Il-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru
SOMMARJU TA’:
Regolament (KE) Nru 663/2009 — programm li jgħin l-irkupru ekonomiku permezz tal-għoti ta’ għajnuna finanzjarja tal-UE għal proġetti fil-qasam tal-enerġija
X’INHU L-GĦAN TA’ DAN IR-REGOLAMENT?
Dan jistabbilixxi l-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru (EEPR) sabiex jiġu ffinanzjati proġetti fl-oqsma ewlenin tas-settur tal-enerġija:
- l-infrastrutturi tal-gass u tal-elettriku*;
- l-enerġija mir-riħ ’il barra mix-xtajta*; u
- il-qbid u l-ħżin tal-karbonju*.
Dan ġie stabbilit sabiex jappoġġa:
- l-irkupru ekonomija mill-kriżi ekonomika u finanzjarja tal-2008; u
- l-objettivi ta’ politika dwar l-enerġija tal-UE.
PUNTI EWLENIN
Il-programm jiffinanzja proġetti ta’ infrastruttura tal-elettriku u tal-gass li għandhom l-għan li:
- jiżguraw u jiddiversifikaw is-sorsi tal-enerġija u l-provvisti;
- jagħmlu l-interoperabbiltà (jiġifieri l-interkonnessjoni) tan-netwerks sigura u affidabbli;
- jiżviluppaw u jottimizzaw il-kapaċità tan-netwerk; u
- jgħaqqdu sorsi ta’ enerġija rinnovabbli mal-grilja enerġetika jew man-netwerk.
Il-proġetti tal-enerġija mir-riħ ’il barra mix-xtajta jingħataw finanzjament meta jissodisfaw ċerti kriterji li jqisu l-bini tal-infrastruttura, il-fatturi innovattivi tal-proġett u l-kontribut tiegħu għas-sistema eżistenti tal-enerġija ġġenerata mir-riħ.
Il-proġetti ta’ qbid u ħżin tal-karbonju jingħataw finanzjament meta l-proġett juri li jista’ jaqbad mill-inqas 80 % tad-dijossidu tal-karbonju (CO2) f’installazzjonijiet industrijali.
Il-baġit tal-programm jammonta għal €3.98 biljun, maqsum kif ġej:
- €2.3 biljun allokati għal proġetti ta’ infrastruttura tal-gass (€1.4 bn) u tal-elettriku (€910 miljun);
- €565 miljun allokati għal proġetti ta’ enerġija mir-riħ ’il barra mix-xtajta
- €15 miljun allokati għal żewġ proġetti għall-gżejjer iż-żgħar;
- €1.05 biljun allokati għal 13-il proġetti ta’ qbid u ħżin tal-karbonju;
- €146 miljun allokati għall-istrument finanzjarju tal-programm, stabbilit aktar tard taħt ir-Regolament (UE) Nru 1233/2010 li emenda r-Regolament (UE) Nru 663/2009 biex jiġu appoġġati proġetti relatati mal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.
Il-Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika, stabbilit fl-2011, assuma r-rwol li jalloka flus lil proġetti li jappoġġaw l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Dan jappoġġa proġetti li jikkonċernaw:
- bini pubbliku u privat li jinkorpora soluzzjonijiet għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u/jew għall-enerġija rinnovabbli, inklużi dawk li jużaw teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICTs);
- investimenti fi sħana u enerġija kkombinati effiċjenti ħafna fl-użu tal-enerġija, inkluża l-mikro-koġenerazzjoni, u n-netwerks tat-tisħin/tat-tkessiħ distrettwali, b’mod partikolari minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli;
- sorsi tal-enerġija rinnovabbli deċentralizzati inkorporati fil-kuntesti lokali u l-integrazzjoni tagħhom fil-grilji elettriċi;
- mikroġenerazzjoni minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli;
- trasport urban nadif li jappoġġa aktar effiċjenza fl-użu tal-enerġija u li jintegra sorsi tal-enerġija rinnovabbli (trasport pubbliku, vetturi elettriċi u tal-irdoġenu);
- infrastruttura lokali, inkluż dawl ta’ barra pubbliku effiċjenti bħad-dawl fit-toroq, soluzzjonijiet ta’ ħażna tal-enerġija, metraġġ intelliġenti, u grilji intelliġenti, li jużaw bis-sħiħ l-ICTs;
- teknoloġiji tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tal-enerġija rinnovabbli li jkollhom potenzjal ta’ innovazzjoni u ekonomiku li jużaw l-aħjar proċeduri disponibbli.
