Prodotti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali — kontrolli uffiċjali
SOMMARJU TAD-DOKUMENT:
Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 dwar l-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman
SOMMARJU
X’JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?
Huwa jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq l-ikel maħsub għall-konsum uman.
PUNTI EWLENIN
Il-leġiżlazzjoni timponi r-rekwiżiti li ġejjin fuq il-pajjiżi kollha tal-UE:
-
L-awtoritajiet nazzjonali għandhom japprovaw l-istabbilimenti li jikkonformaw mar-regoli tal-UE dwar l-iġjene tal-ikel u jagħtu kodiċi lil kull wieħed sabiex jindikaw it-tipi ta’ prodotti involuti.
-
In-negozji fis-settur tal-ikel għandhom joffru kull assistenza lill-ispetturi li jwettqu l-kontrolli. Din tinkludi l-għoti ta’ aċċess għall-binjiet kollha u għal kwalunkwe dokumentazzjoni jew reġistri mitluba.
-
Il-verifiki tal-prattika tal-iġjene tal-ikel għandhom ikopru kwistjonijiet bħad-disinn u l-manutenzjoni tal-istabbilimenti u tat-tagħmir, kontroll tal-organiżmi ta’ ħsara u tat-temperatura u taħriġ fl-iġjene.
-
L-awtorità kompetenti għandha twettaq proċeduri speċjali bbażati fuq “analiżi tal-perikli u punti kritiċi ta’ kontroll”, sabiex tivverifika jekk in-negozji fis-settur tal-ikel japplikawx regoli tal-UE dwar il-kriterji mikrobijoloġiċi, ir-residwi, il-kontaminanti u s-sustanzi pprojbiti.
-
L-ispetturi jivverifikaw jekk il-membri tal-persunal fl- istadji kollha tal-proċess tal-produzzjoni japplikawx ir-regoli rilevanti. Huma jistgħu jeżaminaw ir-reġistri tal-kumpanija, jieħdu kampjuni għal analiżi fil-laboratorju u jivvalutaw kwalunkwe riskji li jistgħu jkunu preżenti.
Il-leġiżlazzjoni tkopri tipi differenti ta’ ikel:
-
Laħam frisk: veterinarju uffiċjali għandu jwettaq kontrolli speċifiċi kemm qabel kif ukoll wara li jinqatlu l-annimali fil-biċċeriji, fl-istabbilimenti li jimmaniġġjaw il-kaċċa u fl-impjanti fejn il-laħam jitqatta’ u jitħejja għall-bejgħ.
-
Molluski bivalvi ħajjin: l-awtoritajiet nazzjonali jikklassifikaw iż-żoni minn fejn jinqabad il-frott tal-baħar bil-qoxra, bħal gajdri, maskli u gandoffli, skont l-indafa tal-ilma. Il-klassifikazzjoni tiddetermina jekk il-frott tal-baħar bil-qoxra jistax jinbiegħ direttament għall-konsum uman jew jekk l-ewwel għandux ikun soġġett għal trattament f’ċentru ta’ purifikazzjoni.
-
Prodotti tas-sajd: isiru kontrolli regolari fuq il-kundizzjonijiet tal-iġjene tal-bastimenti tas-sajd, is-swieq (bl-irkant u bl-ingrossa), il-kundizzjonijiet tal-ħażna u tat-trasportazzjoni u fuq il-ħut innifsu meta jitniżżel fuq l-art u jinbiegħ għall-ewwel darba.
-
Ħalib u prodotti magħmula minn ħalib mhux ittrattat (jiġifieri mhux ipproċessat): il-kontrolli jivverifikaw li r-rekwiżiti għall-ħalib mhux ipproċessat qegħdin jiġu ssodisfati u li r-regoli dwar il-benesseri tal-annimali u l-użu ta’ prodotti mediċinali veterinarji huma rrispettati.
-
L-ikel jista’ jiġi importat biss fl-UE minn pajjiżi u stabbilimenti li juru li jilħqu l-istandards tal-UE.
META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?
Huwa beda japplika mill-20 ta' Mejju 2004.
ATT
Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206–320)
L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 854/2004 ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni kkonsolidata hija biss għall-finijiet ta’ referenza.
l-aħħar aġġornament 04.02.2016