Regoli ta’ proċedura tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
SOMMARJU TA’:
Id-Deċiżjoni 2009/937/UE li temenda r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu
X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLI TA’ PROĊEDURA?
- Ir-regoli ta’ proċedura jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedimenti tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (il-Kunsill).
- Is-setgħa li jadotta regoli ta’ proċedura hija konferita fuq il-Kunsill mill-Artikolu 240(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
- Anness III hu emendat kull sena, l-iktar riċenti f’Diċembru 2022, sabiex jirrifletti l-bidliet fil-popolazzjoni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE) u l-popolazzjoni ta’ kull Stat Membru għall-implimentazzjoni tal-proċedura għal votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill.
- Ir-regoli ta’ proċedura ġew emendati wkoll b’mod sostanzjali darbtejn — fl-2014 (Deċiżjoni 2014/692/UE, Euratom), rigward il-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata, u fl-2022 (Deċiżjoni (UE) 2022/1242), rigward ir-regola ta’ votazzjoni għal deċiżjonijiet mill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri (Coreper) biex tintuża l-proċedura ordinarja bil-miktub.
PUNTI EWLENIN
Il-Kunsill hu l-istituzzjoni tal-UE fejn rappreżentanti tal-Istati Membri jiltaqgħu. Kull Stat Membru hu rappreżentat minn rappreżentant fil-livell ministerjali li jista’ jimpenja l-gvern ta’ dak il-paajjiż. Flimkien mal-Parlament Ewropew, il-Kunsill jeżerċita funzjonijiet leġiżlattivi. Hu jadotta atti leġiżlattivi, wara l-proċedura leġiżlattiva ordinarja jew speċjali. il-Kunsill, flimkien mal-Parlament, jeżerċita funzjonijiet baġitarji. Fl-aħħarnett, il-Kunsill jagħmel funzjonijiet ta’ tfassil ta’ politika u ta’ koordinazzjoni.
Il-konfigurazzjonijiet tal-Kunsill
- Il-Kunsill jiltaqa’ f’10 konfigurazzjonijiet differenti skont is-suġġett ittrattat.
- Ħlief għal żewġ konfigurazzjonijiet (il-Kunsill Affarijiet Ġenerali u l-Kunsill Affarijiet Barranin), il-mandat ta’ kull konfigurazzjoni mhuwiex determinat mit-trattati u jsegwi l-prattika.
Il-presidenza tal-Kunsill
- Il-presidenza tal-Kunsill, ħlief għall-konfigurazzjoni tal-affarijiet barranin tinżamm ninn gruppi ta’ tliet Stati Membri stabbiliti minn qabel għal perjodu ta’ 18-il xahar. Kull membru tal-grupp jippresiedi l-konfigurazzjonijiet kollha tal-Kunsill bl-eċċezzjoni tal-konfigurazzoni tal-affarijiet barranin, għal 6 xhur. Il-grupp ta’ tliet Stati Membri jipprepara abbozz ta’ programm tal-attivitajiet tal-Kunsill għal perjodu ta’ 18-il xahar li hu approvat mill-Kunsill Affarijiet Ġenerali wara li jkun hemm diskussjoni pubblika fuqu.
- Il-Kunsill Affarijiet Barranin għandu president permanenti: ir- Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà. Hu possibbli li r-Rappreżentant Għoli jkun sostitwit minn Stat Membru li jkollu l-presidenza tal-Kunsill. Normalment dan jiġri meta l-Kunsill jitlaqa’ biex jiddiskuti kwistjonijiet ta’ politika kummerċjali komuni.
- Il-presidenza hija l-forza li tmexxi l-ħidma tal-Kunsill.
Coreper, kumitati u gruppi ta’ ħidma
- il-Kunsill hu appoġġjat minn Coreper u minn iktar minn 150 grupp ta’ ħidma u kumitati speċjalizzati, li huma l-korpi preparatorji tal-Kunsill.
- Coreper iħejji l-ħidma tal-laqgħat kollha tal-Kunsill u jwettaq il-kompiti assenjati lilu mill-Kunsill. Il-Coreper 2 huwa magħmul minn rappreżentanti permanenti, filwaqt li l-Coreper 1 huwa magħmul minn deputati rappreżentanti permanenti.
- Coreper:
- jassikura konsistenza tal-politiki u azzjonijiet tal-UE u l-osservanza tal-prinċipji ta’ legalità, sussidjarjetà, proporzjonalità, u tar-regoli li jistabbilixxu l-poteri tal-istituzzjonijiet tal-UE, korpi, uffiċċji u aġenziji, flimkien mar-regoli dwar proċedura, trasparenza u kwalità ta’ abbozzar;
- jeżamina minn qabel l-punti kollha fuq l-aġenda għal laqgħa tal-Kunsill u hu responsabbli għall-preparazzjoni ta’ kull fajl għall-Kunsill;
- jipprova jilħaq qbil għal kull fajl fil-livell tiegħu, li mbagħad jissottometti lill-Kunsill;
- jista’ jwaqqaf kumitati jew gruppi ta’ ħidma sabiex iwettqu kompiti jew studji ta’ tħejjija;
- jista’ jadotta numru ta’deċiżjonijiet proċedurali, bħad-deċiżjoni li jżomm laqgħa tal-Kunsill f’post ieħor u mhux fi Brussell jew il-Lussemburgu, id-deċiżjoni li juża proċedura bil-miktub, eċċ
Il-Funzjonament tal-Kunsill
- Il-Kunsill għandu s-sede tiegħu fi Brussell, iżda jagħmel il-laqgħat tiegħu fil-Lussemburgu f’April, Ġunju u Ottubru.
