Strateġija għal enerġija kompetittiva, sostenibbli u b’sigurtà

Is-sistemi tal-enerġija tad-dinja għaddejjin minn bidliet kbar. Dawn se jkollhom impatt permanenti. Huwa ta’ importanza kbira li d-diversi sorsi ta’ enerġija tal-Unjoni Ewropea (UE) jaqbdu t-triq ta’ sigurtà u sostenibbiltà.

ATT

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Enerġija 2020 - Strateġija għal enerġija kompetittiva, sostenibbli u b’sigurtà (COM(2010) 639 finali tal-10.11.2010)

SOMMARJU

Is-sistemi tal-enerġija tad-dinja għaddejjin minn bidliet kbar. Dawn se jkollhom impatt permanenti. Huwa ta’ importanza kbira li d-diversi sorsi ta’ enerġija tal-Unjoni Ewropea (UE) jaqbdu t-triq ta’ sigurtà u sostenibbiltà.

X’TAGĦMEL IL-KOMUNIKAZZJONI?

Din tipproponi strateġija ġdida dwar l-enerġija għall-perjodu qabel l-2020. Hija tibni fuq il-progress li diġà sar, tidentifika modi sabiex jiġu indirizzati sfidi ġodda u tistabbilixxi l-passi meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika tal-Ewropa fiż-żmien medju. L-istrateġija l-ġdida dwar l-enerġija tiffoka fuq ħames prijoritajiet.

PUNTI EWLENIN

L-ilħuq ta’ Ewropa effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Ir-rabta eżistenti bejn it-tkabbir ekonomiku u ż-żieda fl-użu tal-enerġija trid tispiċċa. Il-bini u t-trasport jista’ jkollhom rwol ewlieni, filwaqt li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom imexxu bl-eżempju tagħhom.

L-iżgurar tal-moviment liberu tal-enerġija. Irid jinħoloq suq iktar integrat, interkonness u kompetittiv. Dan jista’ jsir billi tiġi implimentata bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni tal-UE u permezz tal-iżvilupp ta’ pjan dettaljat sabiex l-enerġija tkun tista’ tiċċaqlaq minn pajjiż għal ieħor.

Il-provvista ta’ enerġija sikura, b’sigurtà u bi prezz moderat għall-pubbliku u n-negozji. Ħafna utenti ma humiex konxji tal-opportunitajiet li jista’ jipprovdi suq tal-enerġija liberalizzat. Politika iktar faċli għall-konsumaturi, ibbażata fuq il-benefiċċji li ġġib magħha l-kompetizzjoni, twassal għall-vantaġġi.

L-estensjoni tar-rwol mexxej tal-Ewropa fit-teknoloġija u l-innovazzjoni tal-enerġija. Jekk ma ssirx bidla teknoloġika kbira, l-UE tfalli fl-ambizzjonijiet tal-2050 tagħha li l-elettriku u t-trasport jitbiegħdu mill-użu tal-fjuwils fossili. Il-Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tal-Enerġija u s-6 Inizjattivi Industrijali Ewropej (enerġija mir-riħ, solari, bijoenerġija, netwerks intelliġenti*, fissjoni nukleari u qbid u ħżin tal-karbonju*) għandhom l-għan li jistimulaw l-innovazzjoni meħtieġa.

L-iżgurar ta’ sħubijiet internazzjonali b’saħħithom. Ħafna mill-isfidi li tiffaċċja l-UE - it-tibdil fil-klima, l-aċċess għaż-żejt u l-gass, l-iżvilupp fit-teknoloġija u l-effiċjenza fl-enerġija - huma kondiviżi minn pajjiżi oħrajn. Il-ħidma flimkien, b’kontribut qawwi tal-UE, se tagħmilha aktar faċli li jinstabu t-tweġibiet it-tajba.

TERMINI EWLENIN

* Netwerks intelliġenti: netwerks tal-enerġija li awtomatikament jissorveljaw il-flussi tal-enerġija u jaġġustaw għall-bidliet fil-provvista u d-domanda.

* Qbid u ħżin tal-karbonju (CCS): il-qbid ta’ skart ta’ diossidu tal-karbonju (CO2), it-trasport u l-ħażna tiegħu taħt l-art, fejn ma jidħolx fl-atmosfera.

Għal aktar informazzjoni ara l-websajt dwar l-Istrateġija għall-Enerġija 2020 tal-Kummissjoni Ewropea.

ATTI RELATATI

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 (COM(2011) 885 finali tal-15.12.2011)

l-aħħar aġġornament 14.09.2015