Politika tal-migrazzjoni Ewropea globali

Il-Kummissjoni tippreżenta serje ta’ miżuri bil-għan li tidħol fis-seħħ politika tal-migrazzjoni Ewropea globali, ibbażata fuq solidarjetà akbar bejn l-Istati Membri u li tippermetti lill-Unjoni Ewropea (UE) sabiex tilqa’ aħjar għall-isfidi imposti mill-migrazzjoni.

ATT

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-4 ta’ Mejju 2011, intitolata “Komunikazzjoni dwar il-migrazzjoni” [COM(2011) 248 - Mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali].

SOMMARJU

L-irvelli fil-pajjiżi Għarab tar-rebbiegħa 2011 wasslu għal influss kbir ta’ immigranti min-Nofsinhar tal-Mediterran, li daħlu b’mod illegali fl-Unjoni Ewropea (UE) billi niżlu fuq ix-xtut Taljani u Maltin. L-UE ħadet miżuri ta’ urġenza sabiex tilqa’ kontra din is-sitwazzjoni. Minkejja dan, dawn l-avvenimenti kixfu l-limiti tal-mezzi tal-UE fil-kwistjoni tal-migrazzjoni u l-ħtieġa għal solidarjetà akbar bejn l-Istati Membri f’dan il-qasam.

B’hekk, il-Kummissjoni tippreżenta inizjattivi bil-għan li tidħol fis-seħħ politika migratorja Ewropea globali, li kapaċi tilqa’ aktar kontra l-isfidi imposti mill-migrazzjoni. Din il-politika trid tirrispetta t-tradizzjoni Ewropea dwar l-asil u l-protezzjoni filwaqt li tipprevjeni l-qsim irregolari tal-fruntieri.

Huma indirizzati diversi aspetti tal-migrazzjoni:

Il-kontroll fil-fruntieri esterni tal-UE jrid ikun effikaċi u jippermetti li jinżamm livell għoli ta’ sigurtà filwaqt li jiffaċilita l-passaġġ ta’ persuni awtorizzati li jidħlu fl-UE. Il-Kummissjoni biħsiebha ssaħħaħ ir-regoli komuni eżistenti. B’mod partikolari, din tipprevedi li toħloq sistema Ewropea ta’ għassiesa tal-fruntieri. Tisħaq ukoll dwar it-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u tal-iskambju tal-informazzjoni operattiva f’każ ta’ inċident fi fruntieri esterni, b’mod partikolari grazzi għas-sistema EUROSUR. Iridu jissaħħu wkoll il-kapaċitajiet operattivi tal-aġenzija Frontex.

L-evalwazzjoni tal-applikazzjoni tar-regoli tax-Schengen mill-Istati Membri trid issir fil-livell tal-UE, bil-parteċipazzjoni ta’ esperti tal-Istati Membri u tal-Frontex, taħt it-tmexxija tal-Kummissjoni. Din tal-aħħar tipprevedi wkoll li tistabbilixxi mekkaniżmu li jippermetti sabiex tittieħed deċiżjoni, fil-livell Ewropew, dwar l-introduzzjoni mill-ġdid b’mod eċċezzjonali tal-kontrolli fil-fruntieri interni.

Fl-aħħar nett, għall-prevenzjoni tal-immigrazzjoni irregolari, il-Kummissjoni tinsisti fuq il-bżonn ta’ politika Ewropea ta’ ritorn (il-klandestini li ma għandhomx bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali jintbagħtu lura lejn pajjiżhom) li tkun ekwilibrata u effikaċi. Tisħaq sabiex l-Istati Membri kollha jittrasponu fil-liġi nazzjonali tagħhom id-Direttiva ta’ "ritorn" dwar standards u proċeduri komuni għar-ritorn ta’ immigranti klandestini, kif ukoll id-Direttiva li tissanzjona l-impjieg ta' persuni b'residenza illegali. Fl-aħħar, tirrikonoxxi l-effikaċja tal-ftehimiet ta’ riammissjoni mal-pajjiżi terzi, iżda tqis li dawn tal-aħħar iridu jiġu previsti fil-qafas tar-relazzjonijiet globali tal-UE mal-pajjiżi kkonċernati u akkumpanjati minn inċentivi li jgħinu lill-pajjiżi sabiex jimplimentawhom.

Il-Kummissjoni tappoġġja mobilità aktar organizzata bbażata fuq il-kooperazzjoni (bejn l-aġenziji Ewropej Frontex u Europol, u bejn l-awtoritajiet doganali u l-pulizija nazzjonali) kif ukoll fuq it-teknoloġiji l-ġodda. Skema Ewropea ta’ dħul/ħruġ tippermetti b’mod partikolari sabiex id-dejta relatata mal-qsim tal-fruntieri minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi ssir aċċessibbli għall-awtoritajiet. Min-naħa tiegħu, programm ta’ reġistrazzjoni tal-vjaġġaturi jkun jippermetti sabiex il-kontroll fil-fruntieri jiġi awtomatizzat għall-persuni li jivjaġġaw ta’ spiss.

