Mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) Nru 407/2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Huwa jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-għoti ta’ għajnuna finanzjara mill-Unjoni Ewropea (UE) lil Stat Membru tal-UE li, minħabba avvenimenti barra mill-kontroll tiegħu, qed jesperjenza jew jiġi mhedded bi xkiel finanzjarju jew ekonomiku gravi.

PUNTI EWLENIN

Għajnuna finanzjarja

L-għajnuna tingħata fil-forma ta’ self jew linja ta’ kreditu* lill-Istat Membru kkonċernat. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni Ewropea tista’ tagħti b’kuntratt, f’isem l-UE, self fuq swieq kapitali jew mingħand istituzzjonijiet finanzjarji, f’konformità ma’ deċiżjoni adottata mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li qed jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata.

Proċedura

Mal-Kummissjoni, u flimkien mal-Bank Ċentrali Ewropew, l-Istat Membru li qed ifittex l-għajnuna jipproċedi b’valutazzjoni tal-bżonnijiet finanzjarji tiegħu. Huwa mbagħad jissottometti lill-Kummissjoni programm abbozz għal irkupru finanzjarju u ekonomiku.

Huwa mbagħad jissottometti abbozz ta’ programm għall-irkupru ekonomiku u finanzjarju lill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni tivverifika f’intervalli regolari jekk il-politika ekonomika tal-Istat Membru benefiċjarju hijiex konsistenti mal-programm ta’ aġġustament tiegħu u mal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill sabiex ikun jista’ jkompli jirċievi l-għajnuna finanzjarja, li tingħata fi ħlasijiet parzjali.

Il-kompatibbiltà ma’ mekkaniżmi oħrajn ta’ appoġġ finanzjarju

Il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (EFSM) huwa kompatibbli mal-faċilità għal perjodu ta’ żmien medju li tipprovdi assistenza finanzjarja għall-bilanċi tal-pagamenti. Barra minn hekk, huwa ma jeskludix l-użu ta’ fondi minn barra l-UE, bħal mill-Fond Monetarju Internazzjonali.

Baġit tal-EFSM

L-EFSM huwa ffinanzjat mill-baġit tal-UE. Il-Kummissjoni titħalla tissellef sa total ta’ € 60 biljun fi swieq finanzjarji f’isem l-UE. Is-self huwa garantit mill-baġit tal-UE.

L-EFSM kien attivat għall-Irlanda u l-Portugall, għal ammont totali ta’ EUR 46.8 biljun (EUR 22.5 biljun għall-Irlanda u EUR 24.3 biljun għall-Portugall), żborżati fuq medda ta’ tliet snin (2011-14).

F’Lulju 2015, l-EFSM intuża sabiex jipprovdi għajnuna għal perjodu ta’ żmien qasir (self tranżitorju) ta’ EUR 7.16-il biljun lill-Greċja.

Hemm fis-seħħ arranġamenti speċifiċi li jikkonċernaw l-espożizzjoni tal-pajjiżi li mhumiex fiż-żona tal-euro.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilu japplika mit-13 ta’ Mejju 2010.

SFOND

Il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) jikkonsolida u jgħaqqad l-EFSM u l-Faċilità Ewropew ta’ Stabbiltà Finanzjarja, iż-żewġ strumenti li ddaħħlu fis-seħħ temporanjament fid-dawl tal-kriżi tad-dejn sovran, u li flimkien magħhom jeżisti llum il-ġurnata.

Il-MES ser isir il-mekkaniżmu ewlieni ta’ appoġġ għall-pajjiżi fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw diffikultajiet temporanji sabiex jissellfu flus fis-swieq finanzjarji minħabba l-livelli tad-dejn tagħhom. Il-kapaċità massima inizjali tas-self tiegħu kienet ta’ €500 biljun fuq il-bażi ta’ kapital ta’ €704.8 biljun. Il-MES huwa ffinanzjat mill-Istati Membri skont l-iskema ta’ kontribuzzjonijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew*.

Is-self huwa ffinanzjat mis-self tal-MES fuq is-swieq finanzjarji u huwa garantit mill-azzjonisti tiegħu (il-pajjiżi taż-żona tal-euro). Is-self isir abbażi ta’ kundizzjonijiet stretti, inkluż ir-ritorn tal-finanzi pubbiċi għal livelli sostenibbli.

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Linja ta’ kreditu. Awtorizzazzjoni mogħtija mill-Kunsill, fuq il-proposta tal-Kummissjoni, lil Stat Membru sabiex jieħu fondi mill-EFSM sa limitu massimu speċifikat għal perjodu ta’ żmien partikolari.
L-iskema ta’ kontribuzzjonijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew. Din l-iskema tiġi kkalkolata sabiex tirrifletti s-sehem tal-Istat Membru rispettiv fil-popolazzjoni totali u l-prodott domestiku gross tal-UE. Dawn iż-żewġ fatturi determinanti għandhom ponderazzjoni ugwali.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja (ĠU L 118, 12.5.2010, pp. 1-4).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament tal-Kunsill (UE) 407/2010 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 02.06.2022