Il-vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom: spezzjonijiet mal-ġenb tat-triq tal-vetturi kummerċjali (sal-2018)
Iż-żieda fit-traffiku fi ħdan l-Unjoni Ewropea (UE) ġġib magħha problemi ta’ sikurezza u ambjentali simili għall-pajjiżi kollha tal-UE. Fl-interess tas-sikurezza fit-toroq, tal-ħarsien tal-ambjent u l-kompetizzjoni ġusta, l-UE b’hekk qed tarmonizza l-ittestjar mal-ġenb tat-triq tal-kundizzjoni tajba għat-triq ta’ vetturi bil-mutur kummerċjali u l-karrijiet tagħhom fi ħdan l-UE. Dawn huma applikabbli għall-vetturi kummerċjali maħsuba sabiex iġorru passiġġieri jew oġġetti
ATT
Direttiva 2000/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ġunju 2000 dwar l-ispezzjoni teknika tal-ġenb tat-triq biex jiġi stabbilit jekk il-vetturi kummerċjali li jiċċirkulaw fil-Komunità humiex tajba għat-triq
SOMMARJU
Din id-direttiva tistabbilixxi l-qafas legali u tissupplimenta r-regoli dwar kontrolli annwali obbligatorji fi stazzjonijiet tal-ittestjar għall-vetturi kummerċjali fuq it-triq, taħt id-Direttiva 2009/40/KE (li rrevokat id-Direttiva 96/96/KE fl-2009, u li hija stess ġiet irrevokata mid-Direttiva 2014/45/UE, li daħlet fis-seħħ fl-20 ta’ Mejju 2018).
Il-kontrolli mal-ġenb tat-triq huma kontrolli mhux imħabbra fuq vettura kummerċjali li tkun qed tivvjaġġa f'pajjiż tal-Unjoni Ewropea (UE). Dawn jitwettqu mill-awtoritajiet fit-toroq, fil-portijiet, jew fi kwalunkwe post ieħor meqjus xieraq.
Din id-direttiva tipprevedi li spezzjoni teknika mal-ġenb tat-triq għandha tinkludi wieħed, tnejn mill-aspetti segwenti jew kollha kemm huma:
— |
kontroll viżwali tal-istat ta’ manutenzjoni tal-vettura għaddejja fuq netwerk tat-toroq;
|
— |
kontroll tad-dokumenti relatati mal-konformità tal-vettura mal-ispezzjoni teknika mal-ġenb tat-triq u, jekk is-sewwieq jippreżentah, rapport tekniku reċenti tal-ispezzjoni mal-ġenb tat-triq;
|
— |
kontroll biex tiġi żvelata manutenzjoni ħażina (tajers lixxi, sistema tal-brejkijiet difettuża, eċċ.). F’dan il-każ, l-ispettur għandu jikkunsidra l-iktar dokumenti reċenti u kwalunkwe ċertifikat ieħor ta’ sikurezza.
|
Id-direttiva tipprovdi għall-introduzzjoni mill-pajjiżi tal-UE ta’ kontrolli regolari u xierqa mal-ġenb tat-triq li għandhom jitwettqu mingħajr diskriminazzjoni fir-rigward tan-nazzjonalità tas-sewwieq jew ir-reġistrazzjoni tal-vettura. Kull sena dawn għandhom ikopru parti sinifikanti u rappreżentattiva tal-vetturi kummerċjali tal-kategoriji kollha.
Kull sentejn, il-pajjiżi tal-UE iridu jibagħtu informazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea dwar is-sentejn preċedenti rigward in-numru ta’ vetturi kummerċjali kkontrollati.
Il-kontrolli mal-ġenb tat-triq previsti fid-direttiva jridu jitwettqu b’konformità ma’ checklist (Anness I). Ċertifikat bir-riżultati tal-kontroll fuq il-post għandu jingħata lis-sewwieq tal-vettura. Is-sewwieq irid ikun f’pożizzjoni li jippreżenta dan fuq talba sabiex jissimplifika jew jevita kontrolli sussegwenti.
