Kooperazzjoni Ewropea dwar il-prevenzjoni tal-kriminalità

Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/902/ĠAI - li tistabbilixxi Network Ewropew għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità (EUCPN)

ATT

Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/902/ĠAI tat-30 ta’ Novembru 2009 li tistabbilixxi Network Ewropew għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità (EUCPN) u li tħassar id-Deċiżjoni 2001/427/ĠAI

SOMMARJU

Il-politika ta’ prevenzjoni tal-kriminalità fl-Unjoni Ewropea (UE) hija msaħħa permezz ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet fuq livell nazzjonali u lokali, u permezz ta’ esperti u prattikanti oħrajn fil-qasam.

X’TAGĦMEL ID-DEĊIŻJONI?

Tistabbilixxi n-Netwerk Ewropew għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità (EUCPN) biex jgħin fl-iżvilupp ta’ miżuri ta’ prevenzjoni kontra l-kriminalità fl-UE. Tipprovdi qafas għal kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE; in-netwerk jappoġġja wkoll attivitajiet għall-prevenzjoni tal-kriminalità fil-livell nazzjonali u lokali.

PUNTI EWLENIN

L-EUCPN huwa responsabbli biex:

itejjeb il-kooperazzjoni, il-kuntatti u l-iskambji ta’ informazzjoni bejn il-partijiet interessati;

jiġbor, jivvaluta u jaqsam informazzjoni dwar il-prevenzjoni tal-kriminalità;

jorganizza konferenzi u attivitajiet għall-iżvilupp tal-prevenzjoni tal-kriminalità u jaqsam ir-riżultati tal-ħidma dwar il-prevenzjoni tal-kriminalità;

jipprovdi għarfien espert lill-istituzzjonijiet Ewropej (lill-Kunsill u lill-Kummissjoni);

jirrapporta annwalment lill-Kunsill dwar il-ħidma tiegħu;

jiżviluppa u jimplimenta programm ta’ ħidma li jindirizza t-theddid rilevanti mill-kriminalità.

L-għanijiet tal-EUCPN jinkisbu permezz ta’ Programm ta’ Ħidma annwali, parti minn strateġija pluriennali (2010-15).

In-netwerk huwa magħmul minn:

Bord - responsabbli għall-ġestjoni ġenerali tiegħu;

Segretarjat - jipprovdi appoġġ amministrattiv lill-Bord;

punti ta’ kuntatt - jappoġġjaw l-iskambji ta’ informazzjoni u ta’ għarfien espert bejn ir-rappreżentanti nazzjonali.

Attivitajiet

L-EUCPN iwettaq għadd ta’ attivitajiet fosthom:

jippromwovi l-prattika tajba - permezz ta’ bażi ta' dejta li fiha eżempji minn madwar l-UE kollha ta’ inizjattivi u proġetti dwar il-prevenzjoni tal-kriminalità (li jvarjaw mill-prevenzjoni ta’ reati vjolenti għaċ-ċiberkriminalità);

jorganizza l-Konferenza dwar l-Aħjar Prattika - avveniment annwali għal dawk li jfasslu l-politika, għall-prattikanti u għar-riċerkaturi għall-kondiviżjoni u t-trażmissjoni ta’ esperjenzi u tal-aħjar prattiki fil-prevenzjoni tal-kriminalità, kif ukoll is-sikurezza u s-sigurtà fil-pajjiżi tal-UE;

jippreżenta l-Premju Ewropew għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità li l-għan tiegħu huwa li jippremja l-aqwa proġett Ewropew għall-prevenzjoni tal-kriminalità. Il-premju huwa miftuħ għal kwalunkwe proġett, inizjattiva jew pakkett ta’ miżuri mfassla biex jitnaqqsu l-kriminalità u l-biża mill-kriminalità fit-tema speċifikata;

il-ġbir u l-promozzjoni ta’ sejbiet u attivitajiet ibbażati fuq ir-riċerka għall-prevenzjoni tal-kriminalità. “Sett ta’ Għodod” dwar aspetti speċifiċi tal-prevenzjoni tal-kriminalità li l-għan tagħhom huwa li jinfurmaw, jappoġġjaw u jispiraw lill-prattikanti lokali u lil dawk li jfasslu l-politika b’tagħrif attwali fil-forma ta’ dokument faċli biex jinqara;

il-ħolqien u ż-żamma ta’ arkivju ta’ studji, artikoli u dokumenti oħrajn dwar il-prevenzjoni tal-kriminalità aċċessibbli permezz ta’ magna tat-tiftix għal librerija elettronika fuq is-sit tal-EUCPN.

MINN META TAPPLIKA DIN ID-DEĊIŻJONI?

Mit-30 ta' Novembru 2009.

Għal aktar tagħrif ara s-sit elettroniku tan-Netwerk Ewropew tal-Prevenzjoni tal-Kriminalita.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Deċiżjoni 2009/902/ĠAI

30.11.2009

-

ĠU L 321 tat-8.12.2009, pp. 44-46

L-aħħar aġġornament: 13.08.2015