Anki l-politika tal-viża hija strument importanti f’termini ta’ mobilità. Sabiex jiġi evitat kull tip ta’ abbuż tal-iskemi ta’ liberalizzazzjoni tal-viża, il-Kummissjoni tipproponi l-introduzzjoni ta’ dispożizzjoni ta' salvagwardja li tippermetti li jerġa’ jiddaħħal b’mod temporanju l-obbligu ta’ viża għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jibbenefikaw minn din l-iskema.

Fl-istess ħin, l-Unjoni tirrikonoxxi li l-migranti huma ħaddiema indispensabbli għall-UE, sabiex jiġi kopert in-nuqqas ta’ ħaddiema f’ċerti setturi bħal impjiegi bi kwalifiki għoljin. Għalhekk, huwa importanti li jiġu rikonoxxuti l-kwalifiki tagħhom u li jiġu ffaċilitati l-proċeduri amministrattivi. Il-Kummissjoni tistenna progress fil-proġett ta’ permess waħdieni li jawtorizza lill-barranin sabiex jgħixu u jaħdmu fi Stat Membru u titlob lill-pajjiżi tal-UE sabiex jittrasponu fil-liġi nazzjonali tagħhom id-Direttiva dwar il-karta blu Ewropea li tiffaċilita r-reklutaġġ ta’ persuni bi kwalifiki għoljin. Ippreżentat ukoll proposti rigward il-vjaġġaturi staġjonali u għal persuni trasferiti b’mod temporanju mill-kumpanija tagħhom. Sabiex il-migranti jingħataw tagħrif ċar u prattiku, din is-sena, il-Kummissjoni qiegħda tniedi l-Portal tal-UE dwar l-immigrazzjoni.

Finalment, l-integrazzjoni tal-migranti fis-soċjetà Ewropea trid issir filwaqt li jiġi rispettat bilanċ bejn id-drittijiet tal-migranti u l-liġijiet u l-kulturi tal-pajjiż ospitanti. Din teħtieġ sforzi kemm min-naħa tal-migranti kif ukoll mill-pajjiżi ospitanti. Integrazzjoni ta’ suċċess hija essenzjali sabiex jiġu sfruttati kemm jista’ jkun il-vantaġġi ekonomiċi, soċjali u kulturali kollha tal-immigrazzjoni, bi gwadann għall-persuni kif ukoll għas-soċjetajiet. F’Lulju 2011, il-Kummissjoni ppreżentat Aġenda Ewropea għall-integrazzjoni ta' persuni bin-nazzjonalità ta' pajjiżi terzi.

L-implimentazzjoni tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil trid tinkiseb sal-2012. Din tal-aħħar għandha l-għan li tnaqqas id-differenzi bejn il-pajjiżi tal-UE f’dak li jikkonċerna r-riżultati tat-talbiet ta’ asil, u li tiggarantixxi sett komuni ta’ liġijiet u proċeduri kif ukoll ir-rispett tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra dwar l-Istatus tar-Refuġjati. L-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil se jsaħħaħ il-kooperazzjoni f’dan il-qasam.

Il-Kummissjoni tinsisti sabiex ir-risistemazzjoni tar-rifuġjati (risistemazzjoni permanenti fi Stat Membru ta’ rifuġjat li kiseb il-protezzjoni f’pajjiż terz) issir parti integrali mill-politika Ewropea dwar l-asil.

Il-mistoqsijiet marbutin mal-migrazzjoni jridu jiġu integrati mar-relazzjonijiet esterni globali tal-UE. Irid jinstab bilanċ aħjar bejn l-organizzazzjoni tal-migrazzjoni legali, il-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari u l-massimizzazzjoni tal-vantaġġi reċiproċi għall-iżvilupp li l-migrazzjoni ġġib magħha. Id-dimensjoni umana trid tissaħħaħ permezz ta’ approċċ iffukat fuq il-migranti.

F’dak li jikkonċerna l-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran, l-Unjoni pproponitilhom djalogu strutturat dwar il-migrazzjonijiet bil-għan li jitwaqqfu sħubijiet għall-mobilità maħsuba sabiex jiffaċilitaw l-aċċess taċ-ċittadini tagħhom għat-territorju tal-UE bi skambju mal-kollaborazzjoni tagħhom fil-ġestjoni tal-flussi migratorji. Barra minn hekk, il-Kummissjoni sejra tirrevedi l-politika tagħha tal-viċinat ma’ dawn il-pajjiżi.

L-aħħar aġġornament: 09.10.2011