Is-seba' programm qafas (2007-2013)

Ir-riċerka tifforma parti mit-“triangolu tal-għarfien” li għandu jsaħħaħ it-tkabbir u l-impjiegi tal-Unjoni Ewropea (UE) f'ekonomija globalizzata. Is-seba' programm qafas għar-riċerka, li jkopri l-perjodu 2007-2013, huwa okkażjoni għall-UE biex tpoġġi l-politika tagħha ta' riċerka fuq il-livell tal-ambizzjonijiet ekonomiċi u soċjali tagħha billi tikkonsolida ż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER). Sabiex tilħaq dan l-objettiv, il-Kummissjoni tixtieq iżżid il-baġit annwali tal-UE fil-qasam tar-riċerka sabiex b'hekk twassal għal aktar investiment nazzjonali u privat. Is-seba' programm qafas, li jinsab fi stadju ta' implimentazzjoni, għandu jirrispondi wkoll għall-ħtiġijiet, f'termini ta' riċerka u ta' għarfien, tal-industrija u b'mod aktar ġenerali tal-politiki Ewropej. Dan huwa artikolat madwar erba' programmi prinċipali u ġie ssimplifikat ħafna sabiex ikun aktar aċċessibbli għar-riċerkaturi u aktar effikaċi.

ATTI

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1982/2006/KE dwar is-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013).

Deċiżjoni tal-Kunsill 969/2006/KE tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) għar-riċerka nukleari u attivitajiet ta' taħriġ (2007-2011).

SINTEŻI

Is-7 programm qafas huwa adattat għall-bżonnijiet tal-UE f'termini ta' tkabbir u impjiegi. Wara konsultazzjoni pubblika wiesgħa, erba' objettivi prinċipali ġew identifikati li jikkorrispondu għal erba' programmi speċifiċi li għandhom jistrutturaw l-isforz ta' riċerka Ewropea.

Erba' programmi speċifiċi prinċipali

Il-programm Kooperazzjoni għandu l-objettiv li jistimula l-kooperazzjoni u li jsaħħaħ ir-rabtiet bejn l-industrija u r-riċerka f'qafas transnazzjonali. L-objettiv huwa li tinbena u tiġi kkonsolidata leadership Ewropea fl-oqsma ewlenin tar-riċerka. Dan jinkludi 9 temi, li huma awtonomi fil-ġestjoni tagħhom iżda kumplimentari fl-implimentazzjoni tagħhom:

Il-programm Ideat għandu jservi biex isaħħaħ ir-riċerka esploratorja fl-Ewropa, jiġifieri l-iskoperta ta' għarfien ġdid li jbiddel fundamentalment il-viżjoni tagħna tad-dinja u l-mod kif ngħixu. Għal dan il-għan, il-Kunsill Ewropew ġdid tar-riċerka ser jappoġġja proġetti ta' riċerka mill-aktar ambizzjużi u innovattivi. Għal din l-istruttura l-ġdida fil-quċċata tar-riċerka Ewropea, kunsill xjentifiku ġdid ser jiddefinixxi l-prijoritajiet u l-istrateġiji xjentifiċi b'mod awtonomu. L-għan huwa li jissaħħu l-eċċellenza u r-riċerka Ewropea waqt li jiġu promossi l-kompetizzjoni u t-teħid ta' riskji.

Il-programm Persuni jimmobilizza riżorsi finanzjarji importanti biex itejjeb il-perspettivi tal-karrieri ta' riċerkaturi fl-Ewropa u sabiex jiġu attirati aktar riċerkaturi żgħażagħ ta' kwalità. Il-Kummissjoni tixtieq tħeġġeġ it-taħriġ u l-mobilità sabiex tisfrutta l-potenzjal sħiħ tal-persunal ta' riċerka fl-Ewropa. Dan il-programm iserraħ fuq is-suċċess tal-azzjonijiet Marie Curie li ilhom joffru għal bosta snin possibiltajiet ta' mobilità u taħriġ lir-riċerkaturi Ewropej.

Il-programm Kapaċitajiet għandu joffri lir-riċerkaturi strumenti effettivi biex ikunu jistgħu jsaħħu l-kwalità u l-kompetittività tar-riċerka Ewropea. Dan jikkonsisti l-ewwel nett f'investiment fl-infrastrutturi ta' riċerka fir-reġjuni bl-aktar livell baxx ta' prestazzjoni, fit-taħriġ ta' raggruppamenti reġjonali ffukati fuq ir-riċerka u fir-riċerka favur l-SMEs. Dan il-programm għandu jirrifletti wkoll l-importanza tal-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-irwol tax-xjenza fis-soċjetà.