Rapporti
Il-Kummissjoni Ewropea tippubblika rapporti kull sena dwar l-implimentazzjoni tal-EEPR. Rapport dwar l-EEPR li ġie ppubblikat fl-2018 wara 7 snin ta’ implimentazzjoni juri li:
- tlestew 35 minn 44 proġett ta’ infrastruttura tal-gass u tal-elettriku;
- 4 minn 9 proġett ta’ enerġija mir-riħ ’il barra mix-xtajta huma operattivi; iżda
- tlesta biss proġett 1 mis-6 proġetti ta’ qbid u ħżin tal-karbonju u 3 ġew itterminati qabel iż-żmien.
MINN META JIBDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?
Ilu fis-seħħ mill-1 ta’ Awwissu 2009.
SFOND
L-EEPR jagħmel parti mill-Pjan ta’ Rkupru Ekonomiku, li ġie stabbilit biex jirrimedja l-effetti tal-kriżi finanzjarja u tal-enerġija li affettwat lill-ekonomija Ewropea fl-2008.
Għal aktar informazzjoni, ara:
TERMINI EWLENIN
Infrastrutturi tal-gass u tal-elettriku:- il-linji kollha ta’ vultaġġ għoli, minbarra dawk tan-netwerks ta’ distribuzzjoni, u tal-konnessjonijiet ta’ taħt il-baħar, diment li din l-infrastruttura tintuża għal trasmissjoni jew konnessjoni interreġjonali jew internazzjonali;
- pajpijiet tal-gass bi pressjoni għolja, minbarra dawk tan-netwerks ta’ distribuzzjoni;
- faċilitajiet ta’ ħżin taħt l-art li huma konnessi mal-pajpijiet tal-gass bi pressjoni għolja;
- faċilitajiet li jirċievu, jaħżnu u jiggassifikaw mill-ġdid il-gass naturali likwifikat; u
- kull tagħmir jew installazzjoni meħtieġa biex l-infrastruttura taħdem kif suppost, inklużi s-sistemi ta’ protezzjoni, monitoraġġ u kontroll.
Enerġija mir-riħ ’il barra mix-xtajta: impjanti tal-enerġija mir-riħ fil-baħar.
Qbid u ħżin tal-karbonju: mod kif jitnaqqas l-effett tat-tibdil fil-klima li jikkonsisti mill-qbid tas-CO2 minn installazzjonijiet industrijali, il-ġarr tiegħu għal post fejn jinħażen u l-mod kif jiġi injettat f’formazzjoni ġeoloġika taħt l-art.
DOKUMENT EWLIENI
Regolament (KE) Nru 663/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi programm li jgħin l-irkupru ekonomiku permezz tal-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja għal proġetti fil-qasam tal-enerġija (ĠU L 200, 31.7.2009, pp. 31-45)
L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 663/2009 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.
DOKUMENTI RELATATI
Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Dwar l-implimentazzjoni tal-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru u l-Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika (COM(2018) 86 final, 5.3.2018)
Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Dwar l-implimentazzjoni tal-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru u tal-Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika (COM(2016) 743 final, 28.11.2016)
Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Dwar l-implimentazzjoni tal-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru u tal-Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika (COM(2015) 484 final, 8.10.2015)
Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Dwar l-implimentazzjoni tal-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru (COM(2014) 669 final, 28.10.2014)
Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Dwar l-implimentazzjoni tal-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru (COM(2013) 791 final, 18.11.2013)
Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni — Evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika li Jakkumpanja d-dokument — Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Dwar l-implimentazzjoni tal-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru (SWD(2013) 457 final, 18.11.2013)
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew — Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku (COM(2008) 800 final, 26.11.2008)
l-aħħar aġġornament 14.09.2018