It-trattament ugwali tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija

Il-leġiżlazzjoni Ewropea ttejjeb il-protezzjoni tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija billi tiżgura t-trattament ugwali fir-rigward tal-kondizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u tal-impjiegi. Hija tistabbilixxi qafas għall-użu tal-ħidma tal-aġenzija sabiex tikkontribwixxi b’mod effettiv għall-ħolqien tal-impjiegi u għall-iżvilupp ta’ forom flessibbli ta’ xogħol.

ATT

Id-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija.

SOMMARJU

Il-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija huma impjegati minn aġenzija tax-xogħol temporanju u mqiegħda temporanjament għad-dispożizzjoni tal-impriżi utenti. F’termini tal-kondizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u tal-impjiegi, il-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija u l-ħaddiema rreklutati direttament mill-impriża għall-istess impjieg huma intitolati, bħala regola ġenerali, għal trattament ugwali.

Din id-Direttiva tapplika għall-aġenziji pubbliċi u privati tax-xogħol temporanju u għall-impriżi utenti involuti f’attivitajiet ekonomiċi, kemm jekk qegħdin jaħdmu għal qligħ kif ukoll jekk le. Wara li jikkonsultaw lill-imsieħba soċjali, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li d-Direttiva ma tapplikax għal kuntratti ta’ xogħol konklużi taħt programmi pubbliċi partikolari, speċifikament it-taħriġ vokazzjonali, l-integrazzjoni jew it-taħriġ mill-ġdid.

Il-kondizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg

Il-prinċipju ta’ trattament ugwali japplika għall-kondizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u tal-impjiegi relatati ma’:

Il-ħaddiema jirċievu wkoll trattament ugwali fir-rigward ta’:

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-imsieħba soċjali sabiex jiddefinixxu kondizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjiegi speċifiċi għall-ħaddiema permezz ta’ aġenzija.

Wara li jikkonsultaw lill-imsieħba soċjali, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu wkoll l-għażla li jidderogaw mill-prinċipju tal-ħlas ugwali għall-ħaddiema permezz ta’ aġenzija li għandhom kuntratt ta’ impjieg permanenti (permanent contract of employment - PCE) u li qegħdin ikomplu jitħallsu bejn żewġ assenjazzjonijiet.

Aċċess għax-xogħol, għat-taħriġ u għas-servizzi

Il-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija għandhom ikunu liberi li jikkonkludu kuntratt tax-xogħol mal-impriża utenti fi tmiem l-assenjazzjoni tagħhom. Għalhekk, huma għandhom jinżammu informati dwar il-postijiet tax-xogħol battala għal impjieg permanenti. Il-parteċipazzjoni tagħhom fi programmi ta’ taħriġ għandha tiġi inkoraġġita, kemm jekk fi ħdan l-aġenzija tax-xogħol temporanju jew fi ħdan l-impriża utenti.

L-aċċess għall-amenitajiet u s-servizzi kollettivi tal-impriża utenti (speċifikament il-canteens, il-faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal u t-trasport) għandu jkun miftuħ għalihom u, fil-prinċipju, taħt l-istess kondizzjonijiet bħal ħaddiema oħrajn.

Rappreżentanza u informazzjoni

Il-korpi li jirrappreżentaw lill-ħaddiema huma kostitwiti skont livell limitu kkalkolat bl-użu tan-numru ta’ impjegati f’impriża jew fi stabbiliment. Il-ħaddiema permezz ta’ aġenzija jiġu kkunsidrati f’dan il-kalkolu fi ħdan l-aġenzija tax-xogħol temporanju li timpjegahom, l-impriża utenti li magħha jiġu assenjati jew iż-żewġ kumpaniji.

Meta impriża utenti tippreżenta s-sitwazzjoni tal-impjieg lill-korpi li jirrappreżentaw lill-ħaddiema, hija għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-użu tal-ħaddiema permezz ta’ aġenzija.

Pieni

L-Istati Membri għandhom jippreskrivu pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi f’każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali implimentati skont din id-Direttiva. Huma għandhom jiżguraw ukoll li jkun hemm rikors legali jew amministrattiv f’każ ta’ ksur tal-obbligi ta’ din id-Direttiva.

Kuntest

L-Istati Membri kellhom jirrevedu r-restrizzjonijiet jew il-projbizzjonijiet applikabbli għall-ħidma ta’ aġenzija temporanja sa mhux aktar tard mill-5 ta’ Diċembru 2011. Dawn il-limitazzjonijiet jistgħu jiġu ġustifikati biss fuq bażi ta’ interess ġenerali.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

2008/104/KE

5.12.2008

5.12.2011

ĠU L 327 tal-5.12.2008

ATTI RELATATI

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/104/KE dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija. [ COM(2014) 176 finali tal-21.3.2014 - mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali].

Ir-rapport tal-Kummissjoni jikkonkludi li, b’mod ġenerali, id-Direttiva ġiet implimentata u applikata b’mod korrett, iżda li l-għan doppju tagħha għadu ma ġiex issodisfat b’mod sħiħ. Tabilħaqq, minn naħa waħda, il-firxa tal-użu ta’ ċerti derogi mill-prinċipju tat-trattament ugwali setgħet, f’każijiet speċifiċi, wasslet għal sitwazzjoni fejn l-applikazzjoni tad-Direttiva ma jkollha ebda effett reali fuq it-titjib tal-protezzjoni tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija. Min-naħa l-oħra, ir-reviżjoni tar-restrizzjonijiet u tal-projbizzjonijiet fuq l-użu tax-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija serviet, fil-maġġoranza tal-każijiet, sabiex tilleġittima l-istatus quo, minflok sabiex tagħti impetu lir-reviżjoni tar-rwol tax-xogħol permezz ta’ aġenzija fi swieq tax-xogħol moderni u flessibbli.

Il-Kummissjoni għandha tkompli timmonitorja l-applikazzjoni tad-Direttiva u taħdem mill-qrib mal-Istati Membri u mal-imsieħba soċjali sabiex tiżgura li l-miri tagħha jintlaħqu. Fid-dawl tal-fatt li d-Direttiva ġiet implimentata mill-Istati Membri riċentament u minħabba li huwa meħtieġ aktar żmien sabiex tiġi akkumulata l-esperjenza fl-applikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni hija tal-fehma li mhumiex meħtieġa emendi f’dan l-istadju.

L-aħħar aġġornament: 17.06.2014