Barraminnhekk, is-7 programm qafas ser jiffinanzja l-azzjonijiet diretti taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka (JRC) u l-azzjonijiet koperti mill-programm qafas tal-Euratom fl-oqsma ta':

Il-bidla fit-tul ta' żmien

Is-7 programm qafas iżomm għadd kbir ta' elementi minn programmi preċedenti li kellhom effett pożittiv fuq ir-riċerka Ewropea. Dawn huwa l-każi ta' proġetti mmexxija minn gruppi ta' msieħba Ewropej li jibqgħu fil-qalba tal-programm qafas. Bl-istess mod, il-Kummissjoni tpoġġi l-programm qafas fi ħdan iż-Żona Ewropea tar-Riċerka, li tgħaqqad l-attivitajiet kollha tal-UE f'dan il-qasam. L-estensjoni tal-programm minn erba' sa seba' snin tissimbolizza r-rieda ta' azzjoni fit-tul sabiex l-Ewropa ssir dinamika fil-qasam tar-riċerka.

Waqt li jżomm l-aħjar aspetti tal-programmi preċedenti, is-7 programm qafas tar-riċerka jdaħħal miżuri ġodda biex itejjeb il-koerenza u l-effettività tal-politika ta' riċerka tal-UE. L-innovazzjonijiet prinċipali li ddaħħlu minn dan il-programm qafas huma:

Barra minn hekk, kif kien il-każ għas-6 programm qafas, diversi oqsma ta' riċerka mhuma ser jirċievu ebda finanzjament Komunitarju:

Programm qafas issimplifikat

Sa mill-1984, id-diversi programmi oqfsa ta' riċerka żiedu n-numru ta' proċeduri amministrattivi u finanzjarji li jikkostitwixxu l-azzjoni tal-UE fil-qasam tar-riċerka. Il-Kummissjoni tixtieq tkompli bl-isforz ta' simplifikazzjoni mniedi matul l-aħħar programm qafas biex ittejjeb l-effettività tal-finanzjament u tal-ġestjoni tal-proġetti ta' riċerka.

Il-miżuri speċifiċi biex tiġi ssimplifikata l-implimentazzjoni tal-programm qafas jinkludu:

Baġit sostanzjali iżda neċessarju

Il-Kummissjoni tipproponi baġit ta' 50 521 miljun euro għall-perjodu 2007-2013, jew medja ta' 7 217 miljun euro fis-sena. Dan jirrappreżenta aktar minn darba u nofs il-baġit annwali tas-6 programm qafas (4 375 miljun euro fis-sena jew baġit totali ta' 17 500 miljun euro għal erba' snin). B'mod aktar speċifiku, il-baġit ser jitqassam skont kif ġej:

Din iż-żieda tirrifletti l-importanza tar-riċerka fit-tnedija mill-ġdid tal-istrateġija ta' Lisbona, li timmira li tagħmel lill-Ewropa l-ekonomika tal-għarfein l-aktar kompetittiva u l-aktar dinamika fid-dinja. L-Ewropa dan l-aħħar tilfet opportunitajiet importanti f'ċerti oqsma kruċjali tar-riċerka minħabba n-nuqqas ta' fondi disponibbli. Dan il-programm qafas jista' jiffinanzja aktar proġetti ta' kwalità u jsaħħaħ il-kapaċità ta' innovazzjoni tal-UE.

L-għarfien u t-teknoloġija huma l-akbar assi tal-Ewropa u jirrappreżentaw il-bażi tat-tkabbir u l-impjiegi. Il-programm qafas għandu jkollu effett ta' lieva fuq l-ispejjeż nazzjonali fil-qasam tar-riċerka, sabiex l-isforz tar-riċerka tal-Ewropa jilħaq il-livell ta' 3 % tal-PDG. Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tiżvolġi bis-sħiħ l-irwol tagħha ta' mutur u koordinatriċi sabiex tpoġġi l-għarfien għas-servizz tat-tkabbir u l-impjiegi fl-Ewropa.

Kuntest

Sa mill-1984, l-UE tmexxi politika ta' riċerka u żvilupp teknoloġiku bbażata fuq programmi oqfsa pluriannwali. Is-seba' programm qafas huwa t-tieni wara t-tnedija tal-istrateġija ta' Lisbona fl-2000 u għandu jiżvolġi rwol ewlieni għat-tkabbir u l-impjiegi fl-Ewropa fis-snin li ġejjin. Il-Kummissjoni tixtieq tiżviluppa it-“triangolu tal-għarfien” iffurmat mill-politiki tar-riċerka, tal-edukazzjoni u tal-innovazzjoni sabiex tpoġġi l-għarfien għas-servizz tad-dinamiżmu ekonomiku u tal-progress soċjali u ambjentali.

