Pagamenti transfruntiera f'euros

L-għan taż-Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro (SEPA) huwa li tiżgura li l-pagamenti elettroniċi madwar iż-żona kollha tal-euro jsir b’mod faċli bħall-pagamenti fi flus kontanti u li ma jkunx hemm ħlasijiet addizzjonali meta persuna tagħmel pagament elettroniku f’euros f’pajjiż Ewropew (UE) ieħor.

ATT

Regolament (KE) Nru 924/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-ħlas transkonfinali fil-Komunità u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2560/2001.

SOMMARJU

L-għan taż-Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro (SEPA) huwa li tiżgura li l-pagamenti elettroniċi madwar iż-żona kollha tal-euro jsir b’mod faċli bħall-pagamenti fi flus kontanti u li ma jkunx hemm ħlasijiet addizzjonali meta persuna tagħmel pagament elettroniku f’euros f’pajjiż Ewropew (UE) ieħor.

X'JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

Ir-regoli jitolbu lill-banek sabiex jimponu l-istess ħlasijiet għat-tranżazzjonijiet ta’ pagamenti elettroniċi f’euros li jsiru fuq livell transkonfinali, bejn 2 pajjiżi Ewropej, u għat-tranżazzjonijiet ta’ pagamenti elettroniċi korrispondenti* f’euros li jsiru fuq livell nazzjonali, fl-istess pajjiż Ewropew.

PUNTI EWLENIN

It-tranżazzjonijiet ta’ pagamenti elettroniċi jinkludu trasferimenti ta’ krediti, debiti diretti, ħruġ ta’ flus minn ATMs (automatic teller machines), pagamenti b’kards ta’ debitu u kreditu, kif ukoll trasferimenti ta’ flus kontanti.

Il-pagamenti kkonċernati għandhom isiru f’euros jew fil-munita nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE li jixtiequ japplikaw ir-Regolament. B’hekk, wara talba mill-Isvezja, il-prinċipju tal-ugwaljanza tal-ħlasijiet japplika wkoll għall-pagamenti magħmula fil-krona Svediża.

F’termini prattiċi, il-banek għandhom jipprovdu lill-klijenti tagħhom b’Numru ta’ Kont Bankarju Internazzjonali (IBAN) li jrid jintuża meta jsiru tranżazzjonijiet transkonfinali ta’ pagamenti elettroniċi. Il-banek għandhom jagħtuhom ukoll Kodiċi ta’ Identifikatur tal-Bank (BIC). Għalhekk, dawn it-trasferimenti ma jiġux jiswew aktar mit-trasferimenti li jsiru fi ħdan l-istess pajjiż.

Konformità mal-obbligi

Jekk bank ma jkunx konformi mar-regoli dwar il-ħlasijiet imposti, il-klijenti tiegħu jew kwalunkwe parti interessata jistgħu jressqu ilment quddiem l-awtorità nazzjonali.

Bil-għan li jiggarantixxu li t-tilwimiet li jinqalgħu bejn il-banek u l-klijenti jissolvew, il-pajjiżi tal-UE għandhom jistabbilixxu proċeduri effettivi ta’ rimedju u tressiq ta’ ilmenti barra l-qorti. Jistgħu jingħataw penali f’każ ta’ ksur.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Mill-1 ta' Novembru 2009.

TERMINI EWLENIN

*Pagamenti korrispondenti: pagamenti b’karatteristiċi simili, bħall-istess ammont, mezz ta’ ħlas - eż. permezz ta’ ATM (automated teller machine), online, eċċ. - jew strument tal-pagament użat - kards, ċekkijiet, debiti diretti jew trasferimenti ta’ krediti.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Ir-Regolament (KE) Nru 924/2009

1.11.2009

-

ĠU L 266 tad-9.10.2009, pp. 11-18

Atti emendatorji

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Ir-Regolament (UE) Nru 260/2012

31.3.2012

-

ĠU L 94 tat-30.03.2012, pp. 22-37

Ir-Regolament (UE) Nru 248/2014

21.3.2014

-

ĠU L 84, 20.3.2014, pp. 1-3

L-aħħar aġġornament: 19.06.2015