It-tisħiħ tad-drittijiet tal-vittmi fl-UE

L-għan ta' din il-liġi tal-UE huwa li tiżgura r-rikonoxximent reċiproku tal-miżuri ta' protezzjoni fi kwistjonijiet ċivili sabiex jissaħħu d-drittijiet tal-vittmi fl-UE.

ATT

Regolament (UE) Nru 606/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ miżuri ta’ protezzjoni f’materji ċivili ĠU L 181 tad-29.6.2013

SOMMARJU

Ir-Regolament tal-UE jistabbilixxi regoli għal mekkaniżmu sempliċi u rapidu għar-rikonoxximent ta' miżuri ta' protezzjoni fi kwistjonijiet ċivili ordnati f'pajjiżi tal-UE.

L-għan huwa li jiżgura li, mingħajr ma l-vittmi joqogħdu jgħaddu minn proċeduri li jieħdu ħafna ħin, il-vittmi ta' vjolenza (perżempju vjolenza domestika) jew persuni li l-integrità fiżika u/jew psikoloġika jew li l-libertà tagħhom tkun f'riskju u li jibbenefikaw minn miżura ta' protezzjoni meħuda f'wieħed mill-pajjiżi tal-UE, jibbenefikaw mill-istess livell ta' protezzjoni f'pajjiżi oħrajn tal-UE jekk jiċċaqilqu jew jivvjaġġaw.

Miżura ta' protezzjoni f'pajjiż tal-UE wieħed hija ddisinjata sabiex tipproteġi lill-vittmi ta' vjolenza (eż. vjolenza domestika, fastidju jew vjolenza kontra t-tfal) jekk l-integrità fiżika u/jew psikoloġika jew il-libertà ta' dik il-persuna tkun f'riskju.

Il-miżuri ta' protezzjoni huma maħruġin minn awtorità ġudizzjarja jew minn awtorità oħra fuq talba tal-persuna f'riskju. Ħafna minnhom huma ordnati mingħajr ma l-persuna li tikkawża r-riskju tissejjaħ biex tidher, b'mod partikolari fil-każ ta' proċeduri ta' urġenza.

Aktar nies qed imorru jew qed jivjaġġaw barra. Għalhekk huwa estremament importanti li jiġi żgurat li tali protezzjoni temporanja pprovduta f'wieħed mill-pajjiżi tal-UE tinżamm meta persuna tivvjaġġa jew tmur lejn pajjiż tal-UE ieħor mingħajr ma jkollha għalfejn tgħaddi minn proċeduri li jikkunsmaw ħafna ħin.

Ċertifikat b'aktar minn lingwa waħda standardizzat huwa mfassal sabiex iħaffef il-proċess billi jiżgura li l-pajjiż tal-UE fejn tkun marret il-persuna f'riskju jirrikonoxxi l-miżura ta' protezzjoni maħruġa mill-ewwel pajjiż tal-UE mingħajr formalitajiet intermedji.

Iċ-ċertifikat fih l-informazzjoni kollha relevanti għar-rikonoxximent u fejn applikabbli, infurzar tal-miżura ta' protezzjoni. Il-mod kif inhu mfassal li jaħdem hu kif ġej:

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Skadenza għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Regolament (UE) Nru 606/2013

11.1.2015

-

ĠU L 181 29.6.2013

ATTI RELATATI

Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI [Ġurnal Uffiċjali ĠU L 315 tal-14.11.2012]

Din id-Direttiva tissostitwixxi d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2001/220/JHA dwar il-pożizzjoni tal-vittmi fi proċeduri kriminali. Tfittex li tippromwovi dawn li ġejjin: id-dritt għad-dinjità, il-ħajja, l-integrità fiżika u mentali, il-libertà u s-sigurtà, ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, id-dritt għall-proprjetà, il-prinċipju ta' non-diskriminizzazzjoni, il-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, id-drittijiet tal-ulied, l-anzjani u l-persuni b'disabilitajiet, u d-dritt ta' proċess ġust, b'mod partikolari biex jiġu stabbiliti standards minimi dwar il-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità fuq livell tal-UE.

L-aħħar aġġornament: 07.03.2014