Ftehimiet tal-avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea–l-Istati Uniti
SOMMARJU TA’:
Il-Ftehim tat-Trasport bl-Ajru ffirmat bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti
Id-Deċiżjoni 2007/339/KE dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-Istati Uniti
Id-Deċiżjoni (UE) 2020/1110 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-Istati Uniti
X’INHU L-GĦAN TAL-FTEHIM U TAD-DEĊIŻJONIJIET?
- Il-ftehim jipprovdi biex ir-rotot transatlantiċi kollha jinfetħu għall-kumpaniji tal-ajru tal-Unjoni Ewropa (UE) u tal-Istati Uniti (US). Dan ġie emendat minn Protokoll fl-2010 (ara l-ftehim tat-tieni stadju).
- Hu tjinkludi wkoll arranġament biex il-ftehim ikompli jiġi żviluppat fuq kwistjonijiet bħall-proprjetà u l-kontroll tal-linji tal-ajru.
- Id-Deċiżjoni 2007/339/KE u d-Deċiżjoni (UE) 2020/1110 jimmarkaw rispettivament l-iffirmar mill-Komunità Ewropea u l-approvazzjoni mill-UE tal-ftehim.
PUNTI EWLENIN
Aċċess għas-suq: id-drittijiet tat-traffiku u kwistjonijiet kummerċjali/operattivi
- Il-ftehim jippermetti lil-linji tal-ajru tal-UE biex:
- joperaw titjiriet lejn l-Istati Uniti minn kwalunkwe ajruport fl-UE, irrispettivament mill-post ta’ stabbiliment tagħhom fi ħdan l-UE (il-kunċett ta’ trasportatur komunitarju);
- joperaw rotot internazzjonali bejn l-UE u l-Istati Uniti (it-tielet* u r-raba’* Drittijiet tal-libertà), u rotot lil hinn mill-UE u l-Istati Uniti (id-drittijiet tal-ħames libertà*), mingħajr restrizzjonijiet fuq in-numru ta’ titjiriet jew it-tip ta’ inġenju tal-ajru;
- joperaw is-seba’ libertà* mingħajr limitu servizzi tal-merkanzija (għalkemm mhux se jkun hemm drittijiet addizzjonali tal-merkanzija kollha tas-seba’ libertà għal-linji tal-ajru tal-Istati Uniti minbarra dawk mogħtija qabel minn tmien Stati Membri tal-UE);
- joperaw titjiriet limitati tas-seba’ libertà għas-servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri bejn l-Istati Uniti u kwalunkwe punt fiż-Żona ta’ Avjazzjoni Komuni Ewropea* (ECAA) għalkemm ebda dritt ta’ dan it-tip ma jingħata lil-linji tal-ajru tal-Istati Uniti.
- Il-ftehim jippermetti l-libertà fl-iffissar tal-prezzijiet (għalkemm it-trasportaturi tal-Istati Uniti ma jistgħux jiffissaw il-prezzijiet fuq rotot intra-UE) u fih regoli dettaljati dwar il-franchising u l-markar li jippermettu lil-linji tal-ajru tal-UE jestendu l-preżenza tan-network tagħhom fis-suq tal-Istati Uniti.
- Dan jippermetti wkoll li ssir kondiviżjoni tal-kodiċi mingħajr limiti (fejn żewġ linji tal-ajru jew aktar jistgħu jikkondividu l-istess titjira) u opportunitajiet ġodda għal-linji tal-ajru tal-UE biex jipprovdu l-inġenji tal-ajru bl-ekwipaġġ (magħruf bħala ftehim tal-kiri bl-ekwipaġġ) lil-linji tal-ajru tal-Istati Uniti fuq rotot internazzjonali.
Aċċess għas-suq: sjieda u kontroll
- Il-linji tal-ajru tal-Istati Uniti jiggarantixxu:
- li perċentwali tal-proprjetà permissibbli ikun ta’ ċittadini tal-UE, inkluż il-possibilità li wieħed jaqbeż 50 % tal-ishma totali;
- konsiderazzjoni ġusta u mingħajr dewmien ta’ tranżazzjonijiet li jinvolvu investimenti tal-UE f’linji tal-ajru tal-Istati.
