Protezzjoni kontra organiżmi ta' ħsara għall-pjanti

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE dwar miżuri li jipproteġu s-saħħa tal-pjanti tal-UE

SOMMARJU

X'TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

Għandha l-għan li tipproteġi l-pjanti minn organiżmi dannużi* (pesti u mard) kemm billi tipprevjeni l-importazzjoni tagħhom fl-UE kif ukoll billi tillimita l-firxa tagħhom jekk jidħlu.

PUNTI EWLENIN

Kull pajjiż tal-UE jrid jistabbilixxi awtorità responsabbli għas-saħħa tal-pjanti u jipprojbixxi l-importazzjoni tal-organiżmi u l-pjanti li huma kkunsidrati dannużi.

Il-leġiżlazzjoni tkopri pjanti ħajjin u żrieragħ, b'mod partikolari frott, ħaxix, basal, fjuri maqtugħin, fergħat, siġar maqtugħin u tessut tal-pjanti.

Il-produtturi tal-pjanti jridu jkunu elenkati f'reġistru uffiċjali.

Ċerti pjanti u prodotti tal-pjanti mkabbra fl-UE għandhom jgħaddu minn spezzjoni tas-saħħa fil-bini mill-inqas darba fis-sena.

Il-pjanti li jissodisfaw l-ispezzjoni jingħataw ċertifikat fitosanitarju. Ikollhom sinjal miftiehem (passaport tal-pjanti) Dan huwa essenzjali għall-pjanti li jiġu ttrasportati lejn pajjiż tal-UE ieħor.

Il-pjanti li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet taċ-ċertifikat jiġu tratti, jitmexxew f'żona fejn ma joħolqux riskju, jintbagħtu għall-ipproċessar industrijali jew jinqerdu.

L-awtoritajiet nazzjonali jridu jwettqu kontrolli każwali fuq il-pjanti fejn jitkabbru, jinħażnu, jinbiegħu jew jiġu trasportati.

L-awtoritajiet nazzjonali jridu jiċċekkjaw ċerti pjanti li jiġu minn pajjiżi mhux tal-UE. L-ispezzjonijiet ikopru l-imballaġġ tagħhom u l-vetturi li jittrasportaw il-pjanti.

Il-pjanti impurtati jrid ikollhom passaport tal-pjanti, maħruġ mhux iktar minn 14-il ġurnata qabel l-esportazzjoni tagħhom. Huma wkoll soġġetta għal kontrolli tal-identità u tas-saħħa tal-pjanti.

Meta l-pjanti impurtati ma jilħqux l-istandards meħtieġa, jistgħu jiġu trattati, jitqiegħdu fi kwarantina, jinqerdu jew jitneħħielhom il-prodott infettat.

Il-pajjiżi tal-UE jridu jinnotifikaw lil xulxin u lill-Kummissjoni Ewropea meta jiġu skoperti organiżmi dannużi u jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jeqirduhom.

F'Mejju 2013, il-Kummissjoni proponiet regolament tal-UE ġdid dwar is-saħħa tal-pjanti.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Daħlet fis-seħħ fit-30 ta' Lulju 2000. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali tagħhom sal-20 ta' Jannar 2002.

SFOND

Is-saħħa tal-pjanti u l-bijosigurtà

TERMINI EWLENIN

* Organiżmu dannuż: pesti ta’ pjanti jew annimali, bħal insetti, dud, batterji, fungi, vajrusijiet u parassiti.

ATT

Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (ĠU L 169, 10.7.2000, pp. 1–112)

L-emendi u l-korrezzjonijiet suċċessivi għad-Direttiva 2000/29/KE ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata hija biss bħala referenza.

l-aħħar aġġornament 29.11.2015