddevjatx mir-rata ċentrali tal-ERM II. L-ebda wieħed mill-pajjiżi l-oħrajn ma jissodisfa dan il-kriterju bħalissa, peress li ma jipparteċipawx fl-ERM II.

Rati tal-imgħax għal żmien twil: matul il-perjodu ta’ sena li jintemm f’April 2014, ir-rata tal-imgħax għal żmien twil fil-Litwanja kienet ta’ 3.6 %, ħafna inqas mill-valur referenzjarju ta’ 6.2 %. Il-pajjiżi l-oħrajn ukoll kienu jissodisfaw dan il-kriterju.

Għandu jiġi nnotat li peress li ġie adottat ir-Rapport ta’ Konverġenza, il-Litwanja saret membru taż-żona tal-euro fl-1 ta’ Jannar 2015, u b’hekk in-numru ta’ pajjiżi parteċipanti żdied għal 19.

SFOND

Skont l-Artikolu 140(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), ir-rapporti ta’ konverġenza jinħarġu mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Bank Ċentrali Ewropew kull sentejn, jew iktar ta’ spiss jekk mitlub minn pajjiż li jkun jixtieq jissieħeb fiż-żona tal-euro. Dawn ir-rapporti jikkostitwixxu l-bażi għad-deċiżjoni dwar jekk pajjiż jistax jissieħeb fiż-żona tal-euro.

TERMINI EWLENIN

* Stabbilità tal-prezzijiet: il-pajjiż għandu juri grad sostenibbli ta’ stabbiltà fil-prezzijiet u rata ta’ inflazzjoni medja, osservati fuq perjodu ta’ sena qabel l-eżaminazzjoni, li ma taqbiżx b’aktar minn 1.5 punti perċentwali dik tal-aktar tliet pajjiżi bi prestazzjoni tajba fl-UE f’termini ta’ stabbiltà fil-prezzijiet.

* Stat tal-finanzi pubbliċi: il-pajjiż ma jistax ikun soġġett għal deċiżjoni tal-Kunsill li jeżisti defiċit baġitarju eċċessiv.

* Stabbiltà tar-rata tal-kambju: il-pajjiż irid jirrispetta l-marġini ta’ fluttwazzjoni normali previsti mill-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju mingħajr tensjonijiet severi għal mill-inqas sentejn qabel l-eżaminazzjoni.

* Konverġenza tar-rati tal-imgħax għal żmien twil: il-pajjiż irid ikollu rata ta’ imgħax nominali fit-tul li ma taqbiżx b’aktar minn żewġ punti perċentwali dik tal-aktar tliet pajjiżi bi prestazzjoni tajba fl-UE f’termini ta’ stabbiltà fil-prezzijiet.

ATT

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Rapport ta’ Konverġenza 2014 (imħejji skont l-Artikolu 140(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea) (COM(2014) 326 final tal-4 ta’ Ġunju 2014)

ATTI RELATATI

Il-Bank Ċentrali Ewropew: Rapport ta’ konverġenza Ġunju 2014

Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/509/UE tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-adozzjoni tal-euro mil-Litwanja fl-1 ta’ Jannar 2015 (ĠU L 228, 31.7.2014, p. 29-32)

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 827/2014 tat-23 ta’ Lulju 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 974/98 fir-rigward tal-introduzzjoni tal-euro fil-Litwanja (ĠU L 228, 31.7.2014, p. 3-4)

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 851/2014 tat-23 ta’ Lulju 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2866/98 dwar ir-rata tal-kambju għall-euro għal-Litwanja (ĠU L 233, 6.8.2014, p. 21)

l-aħħar aġġornament 06.10.2015