- Il-linji tal-ajru tal-UE jiggarantixxu:
- id-dritt li jillimitaw l-investimenti tal-Istati Uniti f’linji tal-ajru tal-UE għal 25% tal-ishma ta’ votazzjoni (li jirrifletti s-sistema tal-Istati Uniti);
- l-aċċettazzjoni mill-Istati Uniti ta’ kwalunkwe linja tal-ajru tal-UE li hija proprjetà ta’ jew ikkontrollata minn ċittadini tal-UE jew tal-ECAA.
- Il-linji tal-ajru ta’ pajjiż mhux tal-UE jiggarantixxu:
- aċċettazzjoni unilaterali mill-Istati Uniti ta’ proprjetà u kontroll mill-UE ta’ kwalunkwe linja tal-ajru fil-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea, tal-ECAA u t-18-il pajjiż Afrikan ieħor.
- Il-kumitat konġunt li huwa stabbilit mill-ftehim għandu rwol fi kwistjonijiet li jikkonċernaw is-sjieda u l-kontroll.
Kooperazzjoni regolatorja
Il-ftehim isaħħaħ ukoll il-kooperazzjoni bejn iż-żewġ partijiet fl-oqsma li ġejjin.
- Is-sigurtà: il-ħidma lejn prattiki u standards kompatibbli u t-tnaqqis tad-diverġenzi regolatorji f’miżuri ta’ sigurtà.
- Is-sikurezza: konsultazzjoni u kooperazzjoni mtejba fil-każ ta’ tħassib dwar is-sikurezza fuq kull naħa.
- Il-politika tal-kompetizzjoni: impenn għall-kooperazzjoni fl-applikazzjoni ta’ sistemi ta’ kompetizzjoni għal ftehimiet li għandhom impatt fuq is-suq transatlantiku u għall-promozzjoni ta’ approċċi regolatorji kompatibbli għall-ftehimiet.
- Is-sussidji mill-gvern: għarfien li dawn jistgħu jaffettwaw il-kapaċità tal-linji tal-ajru li jikkompetu b’mod ġust u ekwu, u l-ħtieġa ta’ arranġamenti li jippermettu li jitqajjem tħassib dwar is-sussidji.
- L-ambjent: rikonoxximent tal-importanza tal-protezzjoni tal-ambjent u l-intenzjonijiet għal kooperazzjoni teknika mtejba biex jitnaqqsu l-emissjonijiet fit-trasport bl-ajru u tittejjeb l-effiċjenza tal-karburanti.
Il-ftehim kien jinkludi wkoll pjan direzzjonali ċar li jistipula lista mhux eżawrjenti ta’ “punti ta’ interess prijoritarju” għan-negozjar ta’ ftehim tat-tieni stadju.
Ftehim fit-tieni stadju
Aktar negozjati bejn l-UE u l-Istati Uniti ġew imnedija fl-2008 u rriżultaw fl-iffirmar ta’ ftehim fit-tieni stadju fl-2010. Dan il-protokoll jibni fuq l-ewwel ftehim u jkopri investimenti addizzjonali u opportunitajiet ta’ aċċess għas-suq. Huwa jsaħħaħ ukoll il-qafas għall-kooperazzjoni f’oqsma regolatorji bħas-sikurezza, is-sigurtà, l-aspetti soċjali u, b’mod partikolari, l-ambjent, fejn iż-żewġ naħat ftiehmu fuq dikjarazzjoni konġunta iddedikata lill-ambjent.
In-Norveġja u l-Iżlanda ssieħbu fil-Ftehim fl-2011.
DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ
Il-Ftehim daħal fis-seħħ fid-29 ta’ Ġunju 2020. Madankollu, dan ilu japplika b’mod provviżorju mit-30 ta’ Marzu 2008 (l-Artikolu 25 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru). Il-Protokoll li emenda l-Ftehim tat-Trasport bl-Ajru daħal fis-seħħ fil-5 ta’ Mejju 2022.
SFOND
- Qabel il-ftehim tal-2007, ir-relazzjonijiet tat-trasport bl-ajru mal-Istati Uniti kienu rregolati minn ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri tal-UE u l-Istati Uniti. , 16-Il Stat Membru diġà kellhom fis-seħħ ftehimiet “sema miftuħ”. Madanakollu, deher biċ-ċar li dan l-approċċ frammentat kien ostakolu billi impedixxa l-ikkompletar ta’ suq uniku ġenwin.
- Fl-2002, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat sentenzi f’każijiet imressqa quddiemha mill-Kummissjoni Ewropea (C-466/98, C-467/98, C468/98, C-469/98, C-472/98, C-475/98 u C-476/98). Dawn iċċaraw il-qsim tas-setgħat esterni bejn l-UE u l-Istati Membri u ċċaraw ċerti kwistjonijiet dwar il-libertà ta’ stabbiliment.