Jekk il-qagħda tal-manutenzjoni ħażina tkun teħtieġ eżami iktar fid-dettall, il-vettura tista’ tkun suġġetta għal spezzjoni iktar mill-qrib fi stazzjon approvat għall-ittestjar tal-kundizzjoni tajba għat-triq.
L-użu ta’ vettura kummerċjali fuq l-awtostrada pubblika huwa pprojbit immedjatament:
— |
jekk ir-riżultati tal-kontroll mal-ġenb tat-triq juru li din ma tissodisfax l-istandards stabbiliti fid-direttiva (Anness II: Sistemi tal-brejkijiet, emissjoni tal-egżost), jew
|
— |
Jekk jintwera li ma tikkonformax mad-Direttiva 2009/40/KE waqt test sussegwenti tal-kundizzjoni tajba għat-triq f’ċentru tal-ittestjar approvat u
|
— |
jekk b’hekk tkun tikkostitwixxi riskju kbir għall-okkupanti tagħha jew għal utenti oħra tat-toroq.
|
In-nuqqasijiet serji ta’ vettura li tappartjeni għal persuna mhux residenti jridu jiġu rrappurtati lill-awtoritajiet fil-pajjiż tal-UE fejn tkun irreġistrata l-vettura. Il-pajjiż fejn ikun instab in-nuqqas imbagħad jista’ jitlob li tittieħed azzjoni kontra min ikun kiser il-liġi. Meta tittieħed azzjoni bħal din, il-pajjiż tar-reġistrazzjoni jrid jinforma lill-pajjiż fejn ikun ġie nnutat in-nuqqas dwar l-azzjoni li ttieħdet kontra min kiser il-liġi.
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tiddefinixxi ċerti standards minimi u metodi għall-ittestjar u li tadattahom għall-progress tekniku.
REFERENZI
Att |
Dħul fis-seħħ |
Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
Direttiva 2000/30/KE |
10.8.2000 |
9.8.2002 |
L-emendi u l-korrezzjonijiet suċċessivi għad-Direttiva 2000/30/KE ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata hija biss bħala referenza.
Annessi I u II
Direttiva 2010/47/UE (ĠU L 173, 8.7.2010, p. 33-46).
ATTI RELATATI
Direttiva 2014/47/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-ispezzjonijiet tekniċi waqt it-traġitt tal-affidabilità stradali ta’ vetturi kummerċjali li jiċċirkolaw fl-Unjoni u li tirrevoka d-Direttiva 2000/30/KE (ĠU L 127, 29.4.2014, p. 134-218).
Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2010/379/UE tal-5 ta’ Lulju 2010 dwar il-valutazzjoni tar-riskju tan-nuqqasijiet li jinstabu waqt spezzjonijiet tekniċi (ta’ vetturi kummerċjali) fit-triq skont id-Direttiva 2000/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 8.7.2010, p. 97-105).
Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-applikazzjoni mill-Istati Membri tad-Direttiva 2000/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ġunju 2000 dwar l-ispezzjoni teknika tal-ġenb tat-triq biex jiġi stabbilit jekk il-vetturi kummerċjali li jiċċirkulaw fil-Komunità humiex tajbin għat-triq. Il-Perjodu tar-Rappurtaġġ 2009-2010 (COM(2013) 303 final tal-24.5.2013).
Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Dwar l-applikazzjoni mill-Istati Membri tad-Direttiva 2000/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ġunju 2000 dwar l-ispezzjoni teknika tal-ġenb tat-triq biex jiġi stabbilit jekk il-vetturi kummerċjali li jiċċirkulaw fil-Komunità humiex tajba għat-triq. Perjodu ta' Rapportar 2011-2012 (COM(2014) 569 final tat-12.9.2014).
L-aħħar aġġornament: 13.08.2015