- Is-sessjonijiet tal-Kunsill jissejħu mill-president, fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba ta’ wieħed mill-membri tiegħu jew tal-Kummissjoni Ewropea. Il-president jistabbilixxi l-aġenda proviżjorja għal kull laqgħa tal-Kunsill.
- Il-kworum għandu jiġi vverifikat qabel jittieħed vot. Dan jintlaħaq jekk il-maġġoranza tal-membri tal-Kunsill ikunu fiżikament preżenti. Il-Kunsill jivvota fuq l-inizjattiva tal-president tiegħu. Barra minn dan, il-president jiftaħ il-proċedura tal-votazzjoni fuq l-inizjattiva ta’ membru tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni, basta li l-maġġoranza tal-membri tal-Kunsill jiddeċiedu hekk.
Votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata
Fl-1 ta’ Novembru 2014, iddaħħlet proċedura ġdida għal votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata, ir-regola dwar maġġoranza kwalifikata.
- Meta l-Kunsill jivvota fuq proposta mill-Kummissjoni jew mir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u Politika ta’ Sigurtà tal-UE, ikun hemm maġġoranza kwalifikata jekk jintlaħqu żewġ kundizzjonijiet:
- 55% tal-membri tal-Kunsill jivvutaw favur — jiġifieri 15 minn 27 (minn mindu r-Renju Unit telaq mill-UE);
- il-proposta tiġi appoġġjata mill-membri tal-Kunsill li jirrapreżentaw mill-inqas 65% tal-popolazzjoni tal-UE.
- Meta l-Kunsill ma jaġixxix fuq proposta mill-Kummissjoni jew mir-Rappreżentant Għoli, deċiżjoni tiġi adottata jekk:
- hemm 72% tal-membri tal-Kunsill li jivvutaw favur; u
- dawn jirrappreżentaw mill-inqas 65% tal-popolazzjoni tal-UE.
Voti bil-miktub (proċedura ordinarja bil-miktub)
- Atti tal-Kunsill fuq kwistjoni urġenti jistgħu jiġu adottati b’vot bil-miktub fejn il-Kunsill jiddeċiedi b’mod unanimu li juża dik il-proċedura jew fejn Coreper jiddeċiedi li juża dik il-proċedura konformi mar-regola applikabbli ta’ votazzjoni għall-adozzjoni tal-atti tal-Kunsill konċernati.
- F’ċirkostanzi speċjali, il-president jista’ jipproponi wkoll l-użu ta’ dik il-proċedura; f’dak il-każ, jistgħu jintużaw voti bil-miktub fejn il-membri kollha tal-Kunsill jaqblu ma’ dik il-proċedura.
It-trasparenza u l-pubblikazzjoni tal-atti tal-Kunsill
- Id-deliberazzjonijiet u l-voti dwar l-atti leġiżlattivi huma miftuħa għall-pubbliku.
- L-ewwel deliberazzjoni tal-Kunsill fuq proposti ġodda importanti li mhumiex leġiżlattivi li għandhom regoli legalment vinkolanti ġo jew għal Stati Membri hi miftuħa għall-pubbliku.
- Fuq deċiżjoni meħuda mill-Kunsill jew minn Coreper, il-Kunsill jorganizza dibattiti pubbliċi dwar kwistjonijiet importanti li jaffettwaw l-interessi tal-UE u ċ-ċittadini tiegħu. Il-Kunsill jagħmel ukoll għadd ta’ dibattiti ta’ orjentazzjoni fil-pubbliku.
- Atti leġiżlattivi jridu jkunu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali, kif ukoll regolamenti u direttivi, li huma indirizzati lill-istati Membri kollha, deċiżjonijiet, li ma jispeċifikawx lil min huma indirizzati, u ftehimiet internazzjonali konklużi mill-UE. Artikolu 17 tar-Regoli ta’ Proċedura jelenka atti oħra li jridu jkunu ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali, inkluż meta l-Kunsill jew Coreper jiddeċiedi hekk.
MINN META JAPPLIKAW IR-REGOLI TA’ PROĊEDURA?
Dawn ilhom japplikaw mill-1 ta’ Diċembru 2009.
SFOND
Għal aktar informazzjoni, ara:
DOKUMENTI PRINĊIPALI
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta’ Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (ĠU L 325, 11.12.2009, pp. 35-61).
L-emendi suċċessivi tad-Deċiżjoni 2009/937/UE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.
l-aħħar aġġornament 01.01.2023