Dritt ta’ aċċess għal avukat (proposta)

Din il-proposta għal direttiva għandha l-għan li tiggarantixxi fl-Unjoni Ewropea (UE) kollha, id-dritt tas-suspettati u tal-persuni akkużati f’kawża penali sabiex jibbenefikaw mis-servizzi ta’ avukat kif ukoll li jinfurmaw lill-qraba tagħhom (u lill-awtoritajiet konsulari jekk jinstabu barra pajjiżhom) dwar l-arrest tagħhom.

PROPOSTA

Proposal for a Directive of the European Parliament and of the Council on the right of access to a lawyer in criminal proceedings and on the right to communicate upon arrest [COM(2011) 326 final - Not published in the Official Journal] (Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dritt ta' aċċess għal avukat fi proċedimenti kriminali u d-dritt ta’ komunikazzjoni mal-arrest (COM(2011) 326 finali – Mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)).

SOMMARJU

Id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal smigħ ġust, li d-dritt ta’ aċċess għal avukat jagħmel parti minnhom, huma stabbiliti fil-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea (UE) u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (EN) (FR).

Sabiex dan id-dritt jiġi ggarantit għall-persuni kollha suspettati jew mixlija f’kawża penali fit-territorju tal-UE, il-Kummissjoni tippreżenta proposta li tipprevedi normi komuni minimi għall-Istati Membri kollha.

Prinċipju

Fi ħdan proċedura penali, id-dritt ta’ aċċess għal avukat irid jiġi ggarantit lill-persuni li ġejjin:

Jekk jiġu arrestati matul il-proċedura, dawn il-persuni jrid ikollhom anki d-dritt li jikkomunikaw ma’ tal-inqas persuna waħda li jagħżlu huma, bħal ġenitur jew impjegatur. Iċ-ċittadini barranin jridu jkunu jistgħu jikkuntattjaw lill-ambaxxata jew lill-konsulat tagħhom.

Dawn id-drittijiet japplikaw meta persuna tkun informata li hija ssuspettata jew mixlija għaliex wettqet reat u sa tmiem il-proċedura. Il-persuni soġġetti għal mandat ta’ arrest Ewropew iridu jibbenefikaw minn dawn id-drittijiet sa mill-arrest tagħhom.

Implimentazzjoni

Kull persuna suspettata jew mixlija fil-qafas ta’ proċedura penali jrid ikollha aċċess għal avukat fl-iqsar żmien possibbli u fi kwalunkwe każ fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

Persuna soġġetta għal mandat ta’ arrest Ewropew trid tibbenefika mis-servizzi ta’ avukat fl-Istat Membru fejn tiġi arrestata iżda anki f’dak minn fejn ħareġ il-mandat. L-avukat preżenti fil-pajjiż li jkun ħareġ il-mandat mhuwiex sejjer jibqa’ inkarigat mill-kawża iżda jikkollabora mal-avukat l-ieħor sabiex jippermetti lill-persuna kkonċernata teżerċita d-drittijiet tagħha.

Persuna suspettata jew mixlija għandha d-dritt li tiltaqa’ mal-avukat Dawn il-laqgħat iridu jkunu twal u frekwenti biżżejjed sabiex jippermettu l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża.

L-avukat irid ikun awtorizzat jassisti għall-interrogazzjonijiet jew għas-smigħ kollha, kif ukoll għal kull miżura investigattiva jew ta’ kumpilazzjoni tal-provi li għaliha l-leġiżlazzjoni nazzjonali teħtieġ jew tawtorizza l-preżenza tal-persuna suspettata jew mixlija. Jista’ wkoll jagħmel aċċess għall-post ta’ detenzjoni sabiex jivverifika l-kundizzjonijiet tal-priġunerija.

Il-komunikazzjonijiet kollha, ta’ kwalunkwe forma, bejn avukat u l-klijent tiegħu huma kunfidenzjali.

F'każ ta' ksur tad-dritt ta’ aċċess għal avukat, il-persuna suspettata jew mixlija jrid ikollha l-mezz ta’ appell li l-effett tiegħu huwa li jqiegħda fis-sitwazzjoni li kienet tkun fiha li kieku ma seħħx il-ksur. Id-dikjarazzjonijiet jew l-elementi ta’ prova kollha miksubin bi ksur tad-dritt ta’ aċċess għal avukat ma jistgħux jintużaw kontriha.

Eċċezzjonijiet

F’ċirkostanzi eċċezzjonali, u wara awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja, jistgħu jiġu sospiżi d-drittijiet ta’ aċċess għal avukat, ta’ komunikazzjoni ma’ persuna terza u mal-ambaxxata jew il-konsulat tagħha. Id-deroga trid tkun iġġustifikata mill-ħtieġa ta’ prevenzjoni ta’ attentat gravi fuq il-ħajja jew l-integrità fiżika ta’ persuna. Fi kwalunkwe każ, din id-deroga ma tridx tkun ibbażata biss fuq il-gravità tal-ksur li bih hija akkużata l-persuna. Trid tkun proporzjonata għas-sitwazzjoni, b’dewmien limitat kemm jista’ jkun u ma xxekkilx is-smigħ ġust.

Persuna suspettata jew mixlija tista’ anki tiċħad milli tiġi assistita minn avukat. Din iċ-ċaħda trid issir b’mod volontarju u b’mod ċar. Il-persuna trid tiġi mgħarrfa bil-konsegwenzi ta’ din id-deċiżjoni u tkun kapaċi tifhimhom.

Kuntest

It-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali tal-persuni suspettati jew mixlijin fil-kuntest tal-proċeduri penali huwa wieħed mill-għanijiet ta' programm ta' Stokkolma. Din il-proposta tagħmel parti minn sett ta’ miżuri li jinkludu Direttiva dwar id-dritt għal interpretazzjoni u traduzzjoni u oħra, li qed tiġi diskussa, dwar dritt għall-informazzjoni fi proċedimenti kriminali.

Il-proposta mhijiex sejra tidħol fis-seħħ ħlief wara l-analiżi u l-adozzjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. It-test finali tad-direttiva jista’ jkun differenti minn dak tal-proposta tal-Kummissjoni.

Referenzi

Proposta

Ġurnal Uffiċjali

Proċedura

COM(2011) 326

2011/154/COD

ATTI RELATATI

Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar pjan direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta' persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali (ĠU C 295, 4.12.2009).

L-aħħar aġġornament: 13.10.2011