Referenzi

Att

Dħul fis-seħħ - Data ta' skadenza

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Ġurnal Uffiċjali

Deċiżjoni 1982/2006/KE

1.1.2007 - 31.12.2013

-

Ġurnal Uffiċjali L 412, 30.12.2006

Deċiżjoni 969/2006/KE

1.1.2007 - 31.12.2011

-

Ġurnal Uffiċjali L 391, 30.12.2006

ATTI RELATATI

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-29 ta' April 2009 dwar il-progress li sar permezz tas-Seba' Programm Kwadru Ewropew għar-Riċerka [COM(2009) 209 – Mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali]. Is-7 programm qafas huwa adattat attwalment biex jgħin lill-UE toħloq soċjetà tal-għarfien b'intensità baxxa ta' karbonju. Dan għandu jistimula l-investiment pubbliku u privat fir-R&Ż u jiddiversifika l-istrumenti tagħha sabiex jiġi mmassimizzat il-valur miżjud Ewropew.

Is-Seba' Programm Qafas (FP 7) huwa essenzjali għall-promozzjoni tal-eċċellenza xjentifika u għall-iżvilupp teknoloġiku. L-irwol tiegħu huwa saħansitra aktar importanti fil-qagħda ekonomika attwali. L-FP 7 jikkontribwixxi biex isiru sforzi ta' riċerka sostnuti, kif juru l-inizjattivi ta' sħubijiet pubbliċi-privati fir-rigward tal-vetturi ekoloġiċi, il-binjiet li jekonomizzaw fuq il-konsum tal-enerġija u l-fabbriki tal-futur, imnedija fil-kuntest tal-pjan ta' rkupru Ewropew.

Il-Kummissjoni talbet lil grupp ta' esperti biex iwettaq evalwazzjoni intermedjarja ta' FP 7 sabiex ittejjeb l-impatt tiegħu fuq l-istabbiliment taż-Żona Ewropea għar-Riċerka. Il-konklużjonijiet ta' din l-evalwazzjoni ser iservu biex jalimentaw id-dibattiti dwar l-oqfsa finanzjarji futuri tal-Unjoni Ewropea, l-istrateġija ta' Lisbona lil hinn mill-2010 u l-programm qafas li jmiss.

Regolament tal-Kunsill (Euratom) 1908/2006 tad-19 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni ta' impriżi, ċentri ta' riċerka u universitajiet f'azzjoni taħt is-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika u għad-disseminazzjoni tar-riżultati tar-riċerka (2007-2011).

Dan id-dokument jirrigwarda l-proċeduri għall-parteċipazzjoni ta' impriżi, ċentri ta' riċerka u universitajiet fis-seba' programm qafas tal-Komunità Ewropew tal-Enerġija Atomika (Euratom) (2007-2011). Id-dokument huwa mqassam f'erba' kapitoli: id-dispożizzjonijiet introduttivi (ambitu, definizzjoni u kunfidenzjalità), il-parteċipazzjoni f'azzjonijiet indiretti (kundizzjonijiet ta' parteċipazzjoni, aspetti ta' proċeduri, eċċ.), ir-regoli għat-tixrid u l-valorizzazzjoni (proprjetà, protezzjoni, pubblikazzjoni, tixrid u użu tal-għarfien ġdid u li kien jeżisti qabel kif ukoll id-drittijiet ta' aċċess għal dak l-għarfien) u r-regoli partikolari tal-parteċipazzjoni fl-attivitajiet li jaqgħu taħt il-qasam tematiku “riċerka dwar l-enerġija tal-fużjoni”.

Regolament (KE) 1906/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni ta' impriżi, ċentri tar-riċerka u universitajiet f'azzjonijiet taħt is-Seba' Programm Kwadru u għad-disseminazzjoni tar-riżultati tar-riċerka (2007-2013)[Ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali L 391, 30.12.2006].

Dan ir-regolament, li huwa ddedikat għall-parteċipazzjoni ta' impriżi, ċentri tar-riċerka u universitajiet fil-kuntest tas-Seba' Programm Qafas tal-Komunità Ewropea (2007-2013), jikkonsisti f'erba' kapitoli: id-dispożizzjonijiet introduttivi, il-parteċipazzjoni f'azzjonijiet indiretti, il-Bank Ewropew tal-Investiment kif ukoll ir-regoli għat-tixrid u l-valorizzazzjoni.

l-aħħar aġġornament 07.01.2010