Vetturi ta' żewġ jew tliet roti b'mutur: komponenti u karatteristiċi

L-Unjoni Ewropea qiegħda taġġorna l-liġi tagħha dwar l-approvazzjoni ta' vetturi ta' żewġ jew tliet roti b'mutur. Sal-31 ta' Diċembru 2015, is-sistema eżistenti tkompli topera b'mod parallel ma' sistema ġdida introdotta f'Marzu 2013.

ATT

Id-Direttiva 97/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 1997 dwar ċerti komponenti u karatteristiċi ta' vetturi ta' żewġ jew tlett roti b'mutur [Ara atti emendatorji].

SOMMARJU

Il-vetturi koperti b'din id-Direttiva huma subdiviżi fi:

mopeds: vetturi b'żewġ jew tliet roti mgħammra b'magna li għandhom kapaċità li ma taqbiżx 50 cm3 u veloċità massima ddisinjata li ma taqbiżx 45 km/h.

muturi: vetturi b'żewġ roti mgħammra b'magna li għandhom kapaċità li ma taqbiżx 50 cm3 u veloċità massima ddisinjata ta' aktar minn 45 km/h.

triċikli: vetturi bi tliet roti mgħammra b'magna li għandhom kapaċità li ma taqbiżx 50 cm3 u veloċità massima ddisinjata ta' aktar minn 45 km/h.

kwadriċikli: vetturi li l-piż tagħhom meta ma jkunux mgħobbijin huwa inqas minn 350 kg, li l-veloċità massima ddisinjata tagħhom ma taqbiżx 45 km/h u li l-kapaċità tagħhom ma taqbiżx 50 cm3, jew (li s-saħħa tal-magna tagħhom) ma taqbiżx 4 kW.

Tinkorpora l-proċeduri għall-għoti tal-approvazzjoni tat-tip ta' komponent stabbiliti fid-Direttiva 2002/24/KE, għal:

tajers;

apparat tad-dawl u ta' senjalazzjoni bid-dawl;

tbassir estern;

mirja li bihom tara wara;

miżuri biex jiġġieldu t-tniġġis atmosferiku;

tankijiet tal-fjuwil;

apparat kontra t-tbagħbis;

kompatibilità elettromanjetika (tagħmir elettroniku li jaħdem qrib apparat elettromanjetiku ma għandux ikollu impatt negattiv fuq ir-riżultat jew il-prestazzjoni tagħhom);

livell ta' ħoss permessibbli u sistema ta' egżost (vetturi għandhom jikkonformaw mar-regoli tal-emissjoni tal-ħoss u tal-egżost);

apparat ta' twaħħil u tqabbid (eż. tow-bars għat-trejlers);

punti ta' twaħħil taċ-ċinturini tas-sigurta u ċinturini tas-sigurta;

ħġieġ, wajpers tal-windscreen, woxers tal-windscreen u sistemi ta' tneħħija ta' ġlata u ta' tneħħija ta' nida.

Ġiet stabbilita ekwivalenza bejn ċerti rekwiżiti tad-Direttiva (tajers, dawl u apparat ta' sinjalar tad-dawl, mirja li bihom tara wara u ċinturini tas-sigurta) u wħud mir-regolamenti maħruġin mill-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE).

Awtoritajiet f'pajjiżi tal-UE li jagħtu approvazzjoni skont it-tip ta' komponent b'hekk jaċċettaw l-approvazzjonijiet tat-tip ta' komponenti li jinħarġu skont ir-regolament tal-UNECE msemmija fuq.

Ir-Regolament (UE) Nru 168/2013 li jirrevoka d-Direttivi 97/24/KE u 2002/24/KE mill-31.12.2015.

SFOND

Ir-Regolament (UE) Nru 168/2013 daħal fis-seħħ fit-22 ta' Marzu 2013. Jekk mitlubin jagħmlu dan minn manifattur, l-awtoritajiet tal-pajjiżi tal-UE ma jistgħux jirrifjutaw approvazzjoni tat-tip tal-UE jew approvazzjoni tat-tip nazzjonali għal tip ġdid ta' vettura fejn il-vettura tikkonforma mar-Regolament. Lanqas ma jistgħu jipprojbixxu reġistrazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew id-dħul fis-servizz ta' vettura ġdida fejn il-vettura tikkonforma. Ir-Regolament (UE) Nru 168/2013 huwa akkompanjat b'4 atti delegati u implimentattivi li fihom hemm stabbiliti proċeduri ta' test u speċifikazzjonijiet tekniċi.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

Direttiva 97/24/KE

18.8.1997

17.12.1998

ĠU L 226 tat-18.8.1997, pp. 1-454

Att(i) li jemenda(w)

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

Direttiva 2002/51/KE

20.9.2002

31.3.2003

ĠU L 252 tal-20.9.2002, pp. 20-32

Direttiva 2003/77/KE

10.9.2003

3.9.2004

ĠU L 211 tal-21.8.2003, pp. 24-48

Direttiva 2005/30/KE

17.5.2005

17.5.2006

ĠU L 106 tas-27.4.2005, pp. 17-31

Direttiva 2006/27/KE

28.3.2006

31.12.2006

ĠU L 66 tat-8.3.2006, pp 7-15

Direttiva 2006/72/KE

8.9.2006

30.6.2007

ĠU L 227 tad-19.8.2006, pp. 43-45

Direttiva 2013/60/UE

11.12.2013

30.6.2014

ĠU L 329 tal-10.12.2013, pp. 15-38

ATTI RELATATI

Id-Direttiva 2002/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Marzu 2002 li għandha x'taqsam ma’ l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur b'żewġ roti jew bi tlieta u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/61/KEE (Ġurnal Uffiċjali L 124 tad-9.5.2002, pp. 1-44).

Regolament (UE) Nru 168/2013tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi b’żewġ jew tliet roti u kwadriċikli (Ġurnal Uffiċjali L 60 tat-2.3.2013, pp. 52-128).

L-aħħar aġġornament: 23.07.2015