- B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni rċeviet awtorizzazzjoni biex tinnegozja ftehim tal-ajru mal-Istati Uniti li applika għall-UE kollha.
- Għal aktar informazzjoni, ara:
TERMINI EWLENIN
Id-drittijiet tat-tielet libertà. Fir-rigward ta’ servizzi tal-ajru internazzjonali skedati, id-dritt jew il-privileġġ, mogħti minn pajjiż wieħed lil ieħor, biex iniżżel, fit-territorju tal-ewwel pajjiż, traffiku li ġej mill-pajjiż ta’ oriġini tat-trasportatur.
Id-drittijiet tar-raba’ libertà. Fir-rigward ta’ servizzi tal-ajru internazzjonali skedati, id-dritt jew il-privileġġ, mogħti minn pajjiż wieħed lil ieħor, biex iniżżel, fit-territorju tal-ewwel pajjiż, traffiku ddestinat lejn il-pajjiż ta’ oriġini tat-trasportatur.
Id-drittijiet tal-ħames libertà. Fir-rigward ta’ servizzi tal-ajru internazzjonali skedati, id-dritt jew il-privileġġ, mogħti minn pajjiż wieħed lil ieħor, biex iniżżel u jtella’, fit-territorju tal-ewwel pajjiż, traffiku li ġej minn jew sejjer lejn pajjiż mhux tal-UE.
Is-seba’ libertà. Fir-rigward ta’ servizzi tal-ajru internazzjonali skedati, id-dritt jew il-privileġġ, mogħti minn pajjiż wieħed lil ieħor, tat-trasport tat-traffiku bejn it-territorju tal-pajjiż li jagħti d-dritt u kwalunkwe pajjiż mhux tal-UE. Dan ma jeħtieġx li s-servizz ikollu konnessjoni ma’ jew ikun estensjoni ta’ xi servizz lejn/mill-pajjiż tal-oriġini tat-trasportatur.
L-Ispazju Komuni Ewropew għall-Avjazzjoni (ECAA). Jinkludi l-Istati Membri, l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, l-Island, il-Kosovo
*, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, in-Norveġja u s-Serbja.
DOKUMENTI PRINĊIPALI
Il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru (ĠU L 134, 25.5.2007, pp. 4-41).
L-emendi suċċessivi għall-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.
Id-Deċiżjoni 2007/339/KE tal-Kunsill u tar-rRappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fil-Kunsill, tal-25 ta’ April 2007 dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istati Uniti tal-Amerika, min-naħa l-oħra (ĠU L 134, 25.5.2007, pp. 1-3).
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1110 tat-23 ta’ Jannar 2018 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istati Uniti tal-Amerika, min-naħa l-oħra (ĠU L 244, 29.7.2020, pp. 6-7).
DOKUMENTI RELATATI
Informazzjoni li tikkonċerna id-dħul fis-seħħ tal-Protokoll biex jemenda l-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha (ĠU L 126, 29.4.2022, p. 1).
Informazzjoni dwar id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Istati Uniti tal-Amerka, min-naħa l-oħra (ĠU L 261, 11.8.2020, p. 1).
Id-Deċiżjoni 2011/708/UE tal-Kunsill u tar-rRappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2011 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, bħala l-ewwel parti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala t-tieni parti, l-Islanda, bħala t-tielet parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala r-raba’ parti; u dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim Anċillari bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala l-ewwel parti, l-Islanda, bħala t-tieni parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala t-tielet parti, dwar l-applikazzjoni tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, bħala l-ewwel parti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, bħala t-tieni parti, l-Islanda, bħala t-tielet parti, u r-Renju tan-Norveġja, bħala r-raba’ parti (ĠU L 283, 29.10.2011, pp. 1-2).
Id-Deċiżjoni 2010/465/UE tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqa’ fi ħdan il-Kunsill, tal-24 ta’ Ġunju 2010 dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll li jemenda l-ftehim dwar it-trasport bl-ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, min-naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (ĠU L 223, 25.8.2010, pp. 1-2).
Protokoll li jemenda l-Ftehim tat-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, iffirmat fil-25 u t-30 ta’ April, 2007 (ĠU L 223, 25.8.2010, pp. 3-19).
l-aħħar aġġornament 06.05.2022